Wednesday, 08 July 2020
           
Home arrow Home
IT-TIENI HADD TAL-GHID (2020) TIBDA TISSAWWAR KNISJA “TA’ VERU” PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 18 April 2020

Din hija il- Liturgija tat-Tieni Hadd tal-Ghid (2020)  bi hsibijiet  min Joe Rapa.

san_tumas.jpg

 

Għalkemm qed ngħixu f’dawn iż-żminijiet diffiċli li fihom, minbarra d-dieqa ta’ tant imwiet mad-dinja kollha, in-Nisrani qed ukoll isofri minn għatx għaċ-ċelebrazzjoni liturġika mal-kumplament tal-Knisja, il-Mulej qed ifarraġna bil-preżenza liturġika, virtwali kemm trid, fid-djar tagħna, bis-saħħa tat-teknoloġija tal-“mass media”.  Għalkemm inħkimmna minn nostalġija għall-mumenti solenni kbar tat-Tridu tal-Għid, il-verità hi li l-Ferħ tal-Għid tal-Mulej tagħna xorta waħda nxtered mal-art kollha.  Il-Mulej tagħna qam mill-Mewt! Halleluja! 

 

 

Din hi l-għajta ferrieħa tal-qalb li emmnet il-Misteru tal-Għotja mmensa ta’ Alla nnifsu għall-bniedem, għalija u għalik.  L-Għid ixandar l-Aħbar it-Tajba mhux biss li Kristu hu ħaj u rebbieħ, imma li Hu ġie magħmul Spirtu li jinagħta lil dawk li jemmnu f’dak li ġara.  Min jemmen fi Kristu u fil-Misteru tal-Għid tiegħu, jikber fih dan l-Ispirtu ta’ Kristu bi proċess li jwassal għar-rebħa fuq il-Mewt tassew.  Dan ma nistgħux inħalluh “teorija” bħalma sikwit nagħmlu.  Il-Fidi vera u profonda fi Kristu ġġib magħha l-Preżenza tal-Ispirtu s-Santu fil-bniedem u dan l-għaġeb irid jidher fil-prattika, fil-konkret.  Hu faċli li jien ngħid li nemmen, imma mbagħad nibqa’ nibża’ minn kull tbatija, nirvilla meta jidher is-Salib u niskuża ruħi milli nħobb lill-proxxmu meta l-proxxmu hu fonqla jew inġust miegħi u saħansitra għadu. 

 

Il-Fidi u l-Għotja tal-Ispirtu s-Santu huma Grazzja.  Aħna rċivejnihom fil-Magħmudija meta ma konna nafu xejn dwar dan kollu.  Hu ovvju li din il-Grazzja enormi hi moħbija fit-tarbija u trid tikber maż-żmien.  Hemm ta’ min tikber u tilħaq il-milja; hemm ta’ min tibqa’ kif inagħtat: żerriegħa midfuna.  Hemm min addirittura tant tbiegħed minn Alla li jiddispjaċih li ġie mgħammed mingħajr il-permess tiegħu...

 

F’dan iż-żmien li jferraħ qalb “in-Nisrani”, għax ixomm fl-arja l-fwieħa tar-rebħa fuq il-Mewt, il-Liturġija tal-Kelma issaħnilna qalbna bil-viżjoni ta’ Knisja qegħda tiġi msawra.  Il-Vanġelu jurina grupp ta’ nies tassew dgħajfa li bihom Alla kellu jaqleb id-dinja ta’ taħt fuq!  Il-Knisja kienet għadha embrijun bla sura, magħluqa bejn erba’ ħitan bl-istaneg mal-bieb ta’ barra.  Kurjuża din il-biċċa tal-istaneg...  Kienu raw lil Ġesù li ġie lura mill-qabar!  Kienu messewh, tkellmu miegħu, kielu miegħu, imma din l-esperjenza li ġġennen l-imħuħ ftit li xejn bidlithom minn ġewwa.  Ilsira tal-biża’ tal-Mewt kienu u hekk baqgħu... bl-istaneg mal-bieb.  Kristu nnifsu qalilhom biex jibqgħu hemm, moħbija, għax kienu għadhom mhumiex Knisja, kienu għadhom mhumiex xhieda.  Jekk Kristu kien rebaħ il-Mewt, huma kienu għadhom ma rċivew xejn, ħlief li ndunaw li kienu mdaħħlin fi ġrajja li bħalha qatt ma seħħet.  Kienu mħawdin: ferħanin u fl-istess ħin beżagħnin.

