Wednesday, 05 August 2020
           
Home
Il-HAMES HADD TAL-GHID (2020) MIN HU L-MISSIER? PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 09 May 2020

Din hija il- Liturgija tal-Hames Hadd tal-Ghid (2020)  bi hsibijiet  min Joe Rapa .

 trinity-father-son-spirit.jpg

 

Id-dinja tinsab għaddejja minn inkwiet u tħassib kbir, anzi nistgħu ngħidulu biża’ kbir.  Jista’ jkun li aħna m’aħniex inħossuh dan fil-milja tiegħu għax għall-Grazzja ta’ Alla, il-pandemija ta’ Covid-19 ma ħasditx imwiet fostna bħalma għamlet fl-Ewropa, l-Amerika u ċ-Ċina.  Imma m’aħniex għomja u lanqas m’aħna maqtugħin mill-bqija tad-dinja.  Kuljum nisimgħu bin-numri dejjem jikbru ta’ mwiet u ta’ nies li jiċċapsu b’din il-marda, u issa qed inħejju ruħna għat-tieni daqqa, li mhix fiżika imma ekonomika:  ħafna ażjendi se jibdew jgħalqu, anzi diġa bdew, u bosta u bosta se jkunu l-ħaddiema, u n-nies tal-familja, li se jitilfu x-xogħol.  Hu tqil tinduna li aktarx ninsabu fuq il-għatba ta’ dinja “ġdida”, u biex naqbżu din l-għatba jistgħu jgħaddu s-snin.  Daqshekk serja tista’ tkun il-biċċa.

Quddiem dan kollu, tagħmel differenza jekk int ikollokx il-Fidi jew le!  Il-Fidi mhix xi ħaġa soċjali, xi ħaġa tribali, xi ħaġa kulturali.  Sikwit nitfixklu l-Fidi ma’ dawn l-affarijiet... badge, tikketta li tagħmlek parti minn soċjetà fejn il-maġġoranza għandha l-kultura b’tiċpisa Nisranija u allura inti jew magħna jew mal-oħrajn li nzertaw twieldu xi mitt kilometru baħar ’l isfel minna.  Il-Fidi vera tagħmel differenza enormi f’sitwazzjoni bħal din li ninsabu fiha.  Għax il-Fidi fi Kristu hija l-Fidi fir-Rebħa fuq il-Mewt; hija l-Fidi f’Dak li hu Sid tal-Istorja, u allura Sid tas-sitwazzjoni preżenti.  Il-Fidi hija d-Dawl fid-dlam tal-aħbarijiet.  Hija t-Tama li, bħalma qalet Ġuljana, l-mistika ta’ Norwich, “All shall be well; all shall be well; and all manner of things shall be well!!”  Kollox se jispiċċa tajjeb għal min jemmen għax l-Imħabba għandha l-kontroll ta’ kollox.

 

Ninsabu fiż-żmien, liturġikament prezzjuż, tal-Għid.  Anke jekk għadda xahar mill-Ġimgħa Mqaddsa, l-Insara jistgħu jixtiequ lil xulxin “L-Għid it-Tajjeb!” għax l-Għid għadu għaddej!  Daqshekk kbira hi l-Aħbar li jxandar.  Altru li jrid ikollok il-Fidi matura u mhux aljenata fuq ħafna ħwejjeġ sekondarji biex tidħol f’dan l-Ispirtu, ibda minni.  L-Insara tal-Lvant, matul dawn il-Ħamsin Jum, isellmu lil xulxin bil-kliem: “Hristos Voskrese!” “Kristu Qam mill-Mewt!”  U l-ieħor iwieġeb: “Hu qam tassew! Hallelujah!”

 

Il-Fidi Nisranija tagħmel li int ikollok rebħa fuq il-Mewt ġewwa fik!  Dan ifisser li mudlam kemm hu mudlam il-lejl li qed tgħix bħalissa, inti taf li għada se jisbaħ żgur; li dejjem iżernaq; ix-xemx titla’ iktar sabiħa iktar kemm ikun ikrah il-lejl.  Kristu rebaħ il-Mewt għal dawk li jemmnu fiH!  Kuraġġ!  Huma l-pagani li jiddispraw quddiem l-istatistika, quddiem l-aħbarijiet, quddiem ir-raġuni li tgħidlek “M’hemmx ċans!”  L-Iskrittura kollha xxandar li huwa meta m’hemmx ċans li Alla jħobb jaħdem u jaħdem bil-kbir tant li jissorprendi anke lil dawk li l-aktar għandhom Fidi soda.

