Din
hija il- Liturgija tar-Raba' Hadd tal-Ghid (2020) bi hsibijiet min Joe Rapa.
Qabel ma ltqajt ma’
katekeżi serja, katekeżi permanenti u progressiva, jiġifieri mhux xi priedka
ta’ darba, imma proċess ta’ katekeżi għall-ħajja kollha u li hi progressiva, li
l-ewwel tisqi l-ħalib lit-tarbija, imbagħad, bil-mod il-mod tgħaddi għal ikel
aktar solidu u li jsaħħaħ... qabel ma Alla tani din il-Grazzja bla ma
jistħoqqli, ftit li xejn kont inqisha l-Magħmudija. Anzi, ftit li xejn kont nifhimha. Għalija, u ninnota, għal ħafna oħrajn,
il-Magħmudija kienet rit qasir ta’ daħla fis-“soċjetà” Nisranija; wieħed isir
parti mill-“bqija”; isem ġdid imniżżel fuq ir-reġistru tal-kappillan; ċerimonja
li trid issir biex tikkwalifika għas-Sagramenti l-oħra.
Kont nara n-nies titlef xi
ftit il-paċenzja meta tinduna li l-quddiesa tal-Ħadd se titwal xi ftit b’xi
Magħmudija, u allura kienet issir bl-għaġla u xi drabi għaliha, fi knisja
vojta. L-iktar li kien jagħmel sens kien
il-festin ta’ wara fejn il-familjari kienu jiltaqgħu flimkien jiċċelebraw u
jifirħu bit-twelid ġdid ta’ tarbija oħra fil-familja, iktar milli għax
it-tarbija kienet irċeviet xi ħaġa li l-valur tagħha ma jistax jitqies, ma
jistax jitkejjel, ma jistax jiġi mitfi mill-għana kollu tad-dinja.
Huwa ċar li l-Magħmudija
mhix biss ir-rit, jew riti mdaħħlin wara xulxin f’ċerimonja ta’ kwarta. Mhix xi ħaġa maġika li tagħmlek “Nisrani”
f’ħakka t’għajn. Jekk tarbija titgħammed,
imma mbagħad titrabba waħedha ġo ġungla bla ma ħadd isemmilha l-Isem ta’ Ġesù,
f’din it-tarbija ma tissawwarx il-Fidi, anke jekk fiha jkun inżera’
kollox. Għax dan hu nteressanti
mmens. Kull Sagrament hu dejjem
effikaċi, imma wieħed jista’ jmur jiġbor l-ilma b’barmil imtaqqab. Fir-rit qaddis, anke jekk ħadd ma jinduna,
fit-tarbija tkun inżergħet bħal lewża, indifnet fiha, lewża jew żerriegħa
bil-potenzjal midfun fiha li tikber f’siġra enormi ta’ saħħa ta’ barra minn
hawn. Imma jekk ma jseħħx il-proċess li
fih il-lewża tinqasam u toħroġ minnha l-qalba, imbagħad għerq ċkejken u
l-kumplament, ma jseħħ xejn u kollox imut bla ma jinduna ħadd.
Hemm tant x’wieħed jgħid
fuq il-Magħmudija Nisranija! Lili
jolqotni ħafna, u narah argument vitali għall-Knisja tal-lum, il-proċess tal-Magħmudija. Hu proċess li jieħu tul il-ħajja kollha. Il-Magħmudija tieħu tul is-snin kollha li
tana l-Mulej li ngħixu hawn! Hi Mixja
ta’ konverżjoni, bidla kontinwa u progressiva.
Dan jitfa dawl fuq l-Istorja kollha tagħna. Għax il-pagan, jew in-Nisrani biered, jaħsbu
li fil-ħajja kollox kumbinazzjoni, kwistjoni ta’ xorti tajba jew ħażina.
Il-Fidi tgħidilna ċar u
tond li hu l-Mulej li hu Sid l-Istorja, u ma taqax werqa waħda, igħid is-Salm,
li ma taqax għax iridha taqa’ Alla.
