Tuesday, 27 October 2020
           
Home arrow News arrow Latest arrow IL-GHID IL-KBIR TAL-MULEJ GESŁ (2020) IR-REBHA L-KBIRA TAL-BNIEDEM
IL-GHID IL-KBIR TAL-MULEJ GESŁ (2020) IR-REBHA L-KBIRA TAL-BNIEDEM PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 11 April 2020

Din hija il- Liturgija ta' l-Ghid il-Kbir (2020)  bi hsibijiet  min Joe Rapa.

l-ghid_il-kbir_2020.jpg

 

Dawn tassew kienu Randan u Ġimgħa Mqaddsa partikulari, speċjali.  Ilha d-dinja ma tgħix dan iż-żmien qaddis b’mod aktar ħaj, anke jekk sajmin għall-kollox mill-grazzja tal-Liturġija.  Kien żmien ta’ dieqa, hekk kif pajjiżna daħal anke hu fit-taqbida għall-Ħajja kontra l-pandemija siekta imma qerrieda.  Bdejna anke aħna, kuljum, nistennew in-numri jiġu mħabbra, statistika ta’ mard, u issa, anke mwiet.  Bdejna n-niżla wara ħafna pajjiżi oħra, u għal mument ittamajna li se nkunu differenti, li, min jaf, forsi neħilsuha; imma qbadniha n-niżla aħna wkoll.

 

L-għajta ta’ Kristu fuq is-salib

 

Kommoventi iktar mis-soltu kienet iċ-Ċelebrazzjoni tant antika tal-Ġimgħa l-Kbira li waslet għandna bħala faraġ permeżż tal-meżżi moderni tax-xandir.  L-għajta ta’ Kristu kienet l-għajta tal-umanità li tħallas u terġa’ tħallas il-prezz tad-dnub: “Eli, Eli, lema sabaqtani!  Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni!”  (Mt. 27, 46).  Ġesù u l-umanità ħaġa waħda.  Kristu, Alla nnifsu, jitwaħħad mal-midneb u jerfa’ miegħu t-toqol tal-Istorja li dejjem tieħu, dejjem tieħu lejn il-Kalvarju, u lejn l-għajta: “Fejn int O Alla?  Għaliex tlaqtni?  Għaliex insejtni?  Meta se tgħinni?”  Kristu u l-midneb, mgħannqin flimkien, taħt toqol wieħed, mexjin pass wieħed, lejn post wieħed.

 

Għajjat b’leħen għoli: “Huwa l-Għid tal-Mulej!”

 

Kemm hu kiefer id-dlam!  Kemm hu kiefer id-dlam tal-Fidi!  Kollha kemm aħna nidħlu fih.  “Il-Lejl Mudlam tar-Ruħ” iddiskriva San Ġwann tas-Salib din l-esperjenza.  Għaliex Alla jippermetti d-dlam, meta xejn ma jagħmel sens, meta ma nifhmu xejn minn dak li jkun qed jiġrilna, meta l-Imħabba, li hi Alla, tgħib jew torqod fuq il-poppa tad-dgħajsa li qed tegħreq?  Għaliex Abraham dam ħajtu kollha jistenna, jistenna, jistenna li sseħħ il-wegħda?  Għaliex Iżrael dam erba’ mitt sena lsir fl-Eġittu?  Għaliex David għex nofs ħajtu vagabond, nomadu, maħrub minn quddiem is-Sultan tiegħu?  Għaliex il-poplu ta’ Alla kellu jgħaddi mill-kalamità tal-Eżilju f’pajjiż barrani?  Għaliex il-Knisja għadha sal-lum ippersegwitata?  U biex insemmu kas riċenti: għaliex il-Kardinal Pell tal-Awstralja kellu jgħaddi minn tant inkwiet, tant inġustizzji, tant kalunji, tant solitudni fil-ħabs, biex issa jinstab li wara kollox kien innoċenti?  Għaliex l-Għid mhuwiex Għid mingħajr it-tbatijiet, mingħajr id-dlam, mingħajr il-Passjoni, mingħajr il-Mewt?

 

Ir-risposta hi ovvja, imma meta tkun għaddej int mid-dlam, id-dlam innifsu jgħamik mir-risposta, anke jekk ikun hemm min jagħtihielek b’intenzjoni tajba.  Iktar kemm hi kbira d-deżolazzjoni iktar hi kbira l-għajta li tinstema fiż-żerniq tal-Għid!  Iktar kemm hu kiefer id-dlam, iktar tal-għaġeb jiddi d-Dawl!  Iktar kemm fond hu l-abbiss tax-Sheol li fih tinżel, iktar fil-għoli tittella’, ’il fuq mis-sħab, fuq l-ogħla muntanja tgħollik id il-Mulej.

