Monday, 19 October 2020
           
Home
IT-TIELET HADD TAL-GHID (2020) IL-QALBA TAL-FIDI NISRANIJA PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 25 April 2020

Din hija il- Liturgija tat-Tielet Hadd tal-Ghid (2020)  bi hsibijiet  min Joe Rapa.

 pietru_mal_lhud-2000.jpg

 

L-Għid ma ġiex u għadda ħmistax ilu, imma għadu għaddej u aħna ninsabu ngawduh għal ħamsin jum sħaħ, sakemm tasal l-esperjenza glorjuża tal-Pentekostè.  Għax dawn il-festi, bħall-festi kollha tal-Knisja, mhumiex sempliċi “tifkira”, jew ċelebrazzjonijiet ta’ avvenimenti kbar li ġraw diġa.  Dawk l-affarijiet inħalluhom għad-dinja li tħobb tfakkar l-imgħoddi. 

 

L-Insara “jerġgħu jgħixu” l-Inkarnazzjoni ta’ Kristu, “jerġgħu jgħixu” il-Mewt u l-Qawmien tiegħu, “jerġgħu jgħixu” it-‘tsunami’ tal-Ispirtu s-Santu li jkompli jinvadina fil-Pentekostè.  In-Nisrani hu dejjem miexi ’il quddiem lejn destinazzjoni glorjuża u dawn l-esperjenzi liturġiċi huma tapep f’mixja li hi għad-dritt.  Dawn il-“Memorjali”, (kelma aħjar minn festi), ma jirrepetux ruħhom kull sena bħall-istaġuni tan-natura, u allura l-ħajja tiġi ċikli ta’ sena dejjem iddur, iddur fl-istess post.  Le!  L-Istorja tas-Salvazzjoni tagħna dejjem miexja ’l quddiem u l-Għid ta’ din is-sena mhux bħal tas-sena l-oħra, u lanqas il-Pentekostè li ġej. 

 

Tafu għaliex?  Għax aħna m’aħniex in-nies li konna sena ilu.  L-Għid din is-sena ġie jsibna f’sitwazzjoni differenti minn tas-sena l-oħra, u s-sena d-dieħla, jekk inkunu għadna hawn, se jsibna f’sitwazzjoni terġa differenti.  Dejjem mexjin ’il quddiem, jew, jekk niddeċiedu li nieqfu, nispiċċaw immorru lura...  Iż-żmien għaddej u m’hemmx waqfien!  Għalhekk in-Nisrani hu dejjem fi stennija.  Il-Fidi tiegħu kibret f’dan l-Għid, imma dan mhux biżżejjed. 

 

L-Appostli emmnu li Kristu kien qam mill-Mewt għax rawH, imma dan għall-ewwal ftit li xejn sewa fil-konkret f’Ħajjithom.  Allura Kristu jħeġġiġhom jistennew in-Nar tal-Ispirtu s-Santu, u kull Nisrani li jistħoqqlu dan l-isem, issa qed jistenna biex, mal-Ġemgħa, mal-Knisja, jiċċelebra Għid il-Ħamsin, imma biex jgħixu b’mod li ssir taqliba f’Ħajtu.  Għax l-Istorja tas-Salvazzjoni ma tiddependix minn x’kapaċi nagħmlu aħna bil-moraliżmu tagħna, imma x’se jagħtina Alla, kemm se nagħrfu fuq livell aħjar x’għamel għalina Kristu, u dan id-Dawl iġibulna l-Ispirtu s-Santu u mhux l-intelliġenza miskina tagħna.  Għalhekk aħna nistennew il-Pentekostè b’antiċipazzjoni u tensjoni, għax żgur se jkun differenti minn dawk kollha li ġew qabel.  Ilna ħafna niġbru zkuk ta’ tagħrif dwar Kristu.  Issa għandna bżonn Xi Ħadd jisparkja ftit nar biex dan il-munzell injam jieħu u jsir Ħuġġieġa Qaddisa!  U dan ix-Xi Ħadd huwa l-Ispirtu s-Santu.  Huwa b’dan il-mod li “ngħixu” s-Solennitajiet tal-Knisja u mhux bil-mod mejjet ta’ tifkira.  Għax il-festi tal-Knisja huma Misteri iktar minn festi.  Huma Misteri għax dawn il-ġrajjiet li qed ngħixu seħħew storikament elfejn sena ilu, imma għadhom qed iseħħu f’Ħajjitna issa, għax issa qegħdin ngħixu aħna!