Ħafna nies li l-Magħmudija tagħhom ma kibritx permezz tas-Smigħ
tal-Kelma, is-Sagramenti u l-għajnuniet kollha tal-Knisja, jibqgħu skandalizzati
quddiem din li Alla jikkontrolla kollox, u finalment idawwar kollox
għall-ġid. Ħafna, anke jekk dan ma
jindunawx bih, jaħsbu li l-univers hu l-“battlefield”, il-post fejn qegħda tiġi
miġġielda gwerra enormi bejn sewġ qawwiet tal-istess saħħa, waħda tad-Dawl u
l-oħra tad-Dlam... u jidher li sikwit id-Dlam jirbaħ fuq id-Dawl. Issa dan tassew li hu parti mill-Verità, imma
hawn għadna ’l bogħod mill-Verità.
L-Istorja tagħna tieħu sens
meta nemmnu li l-Imħabba li hi Alla hi s-setgħa waħdanija li tmexxi kollox,
imma hi setgħa li ħalliet lill-bniedem fil-libertà għax hi Mħabba. Din l-Istorja tagħna hi l-Istorja ta’ kif din
l-Imħabba li hi Alla qed tmexxi l-proċess tal-Magħmudija tagħna biex il-lewża
li nżergħet issir dik is-Siġra sabiħa ta’ Fidi fil-Misteru tal-Għid ta’ Kristu
li għandu f’moħħu għalina l-Mulej. Kull
proċess fin-natura fih is-sabiħ u d-diffiċli tiegħu. Kull wieħed minna għandu s-Salib tiegħu,
l-istejjer imdallma, it-traġedji tiegħu.
Imma hemm ukoll is-sabiħ...
L-ikrah jidher bla sens f’għajnejna u jġibilna koċċ mistoqsijiet fuq din
l-Imħabba li hi Alla. Imma l-Fidi li
tkun qed tikber fina tgħidilna: “Stenna!
Iskot! Afda!”
Dak li jkun qed jiġri fina
bil-Magħmudija li tkun qed tikber, hu Miraklu Morali, hu tant kbir li aħna ma
nifhmuhx, hu l-Mewt ta’ natura, ta’ bniedem, u t-Twelid Ġdid ta’ natura oħra,
bniedem ġdid. Dan tkellem fuqu l-Mulej
Ġesù ma’ Nikodemu. Aħna nitwieldu
bin-natura, bil-ġibdiet, bil-passjonijiet ta’ Adam, il-bniedem naturali. Din in-natura, dan il-bniedem qadim hu
ddestinat li jmut. Infatti jibda jmut
malli jtwieled, bħal sufarell tal-festa li ttih in-nar u jibda jaħraq ħajtu.
Dan il-bniedem hu midneb, u ma jistax ma jkunx hekk. Hu egoista mit-twelid għax wiret natura
egoista, għax jibża’ mill-mewt.
Alla bagħat lil Ibnu
fid-dinja biex dawk kollha li jemmnu fiH jinbeda proċess ta’ Mewt għall-qadim u
t-Twelid ta’ natura li hi ta’ Alla, li hi ta’ Kristu, li ma tmut qatt, li mhix
egoista iktar għax issa l-Mewt m’għadhiex l-aħħar kelma. Dan il-bniedem ġdid jista’ jagħmel ir-Rieda
ta’ Alla, imma l-ieħor kien jibża’ mir-Rieda ta’ Alla. Dan il-bniedem jista’ jgħix id-Diskors
tal-Muntanja li hu r-ritratt tan-Nisrani veru, imma l-ieħor, anke jekk jisforza
kemm irid, ma jistax. Din hi
l-Magħmudija! Din il-bidla hi
l-Magħmudija. Hija Mewt u Twelid
Ġdid. Il-Magħmudija hija passaġġ
mid-Dlam għad-Dawl, mill-Mewt għall-Ħajja, mill-Vistu għall-Festa, mill-Egoiżmu
għall-Imħabba, mill-Jasar għall-Ħelsien, mill-biża’ għall-Fiduċja għamja f’Dak
li qed imexxi l-Istorja.