 

Għax tinstema għajta!  “Hu qam mill-Mewt! Hallelujah!” “Hristos Vaskrese!”  Il-ħabba tal-qamħ midfuna fid-dlam tal-ħamrija tgħajjat: “Hu qam mill-Mewt” hekk kif tinqasam u tnissel qalba ġdida.  Ir-Rebbiegħa tinża mill-għata tax-Xitwa u tgħajjat “Hu qam mill-Mewt!”  Il-baħar jikkwieta wara l-maltemp u ma jbeżżax aktar, anzi jifraħ bis-sliem u jgħid: “Hu qam mill-Mewt!”  Iż-żerniq iħarrab id-dlam, sebaħ, il-lejl għadda, jum ġdid jgħajjat: “Hu qam mill-Mewt!”

 

Tinstema l-Għajta glorjuża tal-Għid, il-Kerigma, l-Aħbar it-Tajba, l-Evanġelju li jħabbar li l-Ħaruf ta’ għonqu mħanxar, ara, issa hu Ħaj u Rebbieħ, u miegħu hu rebbieħ jien, hu rebbieħ int, aħna lkoll irbaħna fuq il-Mewt li ġiet murija bħala giddieba!  Għax il-ħabba tal-qamħ ma tmutx imma tagħti l-Ħajja eżatt meta l-Mewt kantat il-vittorja.  Din hi l-esperjenza tal-ħolqien kollu, miġbura fi Kristu Ġesù, l-Iben għażiż tal-Missier Alla.  Aħna m’aħniex se mmutu imma se ngħixu għal dejjem ta’ dejjem fil-hena tal-Missier għax aħna nemmnu li tassew, l-Iben li ħalsilna dejnna, hu Ħaj u qed jiħol għalina issa quddiem il-Missier waqt li juriħ il-pjagi qaddisa tiegħu.  Aħna lkoll salvati bil-merti tal-Ubbidjenza ta’ Kristu.  Mhux bil-merti tagħna, imma bil-merti ta’ Kristu.  Kif jista’ jkun li ma nikkonvertux u ma ngħixux kif iridna l-Mulej, jekk Kristu tana Ħajja Ġdida, Ħajja mingħajr id-dell tal-Mewt, Twelid Ġdid, Natura ġdida?

 

Għall-Knisja l-Għid hu kollox!  Dan nifhmuh jekk aħna jkollna din l-esperjenza maġika tal-Għid tal-Mulej.  Mhux veru li Alla hu liġijiet, li Hu jippretendi wisq, li hu “tough” u jgħabbik b’salib daqshiex.  Mhux veru li hu jogħxa jurik il-limiti tiegħek, u jdejqek billi jfakkrek li jum wieħed għad tmut.  Mhux veru!  Din hi karikatura ta’ Alla, ta’ Kristu!  Kristu ġie biex imut ħalli jien u int ngħixu għal dejjem!  Hu bata biex ma nbatux aħna!  Hu tgħabba bid-dnubiet tagħna lkoll u bil-konsegwenza tad-dnub li hi l-Mewt, Hu li kien innoċenti, biex aħna niskappaw!  Hu niżel mis-sema jfittex lil Adam, li ħaseb ħażin fih, u li ried isir aqwa minnU, u meta ma sabux fuq l-art, niżel fil-qiegħan tal-abbissi f’post l-imwiet bil-Passjoni u l-Mewt tiegħU u hemm sabu, ħatfu minn idu u qallu: “Ejja maħbub tiegħi!  Ejja noħorġu minn hawn!”

 

Ir-Rebħa ta’ Kristu hija r-Rebħa tal-bniedem fuq id-dlam, fuq il-mard, fuq l-inkwiet, fuq il-Mewt, fuq dak kollu li jeqirdu.  Għaliex tħossok waħdek?  Għaliex tixxennaq qisek tallab għall-imħabbiet  żgħar tal-bnedmin?  Għaliex int imdejjaq?  Għaliex int imħasseb dwar il-futur?  Għax qed tinkwieta fuq uliedek?  Għaliex begħet ruħek lill-flus u lil xogħol fuq xogħol?  Għaliex il-piki, is-suspetti, il-ġudizzji, il-ġlied, il-gwerer?  Għaliex il-prostituzzjoni, id-droga, il-pornografija, is-serq, l-inġustizzji, il-moħqrija taż-żgħir u l-innoċenti?  Kristu Qam mill-Mewt!  Hu aqwa mid-Dnub tad-dinja!  Hu, il-waħdieni li jħobbok hekk kif int, miet għalik biex iħallas id-dejn tiegħek u jekk temmen dan, int issa stess issir qaddis f’għajnejn il-Missier!