                                         

Kien il-Pentekostè li bidilhom.  Kien il-Pentekoste li għamilhom Ġemgħa, Knisja “ta’ veru”, xhieda ta’ Ħolqien ġdid li kien se jinxtered kullimkien.  Mhux huma saru Knisja, iżda kien l-Ispirtu tal-Mulej rebbieħ fuq il-Mewt li invadihom u għamilhom, anke lilhom, rebbieħa fuq il-Mewt, xhieda quddiem id-dinja kollha li l-Mewt intrebħet, u dik il-qawwa li kienet iġġiegħel l-egoiżmu jaħkem kull bniedem, kienet ġiet maqsuma.  Il-bniedem ma kellux għalfejn jibża’ iktar għax issa kellhom il-konvinzjoni li l-Imħabba kienet ikbar mill-Mewt fiżika; li anke jekk imutu, lanqas xagħra waħda minn rashom ma kienet se tintilef.

 

L-ewwel li laqqatha kien l-ikbar rival ta’ Alla f’qalb il-bniedem: il-flus.  Quddiem l-insigurtà, frott tal-Mewt, il-bniedem jistkenn fl-għana u fil-flus.  Fuq hemm nitfgħu il-fiduċja tagħna.  Neħħilu l-biża’ tal-Mewt u l-bniedem ma jsibhiex bi tqila jaqsam ġidu u jħobb il-proxxmu (ara Atti 2, 44-45).  Fejn qabel kien jara rival, jew xi ħadd li jista’ jheddu, issa jara ’l ħuh għax issa għandu għajnejn Kristu rebbieħ fuq il-Mewt.  X’meravilja!  Għandu raġun is-Salm ikanta: “Dan hu l-jum li għamel il-Mulej: ħa nifirħu u nithennew fih!”  (S. 118, 24). 

 

Iżrael stenna Messija politiku, Messija iljun.  Meta rawh qisu Ħaruf warrbuh bħalma l-bennejja jwarrbu ġebla li ma togħġobomx.  Dan għadu jseħħ sal-lum fostna. Imma din il-ġebla kienet, minn qabel ma ssawret id-dinja, il-ġebla tax-xewka.  Bis-saħħa tal-Mulej seħħ dan, ħaġa tal-għaġeb f’għajnejna.  (S. 118, 22-23).  Il-Ħaruf sar l-Iljun ta’ Ġuda. Huwa hu l-Waħdieni li jibdel qalb il-bniedem.  Il-mexxejja u l-għorrief tad-dinja jiġu u jmorru, imma Hu jibqa’, f’kull ġenerazzjoni, it-Tama tal-bniedem.

 

Il-Liturġija tal-Kelma tal-lum:

 

Qari I

Dawk kollha li kienu jemmnu kienu lkoll flimkien u kellhom kollox bejniethom.

Atti 2, 42-47

 

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli

 

F’dak iż-żmien, id-dixxipli kienu jżommu sħiħ fit-tagħlim tal-appostli u fl-għaqda ta’ bejniethom, fil-qsim tal-ħobż u fit-talb. Waqa’ mbagħad il-biża’ fuq kulħadd għax ħafna kienu l-mirakli u s-sinjali li kienu jsiru permezz tal-appostli. Dawk kollha li kienu jemmnu kienu ħaġa waħda, u kienu jaqsmu kollox bejniethom, ibigħu ġidhom u kull ma kellhom u jqassmu d-dħul bejn kulħadd, skond il-ħtieġa ta’ kull wieħed.

 

U kuljum kienu jmorru fit-tempju flimkien, jaqsmu l-ħobż fi djarhom, u jissieħbu fl-ikel bi qlub ferħana u safja; u kienu jfaħħru lil Alla, u l-poplu kollu kien iġibhom. U minn jum għal ieħor il-Mulej kien iżidilhom magħhom lil dawk li jkunu salvi.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 117 (118), 2-4.13-15.22-24

 

R/. (1): Faħħru lill-Mulej, għaliex hu tajjeb,

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu

 

Ħa jgħidu wlied Iżrael:

“Għal dejjem it-tjieba tiegħu”.

Ħa tgħid dar Aron:

“Għal dejjem it-tjieba tiegħu”.

Ħa jgħidu dawk li jibżgħu mill-Mulej:

“Għal dejjem it-tjieba tiegħu”. R/.

 

B’saħħithom kollha imbuttawni biex naqa’;

imma l-Mulej tani l-għajnuna.

Qawwa tiegħi u għana tiegħi l-Mulej;

hu kien għalija s-salvazzjoni tiegħi.

Għajat ta’ ferħ u rebħ fl-għerejjex tat-tajbin:

il-leminija tal-Mulej għamlet ħwejjeġ ta’ ħila! R/.