Issa, dan il-proċess ma
jseħħx jekk ma nagħrfux il-jasar tagħna, il-Mewt li hemm tgħammar fina, id-dnub
tagħna. Dan kollu irridu nagħrfuh u nobogħduh
għax nindunaw li n-nuqqas ta’ sliem u kuntentizza bil-Ħajja ġej appuntu minn
hawn, minn din in-natura qadima li trid tmut fil-Magħmudija. Dan l-għarfien hu diffiċli ħafna, ħafna, u
jekk iseħħ hu Grazzja ta’ Alla. Min hu
marbut mad-dinja u jfittex il-ferħ u l-Ħajja fiha, qatt mhu se jinduna
bin-natura marida li għandu, aħseb u are kemm se jixxennaq li Alla
jibdilhielu. Il-Konverżjonijiet il-kbar
kollha hawn seħħu: fil-mument meta l-bniedem jagħraf hu min hu tassew.
Il-qari tal-lum jgħidilna
li Pietru, fl-ewwel proklamazzjoni tal-Aħbar it-Tajba, xehel lil misraħ nies li
huma kienu ħatja ta’ dnub kbir: il-qtil ta’ Alla nnifsu! Aħna lkoll qtilna u noqtlu lil Alla minn ġo fina meta nimlew l-“esseri” tagħna
b’dak li hu materjali biss. Min sema’ lil
Pietru baqa’ mbellah. Żgur li ħafna
rrabbjaw għax ma ridux jaċċettaw din id-dehra tagħhom infushom. Oħrajn bdew jidħku għax ħasbuh fis-sakra.
Oħrajn messithom il-Grazzja u raw li tassew li huma kienu morda għall-mewt
bid-dnub. F’dawn tal-aħħar beda l-proċess
ta’ divinizzazzjoni, ta’ bidla minn natura umana għal natura ta’ Alla
fihom. Din hi l-esperjenza
tal-Magħmudija.
Kristu tgħabba bid-dnub
tagħna, bil-bniedem il-qadim, bin-natura qadima tagħna, b’dak kollu li writna
minn Adam, u tkaxkar bih lejn il-Kalvarju.
Hemm, waqt li miet Kristu, kien qed imut ukoll il-bniedem il-qadim ta’
kull maħluq. Kristu sammar mas-Salib
tiegħu in-natura materjalista, miexja dejjem lejn il-Mewt, u qajjem miegħu
mill-qabar bniedem ġdid b’natura ġdida li ma tmut qatt. Dan l-Għid ta’ Kristu huwa l-Magħmudija tagħna. L-Għid ta’ Kristu jseħħ fil-Magħmudija tagħna
fil-qjies li din tikber fil-proċess tagħha.
Dan biss jagħti sens lill-Ħajja; dan biss idawwal is-salib u t-tbatijiet
tagħna; kollox jaħdem għal dan il-proċess sakemm fl-aħħar il-Fuħħari l-Kbir li
hu Alla jkun ħareġ l-Opra tal-Arti li hi l-qdusija tagħna miċ-ċappa tafal iebsa
u kollha żrar li biha twelidna.
Il-Liturġija tal-Kelma
tal-lum:
Qari I
Alla lil Ġesù għamlu Mulej u Kristu.
Atti 2, 14a.36-41
Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli
Nhar Għid il-Ħamsin, Pietru flimkien mal-Ħdax
qam u qal lil-Lhud b’leħen għoli: “Ħa jkun jaf fiż-żgur il-poplu kollu ta’ Iżrael
li lil dan Ġesù, li intom sallabtuh, Alla għamlu Mulej u Messija”.
Dan il-kliem li semgħu laqtilhom qalbhom, u qalu
lil Pietru u lill-appostli l-oħra: “L-aħwa, x’għandna nagħmlu aħna?”. U Pietru weġibhom: “Indmu, u jitgħammed kull
wieħed minnkom fl-isem ta’ Ġesù Kristu għall-maħfra ta’ dnubietkom; u intom
tirċievu d-don tal-Ispirtu s-Santu. Għax il-wegħda qiegħda għalikom u għal
uliedkom u għal dawk kollha li huma fil-bogħod, dawk kollha li l-Mulej Alla
tagħna sejħilhom”.
U b’ħafna kliem ieħor tahom xhieda u wissiehom
billi qalilhom: “Salvaw lilkom infuskom minn dan in-nisel ħażin”. Għalhekk dawk
li laqgħu kliemu tgħammdu u dakinhar ingħaqdu mad-dixxipli madwar tlitt elef
ruħ.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 22 (23), 1-3a. 3b-4. 5. 6.