 

Dan huwa l-Alla ta’ Ġesù Kristu!  Hu ġie biex jurina min hu l-Missier.  Kien hemm proċess qaddis li twal eluf u eluf ta’ snin, proċess ta’ rivelazzjoni, wirja ta’ min hu Alla.  Hu ma weriex ruħU kollu kemm hu f’daqqa imma, b’Għerf qaddis u tenerezza liema bħalha, ġerra l-velu bil-mod il-mod, skont ma aħna l-bnedmin konna nifilħu nemmnu. 

 

Il-bniedem li penġa x-xeni primittivi tal-kaċċa fl-għerien, dak li bena t-tempji antiki li bħalhom għandna tant f’pajjiżna, il-qima tal-idoli vvintati mill-bniedem, Iżrael – il-poplu magħżul minn Alla – il-Liġi mogħtiha lil Mosè li ma swietx biex issalva; dawn kollha kienu tapep importanti fil-mixja ta’ Alla lejn il-bniedem, sakemm il-Missier were ruħU kollu kemm hu f’Ibnu Ġesù Kristu.

 

It-tweġiba tal-bniedem, li fi Kristu jagħraf il-Wiċċ glorjuż tal-Missier, hi eżultanza, ferħ enormi, sorpriża li tgħaġġeb, għajnejn li ma jridux jemmnu dak li qed jaraw!  Ħamsin jum ta’ Ferħ!  Kollox hu ġdid! Kont agħma, issa qed nara! Dan hu li toħloq il-Fidi, għax il-Fidi hi Aħbar, Aħbar Tajba, Evanġelju li lilek jgħidlek: “Alla jħobbok!  Alla ma jridekx tmut!  Għandu għalik Ħajja eterna, għal dejjem!  Hu xtrak u ħallas għalik prezz ta’ barra minn hawn: id-Demm ta’ Ibnu!  Daqshekk tiswa int f’għajnejn Alla!  Kollox se jiġri ħafna aħjar milli qatt ippjanajt int, jew ħlomt int!  Dan tgħidu l-Kelma.  Dak li Alla għandu lest għalik, anke jekk kbirt fl-età, dak li għandu lest għalik, int m’għandekx lanqas il-ħila titlobulU għax ma tistax timmaġinah!  Dnibt?  Irrabjajt għal Alla? Fittixt il-Ħajja fil-flus, fiż-żina, fil-vjolenza, fil-qerq, fil-gideb dwar ħaddieħor...  Qtajt qalbek minn Alla?  Imma issa...!  (Dawn huma żewġ kelmiet importanti ħafna), imma issa ħares lejn Alla msallab għalik!  FiH dnubietek kollha huma maħfura.  Tħallas id-dejn tiegħek kollu!” 

 

Il-Mewt intrebħet.  Liema Mewt?  Dak kollu li lilek qed joqtlok hu gidba.  L-Imħabba li hemm għalik hi ikbar, ferm ikbar mid-dnubiet tad-dinja kollha!  Din hi l-Aħbar.  Il-Kristjaneżmu mhux reliġjon imma Ġrajja, Aħbar ta’ xi ħaġa kbira, enormi li seħħet.  Alla ġabar fiħ id-dnubiet kollha tagħna u ħa l-kastig tagħhom Hu biex aħna nirtu n-natura ta’ Alla nnifsu!  Għalhekk l-Antifona tal-lum tgħid: “Għannu lill-Mulej għanja ġdida, għax għamel ħwejjeġ tal-għaġeb; f’għajnejn il-ġnus wera l-ġustizzja tiegħu, hallelujah!” 

 

X’għamel tal-għaġeb?  Wera li dak Alla li l-bniedem dejjem fettex hu Mħabba li tmut għal għadu tagħha.  Alla libes laħam bħalek biex ikun jista’ jmut għalik ħalli l-Mewt li nxtrat bid-dnub jeħel biha HU.  It-Talba tal-bidu llum tgħid: “O Alla, inti rġajt waqqaft id-dinja mġarrfa billi Ibnek ċekken lilu nnifsu; imla lill-fidili tiegħek (dawk li jemmnu fik) b’ferħ qaddis, u agħti hena bla tmiem lil dawk li inti ħlist mill-jasar tad-dnub.”  “Hena bla tmiem” tfisser li inti u jiena, minn hawn stess, ngħixu bħallikieku ġa ninsabu fil-Ħajja ta’ Dejjem, billi nafu li fi Kristu l-Mewt fiżika ma toqtolniex.  Dan mhux bil-paroli jew b’xi tagħlim, jew ‘brainwashing’, imma għax hemm l-Ispirtu ta’ Ġesù fik li jikkonvinċik Hu.