 

L-Ewkaristija li niċċelebraw hija eżempju klassiku ta’ dan li qed ngħidu.  Fl-Ewkaristija nfakkru l-Misteru tal-Għid tal-Mulej.  Imma mhux biss!  Fl-Ewkaristija il-Knisja, aħna, nerġħu ngħixu il-Mewt u l-Qawmien u l-Merti ta’ Kristu qishom qed jerġgħu iseħħu dak il-ħin.  L-Ewkaristija hija l-Memorjal tal-Mulej.  Dak kollu li seħħ fuq il-Kalvarju u fil-Qawmien ta’ żerniq l-Għid jerġa’ jseħħ, mhux fiżikament, imma bl-istess qawwa.  Iktar kemm ngħixu dan bil-Fidi, iktar tissaħħaħ ir-rebħa fuq il-Mewt fina, għax Kristu rebaħ il-Mewt mhux għaliH imma għall-bnedmin.  Għalhekk il-Grazzja tal-Ewkaristija hija enormi, infinita!

 

L-Ewkaristija tiġbor il-qalba tal-Fidi Kristjana, Nisranija, Kattolika. U l-qalba hi li Kristu, l-Iben il-Waħdieni ta’ Alla, libes laħam il-bniedem biex ikun jista’ jgħix il-Għid.  Hu miet biex ikun il-Ħaruf tat-tpattija li fuqu tkellmu l-Profeti ħalli d-dnubiet tad-dinja jinħaslu f’Demmu, u qam mill-Mewt għax l-Imħabba tiegħu saret il-velenu tal-Mewt.  Min jemmen f’dan, jista’ jsejjaħ Isem il-Mulej u jkun salv, ġa minn hawn; ikollu anke hu r-rebħa fuq id-Dnub u l-Mewt.  Dan ukoll huwa l-bażi tal-Ekumeniżmu għax din il-Fidi tgħaqqad flimkien bħal aħwa lill-Knejjes, gruppi, komunitajiet li jemmnu li l-Misteru tal-Għid ta’ Kristu hu kollox.  Fi Kristu, fil-Fidi fiH, m’hemmx iktar Lhudi jew Griegi, raġel jew mara, lsir jew ħieles, iżda għaqda ta’ bejn l-aħwa, Bniedem Ġdid, il-Ġisem rebbieħ ta’ Kristu, li tiegħu int u jien nagħmlu parti.

 

F’dan iż-żmien glorjuż tal-Għid, il-Kelma fil-Liturġija tal-Knisja l-ħin kollu tħabbar l-Aħbar it-Tajba tal-Għid qaddis tal-Mulej Ġesù.  L-Aħbar it-Tajba kienet titħabbar b’mod sempliċi.  “Lil dan Ġesù, intom tajtuh u qtiltuh billi sallabtuh b’idejn nies ħżiena; imma Alla qajmu billi ħall l-irbit tal-mewt, għax ma setax ikun li hu jinżamm minnha.”  (Atti 2, 23-24).  Issa dan kollu aħna nafuh bl-amment.  In-nies li semgħu dan l-ewwel darba, din l-Aħbar kienet bomba.  Imma jista’ jkun li aħna qed nieħdu il-qalba tal-Kristjaneżmu “for granted”.  X’ħasra!! Hawn jinsab it-Teżor li jagħmel minnek bniedem għani, b’ġid li ħadd ma jista’ jisraqulek.  Hawn tinsab moħbija Ħajja ta’ Dejjem għalik, Ħajja ta’ tgawdija għal dejjem li b’xi mod tibda ġa minn hawn fil-qjies tal-Fidi tagħna.  Hawn nibqgħu inġorru s-Salib tagħna, imma x’differenza tħares lejn is-Salib tiegħek bl-għajnejn tal-Fidi milli mingħajrha!  Għax il-ħelsien tal-Ħajja ta’ Dejjem li jibda minn hawn idawwal it-tbatija, jagħtiha sens, u s-Salib tagħna jsir glorjuż bħalma glorjuż sar is-Salib ta’ Kristu.

 

Dan hu l-bażi tal-predikazzjoni Nisranija.  Il-bqija, r-reliġjonijiet kollha jippridkawh.  Ħafna qed jippruvaw idawru l-Kristjaneżmu f’etika.  X’ereżija!  Daż-żgur li l-Kristjaneżmu għandu l-etika tiegħu u l-morali.  Imma kemm hu iktar minn hekk!  Anzi, bniedem jista’ jgħix moralment tajjeb (sa ċertu punt u f’ċertu qjies!) u ma jkun Nisrani xejn li xejn.  In-Nisrani jiftaħar bil-Għid ta’ Kristu għax hu ġġustifikat b’dak li għamel l-Iben ta’ Alla għalih meta obda u daħal fil-ġrajja tal-Għid.  Nirrepetu li l-Għid mhux il-Qawmien biss, imma t-tbatija, il-Mewt u l-Qawmien, għax m’hemmx Qawmien mingħajr kriżi, tbatija u Mewt. 