R/. (1): Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi:
xejn ma jonqosni
Jew
R/. Hallelujah, hallelujah, hallelujah
Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi:
xejn ma jonqosni.
F’mergħat kollha ħdura jqegħedni,
ħdejn l-ilma, fejn nistrieħ, jeħodni.
Hemm hu jrejjaqni. R/.
Imexxini fit-triq tas-sewwa
minħabba l-isem tiegħu.
Imqar jekk nimxi f’wied mudlam,
ma nibżax mill-ħsara, għax inti miegħi.
Il-ħatar tiegħek u l-għasluġ tiegħek,
huma jwennsuni. R/.
Inti tħejji mejda għalija
quddiem l-għedewwa tiegħi.
Biż-żejt tidlikli rasi,
u l-kalċi tiegħi tfawwarli. R/.
Miegħi, iva, jimxu t-tjieba u l-ħniena
il-jiem kollha ta’ ħajti.
U ngħammar f’dar il-Mulej
sakemm indum ħaj! R/.
Qari II
Intom erġajtu lura għand ir-ragħaj u
l-għassies ta’ ruħkom.
1 Piet 2, 20b-25
Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pietru Appostlu
Għeżież, jekk tagħmlu t-tajjeb
u ssofru t-tbatija bis-sabar, din tkun grazzja
quddiem Alla.
Għal dan intom kontu msejħa,
għax Kristu wkoll bata għalikom
u ħallielkom eżempju,
biex timxu fuq il-passi tiegħu:
hu li ma kien għamel ebda dnub,
u ebda qerq ma nstab f’fommu,
meta għajruh ma weġibx bit-tagħjir,
meta bata ma heddidx
imma ħalla f’idejn l-Imħallef ġust.
Hu tgħabba bi dnubietna
sa fuq is-salib,
biex aħna mmutu għad-dnubiet,
u ngħixu għall-ġustizzja.
Bil-ġrieħi tiegħu intom fiqtu.
Intom kontu bħal nagħaġ mitlufa,
imma issa rġajtu lura għand ir-ragħaj
u l-għassies ta’ ruħkom.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Ġw 10, 14
Hallelujah. R/. Hallelujah
Jiena r-ragħaj it-tajjeb, jgħid il-Mulej;
jiena nagħraf in-nagħaġ tiegħi,
u n-nagħaġ tiegħi jagħrfu lili.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Il-bieb tan-nagħaġ huwa jien.
Ġw 10, 1-10
Qari mill-Evanġelju skond San Ġwann
F’dak iż-żmien, Ġesù qal: “Tassew tassew ngħidilkom, min ma jidħolx
fil-maqjel tan-nagħaġ mill-bieb imma jaqbeż ġewwa minn naħa oħra, dak hu
ħalliel u brigant. Imma min jidħol mill-bieb hu r-ragħaj tan-nagħaġ.
Min ikun mal-bieb lilu jiftaħ, in-nagħaġ minn
leħnu jisimgħu, u hu jsejjaħ in-nagħaġ tiegħu waħda waħda b’isimhom u joħroġhom
barra. U meta joħroġ in-nagħaġ tiegħu, huwa jmur quddiemhom u n-nagħaġ jimxu
warajh, għax jisimgħu leħnu. Imma wara wieħed barrani ma jimxux, anzi jaħarbu
minnu, għax leħen barrani ma jafuhx”.
Din il-parabbola qalhielhom Ġesù, iżda huma ma
fehmux x’ried jgħidilhom biha.Għalhekk Ġesù raġa’ qalilhom: “Tassew, tassew
ngħidilkom li l-bieb tan-nagħaġ huwa jien. Dawk kollha li ġew sa issa qabli
huma ħallelin u briganti. Iżda n-nagħaġ lilhom ma semgħuhomx. Jiena hu l-bieb;
jekk xi ħadd jidħol ġewwa permezz tiegħi jsalva, u jidħol u joħroġ u jsib fejn
jirgħa. Il-ħalliel ma jidħolx jekk mhux biex jisraq u joqtol u jeqred. Jiena
ġejt biex ikollkom il-ħajja, u ħajja bil-kotra”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu
|