Din
hija il- Liturgija tat-Tieni Hadd tal-Ghid (2020) bi hsibijiet min Joe Rapa.
Għalkemm qed ngħixu f’dawn
iż-żminijiet diffiċli li fihom, minbarra d-dieqa ta’ tant imwiet mad-dinja
kollha, in-Nisrani qed ukoll isofri minn għatx għaċ-ċelebrazzjoni liturġika
mal-kumplament tal-Knisja, il-Mulej qed ifarraġna bil-preżenza liturġika, virtwali
kemm trid, fid-djar tagħna, bis-saħħa tat-teknoloġija tal-“mass media”. Għalkemm inħkimmna minn nostalġija
għall-mumenti solenni kbar tat-Tridu tal-Għid, il-verità hi li l-Ferħ tal-Għid
tal-Mulej tagħna xorta waħda nxtered mal-art kollha. Il-Mulej tagħna qam mill-Mewt!
Halleluja!
Din hi l-għajta ferrieħa tal-qalb
li emmnet il-Misteru tal-Għotja mmensa ta’ Alla nnifsu għall-bniedem, għalija u
għalik. L-Għid ixandar l-Aħbar it-Tajba
mhux biss li Kristu hu ħaj u rebbieħ, imma li Hu ġie magħmul Spirtu li jinagħta
lil dawk li jemmnu f’dak li ġara. Min
jemmen fi Kristu u fil-Misteru tal-Għid tiegħu, jikber fih dan l-Ispirtu ta’
Kristu bi proċess li jwassal għar-rebħa fuq il-Mewt tassew. Dan ma nistgħux inħalluh “teorija” bħalma
sikwit nagħmlu. Il-Fidi vera u profonda
fi Kristu ġġib magħha l-Preżenza tal-Ispirtu s-Santu fil-bniedem u dan l-għaġeb
irid jidher fil-prattika, fil-konkret.
Hu faċli li jien ngħid li nemmen, imma mbagħad nibqa’ nibża’ minn kull
tbatija, nirvilla meta jidher is-Salib u niskuża ruħi milli nħobb lill-proxxmu
meta l-proxxmu hu fonqla jew inġust miegħi u saħansitra għadu.
Il-Fidi u l-Għotja
tal-Ispirtu s-Santu huma Grazzja. Aħna
rċivejnihom fil-Magħmudija meta ma konna nafu xejn dwar dan kollu. Hu ovvju li din il-Grazzja enormi hi moħbija
fit-tarbija u trid tikber maż-żmien.
Hemm ta’ min tikber u tilħaq il-milja; hemm ta’ min tibqa’ kif inagħtat:
żerriegħa midfuna. Hemm min addirittura
tant tbiegħed minn Alla li jiddispjaċih li ġie mgħammed mingħajr il-permess
tiegħu...
F’dan iż-żmien li jferraħ
qalb “in-Nisrani”, għax ixomm fl-arja l-fwieħa tar-rebħa fuq il-Mewt, il-Liturġija
tal-Kelma issaħnilna qalbna bil-viżjoni ta’ Knisja qegħda tiġi msawra. Il-Vanġelu jurina grupp ta’ nies tassew
dgħajfa li bihom Alla kellu jaqleb id-dinja ta’ taħt fuq! Il-Knisja kienet għadha embrijun bla sura,
magħluqa bejn erba’ ħitan bl-istaneg mal-bieb ta’ barra. Kurjuża din il-biċċa tal-istaneg... Kienu raw lil Ġesù li ġie lura
mill-qabar! Kienu messewh, tkellmu
miegħu, kielu miegħu, imma din l-esperjenza li ġġennen l-imħuħ ftit li xejn
bidlithom minn ġewwa. Ilsira tal-biża’
tal-Mewt kienu u hekk baqgħu... bl-istaneg mal-bieb. Kristu nnifsu qalilhom biex jibqgħu hemm,
moħbija, għax kienu għadhom mhumiex Knisja, kienu għadhom mhumiex xhieda. Jekk Kristu kien rebaħ il-Mewt, huma kienu
għadhom ma rċivew xejn, ħlief li ndunaw li kienu mdaħħlin fi ġrajja li bħalha
qatt ma seħħet. Kienu mħawdin: ferħanin
u fl-istess ħin beżagħnin.