 

In-Nisrani hu dak il-bniedem li jagħraf li hu dgħajjef u midneb, li kellu anke hu sehem fil-Mewt tal-Ħaruf ta’ Alla, imma li Alla ħabbu anke meta kien għadu tiegħU tant li r-rebħa ta’ Kristu seħħet b’risq tiegħu.  Aħna salvi bil-Fidi tagħna fl-Opra meravijuża tal-Mulej Ġesù!  Huwa hu s-Salvatur tagħna, għax ħadd minna mhu kapaċi jsalva lilu nnifsu. 

 

Huwa meta nikbru f’din il-Fidi fl-Imħabba murija lilna fi Kristu, li ninagħtaw l-Ispirtu tal-Qdusija u nibdew ngħixu ħajja moralment tajba.  Imma mingħajr il-Fidi fi Kristu dan hu mpossibbli.

 

Il-Liturġija tal-Kelma tal-lum:

 

Qari I

Ma setax ikun li Ġesù jinżamm fl-irbit tal-mewt.

Atti 2, 14.22-33

 

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli

 

Nhar Għid il-Ħamsin, Pietru flimkien mal-Ħdax qam u qal lil-Lhud b’leħen għoli: “Nies tal-Lhudija, u intom ilkoll li toqogħdu f’Ġerusalemm, kunu afu dan u isimgħu sewwa x’se ngħidilkom jien. Ġesù ta’ Nażaret kien bniedem li Alla takom prova tiegħu permezz tal-mirakli u l-għeġubijiet u s-sinjali li għamel bih fostkom, kif intom stess tafu. Lil dan Ġesù, Alla telaqhulkom f’idejkom skond l-għerf u l-pjan li fassal minn qabel, u intom neħħejtuh billi sallabtuh permezz ta’ nies ħżiena. Imma Alla qajmu mill-imwiet billi ħall l-irbit tal-mewt, għaliex ma setax ikun li l-mewt iżżommu taħt is-setgħa tagħha. Għax David jgħid fuqu, “Żammejt lill-Mulej dejjem quddiemi, għax hu fuq il-lemin tiegħi, biex qatt ma nitħarrek. Għalhekk ferħet qalbi u mtela bl-hena lsieni; u ġismi wkoll jistrieħ fit-tama, għax inti ma titlaqx fl-imwiet lil ruħi, u ma tħallix il-Qaddis tiegħek jara t-taħsir. Inti għarraftni t-triq tal-ħajja, timlieni bil-ferħ meta nkun quddiemek”.

 

Ħuti, ħalluni ngħidhielkom kif inħossha fuq il-patrijarka David; hu miet u kien midfun u l-qabar tiegħu għadu magħna sa llum stess. Issa hu kien profeta, u kien jaf li Alla ħaliflu b’ġurament li kellu jqiegħed fuq it-tron tiegħu bniedem ġej minn nislu. David ra minn qabel u ħabbar il-qawmien tal-Messija, u qal: “La kien mitluq fl-imwiet, u lanqas ġismu ma ra t-taħsir”.

 

Lil dan Ġesù, Alla qajmu mill-imwiet, u ta’ dan aħna lkoll xhieda. Għalhekk, issa li Alla għollieh bil-leminija tiegħu, huwa rċieva mingħand il-Missier l-Ispirtu s-Santu li kien imwiegħed, u sawbu fuqna, kif qegħdin taraw u tisimgħu”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 15 (16) 1-2a.5.7-8.9-10.11

 

R/. (11a): Mulej, int tgħallimni t-triq tal-ħajja

Jew

R/. Hallelujah, hallelujah, hallelujah

 

Ħarisni, o Alla, għax fik jien nistkenn.

Jien għedt lill-Mulej: “Int Sidi,

m’għandix ġid ieħor ħliefek”.

Mulej, inti s-sehem tal-wirt u r-riżq tiegħi,

inti żżomm f’idejk xortija. R/.

 

Inbierek lill-Mulej li tani l-fehma;

imqar billejl qalbi tgħallimni.

Inżomm lill-Mulej dejjem quddiemi,

għax bih f’leminti qatt ma nitħarrek. R/.

 

Hekk tifraħ qalbi u tithenna ruħi,

u ġismi wkoll jistrieħ fil-kwiet.

Għax int ma titlaqnix fl-imwiet,

ma tħallix il-maħbub tiegħek jara l-qabar. R/.

 

Int tgħallimni t-triq tal-ħajja;

hemm il-milja tal-ferħ quddiemek,

hemm l-għaxqa għal dejjem f’lemintek. R/.

 

Qari II

Kontu mifdija bid-demm għażiż ta’ Kristu, bħal Ħaruf bla tebgħa.