 

Bil-Mewt tiegħU Kristu faqa’ d-diega enormi li kienet qegħda żżomm magħluqa l-ilmijiet tal-Ispirtu s-Santu.  Ġara tsunami sħiħ ta’ għarar ta’ grazzji li faqa’ l-għatx tad-deżert.  Nistennew u naraw kif minn dan il-virus li qed ikidd id-dinja, Alla se jislet Għid tal-Għaġeb.  Hu biss kapaċi joħloq id-Dawl mid-dlam.  “Kristu qam mill-Mewt!  Halleluja!”  L-Istorja tiegħek, tiegħi, ta’ kull bniedem, tad-dinja, hija meravilja Paskwali.  Mid-dlam għad-Dawl; mill-mewt għall-Ħajja; mill-biża għall-Ferħ; mil-luttu għall-Festa; mid-daqq kiebi għall-Halleluja dejjiema!

 

Jien u int, aħna ferħana fil-qjies li nemmnu fl-Għid tal-Mulej Ġesù.  Kristu qam mill-Mewt!  Hu qam tassew!  Halleluja!

 

Il-Liturġija tal-Kelma tal-Quddiesa ta’ Sbiħ il-Jum tal-Għid.

 

Qari I

Aħna kilna u xrobna miegħu wara li qam mill-imwiet.

Atti 10, 34a.37-43

 

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli

 

F’dak iż-żmien, Pietru qabad jitkellem u qal: Intom tafu b’dak li ġara mal-Lhudija kollha, ibda mill-Galilija, wara li Ġwanni kien xandar il-magħmudija; tafu kif Alla kkonsagra lil Ġesù ta’ Nazaret bl-Ispirtu s-Santu u bil-qawwa, u kif dan Ġesù għadda jagħmel il-ġid u jfejjaq lil dawk kollha li kienu maħkuma mix-xitan, għax Alla kien miegħu. U aħna xhud ta’ dak kollu li hu għamel fl-art tal-Lhudija u f’Ġerusalemm. Tawh il-mewt billi dendluh mal-għuda tas-salib; imma Alla qajmu mill-imwiet fit-tielet jum u għamel li hu jidher, mhux lil kulħadd, imma lix-xhieda li Alla għażel minn qabel, lilna, li miegħu kilna u xrobna wara l-qawmien tiegħu mill-imwiet.

 

Lilna ordnalna biex inxandruh lill-poplu u nixhdu li dan hu dak li Alla għamlu mħallef tal-ħajjin u tal-mejtin. Il-profeti kollha jixhdu għalih u jgħidu li kull min jemmen fih jaqla’ l-maħfra tad-dnubiet bis-saħħa ta’ ismu”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 117 (118), 1-2.16ab-17. 22-23

 

R/. (24): Dan hu l-jum li għamel il-Mulej;

ħa nifirħu u nithennew fih. Hallelujah

 

Faħħru lill-Mulej, għaliex hu tajjeb,

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu!

Ħa jgħidu wlied Iżrael:

“Għal dejjem it-tjieba tiegħu”. R/.

 

Il-leminija tal-Mulej ’il fuq merfugħa,

il-leminija tal-Mulej għamlet ħwejjeġ ta’ ħila!

Ma mmutx, imma nibqa’ ngħix,

u nħabbar l-għemejjel tal-Mulej. R/.

 

Il-ġebla li warrbu l-bennejja

saret il-ġebla tax-xewka.

Bis-saħħa tal-Mulej seħħ dan:

ħaġa tal-għaġeb f’għajnejna. R/.

 

Qari II

Fittxu l-ħwejjeġ tas-sema, fejn qiegħed Kristu.