Kien il-Pentekostè li
bidilhom. Kien il-Pentekoste li
għamilhom Ġemgħa, Knisja “ta’ veru”, xhieda ta’ Ħolqien ġdid li kien se
jinxtered kullimkien. Mhux huma saru
Knisja, iżda kien l-Ispirtu tal-Mulej rebbieħ fuq il-Mewt li invadihom u
għamilhom, anke lilhom, rebbieħa fuq il-Mewt, xhieda quddiem id-dinja kollha li
l-Mewt intrebħet, u dik il-qawwa li kienet iġġiegħel l-egoiżmu jaħkem kull
bniedem, kienet ġiet maqsuma. Il-bniedem
ma kellux għalfejn jibża’ iktar għax issa kellhom il-konvinzjoni li l-Imħabba
kienet ikbar mill-Mewt fiżika; li anke jekk imutu, lanqas xagħra waħda minn
rashom ma kienet se tintilef.
L-ewwel li laqqatha kien
l-ikbar rival ta’ Alla f’qalb il-bniedem: il-flus. Quddiem l-insigurtà, frott tal-Mewt,
il-bniedem jistkenn fl-għana u fil-flus.
Fuq hemm nitfgħu il-fiduċja tagħna.
Neħħilu l-biża’ tal-Mewt u l-bniedem ma jsibhiex bi tqila jaqsam ġidu u
jħobb il-proxxmu (ara Atti 2, 44-45). Fejn qabel kien jara rival, jew xi ħadd li
jista’ jheddu, issa jara ’l ħuh għax issa għandu għajnejn Kristu rebbieħ fuq
il-Mewt. X’meravilja! Għandu raġun is-Salm ikanta: “Dan hu l-jum li għamel il-Mulej: ħa
nifirħu u nithennew fih!” (S. 118, 24).
Iżrael stenna Messija politiku, Messija
iljun. Meta rawh qisu Ħaruf warrbuh
bħalma l-bennejja jwarrbu ġebla li ma togħġobomx. Dan għadu jseħħ sal-lum fostna. Imma din
il-ġebla kienet, minn qabel ma ssawret id-dinja, il-ġebla tax-xewka. Bis-saħħa
tal-Mulej seħħ dan, ħaġa tal-għaġeb f’għajnejna. (S. 118, 22-23). Il-Ħaruf sar l-Iljun ta’ Ġuda. Huwa hu
l-Waħdieni li jibdel qalb il-bniedem. Il-mexxejja
u l-għorrief tad-dinja jiġu u jmorru, imma Hu jibqa’, f’kull ġenerazzjoni,
it-Tama tal-bniedem.
Il-Liturġija tal-Kelma tal-lum:
Qari I
Dawk kollha li kienu jemmnu kienu lkoll
flimkien u kellhom kollox bejniethom.
Atti 2, 42-47
Qari
mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli
F’dak iż-żmien, id-dixxipli kienu jżommu sħiħ fit-tagħlim
tal-appostli u fl-għaqda ta’ bejniethom, fil-qsim tal-ħobż u fit-talb. Waqa’
mbagħad il-biża’ fuq kulħadd għax ħafna kienu l-mirakli u s-sinjali li kienu
jsiru permezz tal-appostli. Dawk kollha li kienu jemmnu kienu ħaġa waħda, u
kienu jaqsmu kollox bejniethom, ibigħu ġidhom u kull ma kellhom u jqassmu
d-dħul bejn kulħadd, skond il-ħtieġa ta’ kull wieħed.
U kuljum kienu jmorru fit-tempju flimkien, jaqsmu l-ħobż fi
djarhom, u jissieħbu fl-ikel bi qlub ferħana u safja; u kienu jfaħħru lil Alla,
u l-poplu kollu kien iġibhom. U minn jum għal ieħor il-Mulej kien iżidilhom
magħhom lil dawk li jkunu salvi.
Il-Kelma
tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 117 (118), 2-4.13-15.22-24
R/. (1): Faħħru lill-Mulej, għaliex hu tajjeb,
għax għal dejjem it-tjieba tiegħu
Ħa jgħidu wlied Iżrael:
“Għal dejjem it-tjieba tiegħu”.
Ħa tgħid dar Aron:
“Għal dejjem it-tjieba tiegħu”.
Ħa jgħidu dawk li jibżgħu mill-Mulej:
“Għal dejjem it-tjieba tiegħu”. R/.
B’saħħithom kollha imbuttawni biex naqa’;
imma l-Mulej tani l-għajnuna.
Qawwa tiegħi u għana tiegħi l-Mulej;
hu kien għalija s-salvazzjoni tiegħi.
Għajat ta’ ferħ u rebħ fl-għerejjex tat-tajbin:
il-leminija tal-Mulej għamlet ħwejjeġ ta’ ħila! R/.
Il-ġebla li warrbu l-bennejja
saret il-ġebla tax-xewka.