1 Piet 1, 17-21

 

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pietru Appostlu

 

Għeżież, jekk intom issejħu Missier lil dak li, bla ma jħares lejn l-uċuħ, jagħmel ħaqq minn kulħadd skond l-għemil ta’ kull wieħed, għixu fil-biża’ ż-żmien tal-ħajja li qegħdin tgħaddu f’art barranija. Kunu afu li intom kontu mifdija mill-ħajja tagħkom fiergħa li ħadtu mingħand missirijietkom, mhux b’xi ħaġa li tintemm, bħalma hi l-fidda jew id-deheb, imma bid-demm għażiż ta’ Kristu, li kien bħal ħaruf bla għajb u bla tebgħa.

 

Hu kien ippredestinat sa minn qabel ma saret id-dinja, imma deher fl-aħħar taż-żminijiet minħabba fikom. Bih intom temmnu f’Alla, li qajmu mill-imwiet u tah il-glorja; hekk il-fidi tagħkom hi wkoll tama f’Alla.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

ara Lq 24, 32

 

Hallelujah R/. Hallelujah

Mulej, Ġesù, fissrilna l-Iskrittura;

ħeġġilna qalbna, int u tkellimna.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Ibqa’ magħna, għax issa sar ħafna ħin.

Lq 24, 13-35

 

Qari mill-Evanġelju skond San Luqa

 

Dakinhar stess fl-ewwel jum tal-ġimgħa, ġara li tnejn mid-dixxipli kienu sejrin lejn raħal jismu Għemmaws, xi sittin stadju bogħod minn Ġerusalemm, jitħaddtu bejniethom fuq kull ma kien ġara. Huma u jitħaddtu u jitkixxfu bejniethom, Ġesù nnifsu resaq lejhom u baqa’ miexi magħhom. Imma għajnejhom kellhom xi jżommhom u ma setgħux jagħrfuh. U hu qalilhom: “X’intom tgħidu bejnietkom intom u miexja?”U huma waqfu, b’ħarsa ta’ niket fuq wiċċhom. Imbagħad wieħed minnhom, jismu Kleofa, wieġeb u qallu: “Inti waħdek il-barrani f’Ġerusalemm li ma tafx x’ġara hemmhekk f’dawn il-jiem?”.

 

X’ġara?” staqsiehom Ġesù. Qalulu: “Dak li ġara lil Ġesù ta’ Nażaret, li kien profeta setgħan fl-għemil u fil-kliem quddiem Alla u quddiem il-poplu kollu, kif il-qassisin il-kbar u l-kapijiet tagħna tawh f’idejn il-gvernatur biex ikun ikkundannat għall-mewt u sallbuh. Aħna konna nittamaw li hu kien dak li kellu jifdi lil Iżrael; iżda issa, fuq kollox ġa għaddew tlitt ijiem minn dawn il-ġrajja!

 

Issa wkoll xi wħud min-nisa tagħna ħasduna, għax marru kmieni ħdejn il-qabar u l-katavru tiegħu ma sabuhx; ġew jgħidu wkoll li dehrulhom xi anġli li qalulhom li hu ħaj. Imbagħad marru ħdejn il-qabar xi wħud minn tagħna u sabu kollox kif kienu qalu n-nisa, imma lilu ma rawhx!”.

 

Qalilhom Ġesù: “Kemm intom boloh u tqal biex temmnu kull ma qalu l-profeti! U ma kellux il-Messija jbati dan kollu u hekk jidħol fil-glorja tiegħu?”. U beda minn Mosè u l-profeti kollha jfissrilhom kull ma kien hemm fl-Iskrittura fuqu.

 

Meta qorbu lejn ir-raħal fejn kienu sejrin hu għamel tabirruħu li kien se jibqa’ sejjer aktar ’il bogħod. Iżda huma ġegħluh jibqa’ magħhom u qalulu: “Ibqa’ magħna, għax issa sar ħafna ħin u l-jum ġa wasal biex jintemm”. Imbagħad daħal biex joqgħod magħhom. U waqt li kien fuq il-mejda magħhom, qabad il-ħobż, qal il-barka, qasmu u tahulhom. Imbagħad infetħulhom għajnejhom u għarfuh, iżda hu għab minn quddiemhom. U wieħed lill-ieħor bdew jgħidu: “Ma kinitx imkebbsa qalbna ġewwa fina huwa u jkellimna fit-triq u jfissrilna l-Iskrittura?”.

 

Dak il-ħin stess qamu u reġgħu lura Ġerusalemm. Hemm sabu lill-Ħdax u lil sħabhom miġbura flimkien, u dawn qalulhom: “Il-Mulej qam tassew, u deher lil Xmun!”. U huma wkoll tarrfulhom x’kien ġralhom fit-triq, u kif kienu għarfuh fil-qsim tal-ħobż.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu

 

 

 

 

 
< Prev   Next >