 

Il-ġebla li warrbu l-bennejja

saret il-ġebla tax-xewka.

Bis-saħħa tal-Mulej seħħ dan:

ħaġa tal-għaġeb f’għajnejna.

Dan hu l-jum li għamel il-Mulej;

ħa nifirħu u nithennew fih! R/.

 

Qari II

Tana twelid ġdid li jwassalna għal tama ħajja bil-qawmien ta’ Kristu mill-Imwiet.

1 Piet 1, 3-9

 

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pietru Appostlu

 

Ikun imbierek Alla u Missier Sidna Ġesù Kristu, li fil-ħniena kbira tiegħu raġa’ wilidna għal tama ħajja bil-qawmien ta’ Ġesù Kristu mill-imwiet u għal wirt li la jitħassar, la jittabba’, u lanqas jinxef. Dan il-wirt hu merfugħ għalikom fis-sema għax intom tinsabu taħt il-ħarsien tal-qawwa ta’ Alla fil-fidi tagħkom li twassal għas-salvazzjoni li lesta biex tidher fl-aħħar taż-żminijiet.

 

Għalhekk għandkom għax tifirħu mqar jekk issa, għal ftit żmien ieħor, jeħtiġilkom titnikktu taħt ħafna provi. Bħalma d-deheb, li jintemm, jgħaddi mill-prova tan-nar, hekk tgħaddi mill-prova l-fidi tagħkom, li tiswa aktar mid-deheb, biex ikun jistħoqqilha tasal għat-tifħir, għall-glorja, u għall-ġieħ, meta jidher Ġesù Kristu. Lilu, għalkemm ma rajtuhx, intom tħobbuh; fih, għad li issa m’intomx tarawh, intom temmnu; fih intom tifirħu b’ferħ glorjuż, li ma jistax jitfisser, waqt li tiksbu l-għan tal-fidi tagħkom, li hu s-salvazzjoni tagħkom.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Ġw 20, 29

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Tumas, emmint għax rajtni, jgħid il-Mulej;

henjin dawk li ma rawx u emmnu.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Tmint ijiem wara ġie Ġesù.

Ġw 20, 19-31

 

Qari mill-Evanġelju skond San Ġwann

 

Dakinhar fil-għaxija, fl-ewwel jum tal-ġimgħa, meta d-dixxipli kienu flimkien imbeżżgħa mil-Lhud, bil-bibien magħluqa, ġie Ġesù u qagħad f’nofshom; u qalilhom: “Is-sliem għalikom!”. Kif qal hekk, uriehom idejh u ġenbu. Id-dixxipli ferħu meta raw lill-Mulej. Imbagħad Ġesù tenna jgħidilhom: “Is-sliem għalikom! Kif il-Missier bagħat lili, hekk jien nibgħat lilkom”. Kif qal hekk, nefaħ fuqhom u qalilhom: “Ħudu l-Ispirtu s-Santu. Dawk li taħfrulhom dnubiethom ikunu maħfura, u dawk li żżommuhomlhom ikunu miżmuma”.

 

Tumas, wieħed mit-Tnax, jgħidulu t-Tewmi, ma kienx magħhom meta ġie Ġesù. Għalhekk id-dixxipli l-oħra qalulu: “Rajna lill-Mulej”. Iżda hu qalilhom: “Jekk ma narax f’idejh il-marka tal-imsiemer u ma nqigħedx sebgħi fuq il-marka tal-imsiemer u idi fuq ġenbu, jien ma nemminx”. Tmint ijiem wara, id-dixxipli reġgħu kienu ġewwa, u Tumas magħhom. Il-bibien kienu magħluqa, imma Ġesù daħal, qagħad f’nofshom, u qalilhom: “Is-sliem għalikom!”.

 

Imbagħad qal lil Tumas: “Ġib sebgħek hawn u ara idejja, u ressaq idek u qegħedha fuq ġenbi; tkunx bniedem bla fidi, iżda emmen”. Wieġeb Tumas u qallu: “Mulej tiegħi u Alla tiegħi!”. Qallu Ġesù: “Emmint għax rajtni! Henjin dawk li ma rawx u emmnu”.

 

Hemm ħafna sinjali oħra li Ġesù għamel quddiem id-dixxipli tiegħu u li m’humiex imniżżla f’dan il-ktieb. 1Iżda dawn inkitbu sabiex intom temmnu li Ġesù hu l-Messija l-Iben ta’ Alla, u biex bit-twemmin tagħkom ikollkom il-ħajja f’ismu.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu

 

 
< Prev   Next >