Bis-saħħa tal-Mulej seħħ dan:
ħaġa tal-għaġeb f’għajnejna.
Dan hu l-jum li għamel il-Mulej;
ħa nifirħu u nithennew fih! R/.
Qari II
Tana twelid ġdid li jwassalna għal tama ħajja
bil-qawmien ta’ Kristu mill-Imwiet.
1 Piet 1, 3-9
Qari
mill-Ewwel Ittra ta’ San Pietru Appostlu
Ikun imbierek Alla u Missier Sidna Ġesù Kristu, li fil-ħniena
kbira tiegħu raġa’ wilidna għal tama ħajja bil-qawmien ta’ Ġesù Kristu
mill-imwiet u għal wirt li la jitħassar, la jittabba’, u lanqas jinxef. Dan il-wirt
hu merfugħ għalikom fis-sema għax intom tinsabu taħt il-ħarsien tal-qawwa ta’
Alla fil-fidi tagħkom li twassal għas-salvazzjoni li lesta biex tidher fl-aħħar
taż-żminijiet.
Għalhekk għandkom għax tifirħu mqar jekk issa, għal ftit żmien
ieħor, jeħtiġilkom titnikktu taħt ħafna provi. Bħalma d-deheb, li jintemm,
jgħaddi mill-prova tan-nar, hekk tgħaddi mill-prova l-fidi tagħkom, li tiswa
aktar mid-deheb, biex ikun jistħoqqilha tasal għat-tifħir, għall-glorja, u
għall-ġieħ, meta jidher Ġesù Kristu. Lilu, għalkemm ma rajtuhx, intom tħobbuh;
fih, għad li issa m’intomx tarawh, intom temmnu; fih intom tifirħu b’ferħ
glorjuż, li ma jistax jitfisser, waqt li tiksbu l-għan tal-fidi tagħkom, li hu
s-salvazzjoni tagħkom.
Il-Kelma
tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Ġw 20, 29
Hallelujah. R/. Hallelujah
Tumas, emmint għax rajtni, jgħid il-Mulej;
henjin dawk li ma rawx u emmnu.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Tmint ijiem wara ġie Ġesù.
Ġw 20, 19-31
Qari
mill-Evanġelju skond San Ġwann
Dakinhar fil-għaxija, fl-ewwel jum tal-ġimgħa, meta d-dixxipli
kienu flimkien imbeżżgħa mil-Lhud, bil-bibien magħluqa, ġie Ġesù u qagħad
f’nofshom; u qalilhom: “Is-sliem għalikom!”. Kif qal hekk, uriehom idejh u
ġenbu. Id-dixxipli ferħu meta raw lill-Mulej. Imbagħad Ġesù tenna jgħidilhom:
“Is-sliem għalikom! Kif il-Missier bagħat lili, hekk jien nibgħat lilkom”. Kif
qal hekk, nefaħ fuqhom u qalilhom: “Ħudu l-Ispirtu s-Santu. Dawk li taħfrulhom
dnubiethom ikunu maħfura, u dawk li żżommuhomlhom ikunu miżmuma”.
Tumas, wieħed mit-Tnax, jgħidulu t-Tewmi, ma kienx magħhom meta
ġie Ġesù. Għalhekk id-dixxipli l-oħra qalulu: “Rajna lill-Mulej”. Iżda hu
qalilhom: “Jekk ma narax f’idejh il-marka tal-imsiemer u ma nqigħedx sebgħi fuq
il-marka tal-imsiemer u idi fuq ġenbu, jien ma nemminx”. Tmint ijiem wara,
id-dixxipli reġgħu kienu ġewwa, u Tumas magħhom. Il-bibien kienu magħluqa, imma
Ġesù daħal, qagħad f’nofshom, u qalilhom: “Is-sliem għalikom!”.
Imbagħad qal lil Tumas: “Ġib sebgħek hawn u ara idejja, u ressaq
idek u qegħedha fuq ġenbi; tkunx bniedem bla fidi, iżda emmen”. Wieġeb Tumas u
qallu: “Mulej tiegħi u Alla tiegħi!”. Qallu Ġesù: “Emmint għax rajtni! Henjin
dawk li ma rawx u emmnu”.
Hemm ħafna sinjali oħra li Ġesù għamel quddiem id-dixxipli tiegħu
u li m’humiex imniżżla f’dan il-ktieb. 1Iżda dawn inkitbu sabiex intom temmnu
li Ġesù hu l-Messija l-Iben ta’ Alla, u biex bit-twemmin tagħkom ikollkom
il-ħajja f’ismu.
Il-Kelma
tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu
|