Kol 3, 1-4

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Kolossin

 

Ħuti, jekk intom irxuxtajtu ma’ Kristu, fittxu l-ħwejjeġ tas-sema, fejn Kristu qiegħed fuq il-lemin ta’ Alla. Aħsbu fil-ħwejjeġ tas-sema, mhux f’dawk tal-art. Għax intom mittu, imma ħajjitkom hi moħbija flimkien ma’ Kristu f’Alla. Meta jidher Kristu, li hu l-ħajja tagħkom, imbagħad intom ukoll tidhru flimkien miegħu fil-glorja.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Jew

 

Qari II

Tnaddfu mill-ħmira l-qadima, ħa tkunu għaġna ġdida.

1 Kor 5, 6b-8

 

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin

 

Ħuti, ma tafux li ftit ħmira ttalla’ l-għaġna kollha? Tnaddfu mill-ħmira l-qadima ħalli tkunu għaġna ġdida, kif intom bla ħmira. Il-Ħaruf tal-Għid tagħna, li hu Kristu, hu maqtul! Nagħmlu festa, mhux bil-ħmira l-qadima, anqas bil-ħmira tal-qerq u tal-ħażen, imma bil-ħobż bla ħmira tas-safa u tas-sewwa.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Sekwenza

 

Ħa jgħollu l-insara b’tifħirhom

il-Vittma tal-Għid:

għax feda l-Ħaruf in-nagħaġ tiegħu

mill-jasar tal-mewt;

Ġesù raġa’ ħabbeb il-midneb

ma’ Alla l-Missier.

 

F’taqbida tal-għaġeb mal-Ħajja

inqerdet il-Mewt;

u qam Sid il-ħajja mill-qabar,

isaltan rebbieħ.

 

“Għidilna, Marija, ħabbrilna:

fit-triq lil min rajt?”

“Jien rajt qabar Kristu li rxoxta

fis-sebħ tal-qawmien;

rajt l-Anġli li ġew jagħtu xhieda,

il-faxxa, il-liżar.

 

Irxoxta mill-mewt Kristu Sidi,

li fih ittamajt!

Mar hu l-Galilija qabilkom:

hemmhekk se tarawh”.

 

O, nemmnu li llum Kristu rxoxta

tassew mill-imwiet!

Int mela, Sultan, ħenn għalina,

O Kristu rebbieħ.

Ammen! Hallelujah!

 

Victimae paschali laudes

immolent christiani.

Agnus redemit oves:

Christus innocens

Patri reconciliavit peccatores.

 

Mors et vita

duello conflixere mirando:

dux vitae mortuus,

regnat vivus.

 

Dic nobis, Maria,

quid vidisti in via?

Sepulcrum Christi viventis:

et gloriam vidi resurgentis.

Angelicos testes,

sudarium et vestes.

 

Surrexit Christus spes mea:

praecedet suos in Galilaeam.

 

Scimus Christum

surrexisse a mortuis vere:

tu nobis, victor Rex,

miserere.

Amen. Alleluia.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

ara 1 Kor 5, 7b-8a

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Il-Ħaruf tal-Għid tagħna, li hu Kristu, hu maqtul:

nagħmlu mela festa fil-Mulej.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Kristu kellu jqum mill-imwiet.

Ġw 20, 1-9

 

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

 

Kien l-ewwel jum tal-ġimgħa, filgħodu kmieni kif kien għadu d-dlam, u Marija ta’ Magdala ġiet ħdejn il-qabar u rat il-blata mneħħija mill-qabar. Għalhekk telqet tiġri għand Xmun Pietru u għand id-dixxiplu l-ieħor li kien iħobb Ġesù, u qaltilhom: “Qalgħu lill-Mulej mill-qabar, u ma nafux fejn qegħduh!”.

 

Pietru u d-dixxiplu l-ieħor ħarġu u ġew ħdejn il-qabar. It-tnejn ġrew flimkien, imma d-dixxiplu l-ieħor ħaffef aktar minn Pietru u laħaq qablu ħdejn il-qabar. Tbaxxa, u ra l-faxex tal-għażel imqiegħda hemm, iżda ma daħalx. Imbagħad wasal warajh Xmun Pietru, daħal fil-qabar, u ra l-faxex tal-għażel imqiegħda hemm, u l-maktur li kien madwar rasu; dan ma kienx mal-faxex, imma mitwi u mqiegħed f’post għalih. Imbagħad id-dixxiplu l-ieħor, li kien wasal l-ewwel ħdejn il-qabar, daħal hu wkoll, ra, u emmen.

 

Sa dakinhar kienu għadhom ma fehmux l-Iskrittura li tgħid li kellu jqum mill-imwiet.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu

 

Last Updated ( Saturday, 11 April 2020 )
 
< Prev   Next >