 

Hu dan l-Ispirtu li jneħħi l-egoiżmu minn ġo fina, jeqred id-dnub minn qalbna, u jfejjaqna minn ġewwa biex inkun nistgħi ninagħtaw bil-ferħ u għax irridu ahna.  Din hija d-Djakonija Nisranija, il-qadi tal-“ieħor”.  Il-pagani u n-nies tad-dinja lill-“ieħor”, lill-proxxmu jsejħulu “l-infern” għax jaraw fih rival, xi ħadd li jista’ jdejjaqhom.  Bil-Grazzja ta’ Alla, int fl-“ieħor” tara lil Ġesù u tiġri biex tgħinu, biex tfarrġu, biex tagħtih minn dak li nagħtalek b’xejn, biex isserrħu mill-problemi.  Dan narawh fl-Ewwel Qari.  Huwa meta nemmnu l-Aħbar it-Tajba ta’ x’għamel il-Mulej għalina fil-Misteru tal-Għid, u meta dan jiġi ċċarat għalina b’rigal li ma jistħoqqilniex, huwa dak in-nhar li nibdew inħobbu tassew.  Din hi l-Ħajja vera: li tħobb... mhux għax kapaċi int imma għax bil-Fidi, Kristu jgħammar fik.  “Ngħix, imma mhux iżjed jien, iżda jgħix fija Kristu.  Il-ħajja li issa ngħix fil-ġisem qiegħed ngħixha bil-fidi fl-Iben ta’ Alla, li ħabbni u ta lilu nnifsu għalija.”  (Ġal. 2, 20-21).  Din il-Kelma titkellem dwar dawk kollha li tassew jemmnu fil-Missier, il-Missier li wriena Ibnu Ġesù: jiġifieri dak li jwieġeb għad-dnub tiegħek billi jagħti l-Ħajja ta’ Ibnu bi prezz għall-fidwa tiegħek. 

 

Dan hu l-Ferħ dejjiemi tan-Nisrani.  Mela ħa jsiru rejaltà fina l-kliem ta’ Kristu fil-Vanġelu tal-lum: “Tħallux qalbkom titħawwad!  Emmnu f’Alla, u emmnu fija wkoll.”  (Ġw. 14, 1).

 

Il-Liturġija tal-Kelma għal-lum:

 

Qari I

Għażlu sebat irġiel mimlijin bl-Ispirtu s-Santu.

Atti 6, 1-7

 

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli

 

F’dawk il-jiem l-għadd tad-dixxipli kien qiegħed jiżdied; għalhekk sar xi tgergir mil-Lhud Griegi kontra l-Lhud, għax dehrilhom li ma kienx hemm min jieħu ħsieb ir-romol tagħhom fil-ministeru ta’ kuljum.

 

Għalhekk it-Tnax sejħu l-ġemgħa tad-dixxipli u qalulhom: “Mhux sewwa li aħna nħallu l-kelma ta’ Alla biex naqdu fl-imwejjed. Mela, l-aħwa, ħudu ħsieb u agħżlu minn fostkom sebat irġiel li għandhom isem tajjeb u li huma mimlijin bl-Ispirtu u bl-għerf, u nħallu din il-ħidma f’idejhom. U aħna nagħtu ruħna għat-talb u għall-ministeru tal-Kelma”.

 

Dan il-kliem għoġob lill-ġemgħa kollha; u għażlu lil Stiefnu, bniedem mimli bil-fidi u bl-Ispirtu s-Santu, lil Filippu, lil Prokoru, lil Nikanor, lil Timon, lil Parmena, u lil Nikola, prosèlita minn Antijokja. Lil dawn ressquhom quddiem l-appostli, li talbu u qiegħdu idejhom

fuqhom. U l-kelma ta’ Alla kienet tixtered dejjem aktar; l-għadd tad-dixxipli kien jiżdied ħafna f’Ġerusalemm, u kotra kbira ta’ qassisin kienu joqogħdu għall-fidi.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 32 (33), 1-2.4-5.18-19

 

R/. (22): Ħa tkun, Mulej, it-tjieba tiegħek fuqna,

kif fik hi t-tama tagħna

jew

R/. Hallelujah, hallelujah, hallelujah

 

Għannu, ġusti, bil-ferħ lill-Mulej;

jixirqilhom ifaħħruh in-nies sewwa.

Faħħru l-Mulej bid-daqq taċ-ċetra;

għannulu fuq l-arpa b’għaxar kordi. R/.

 

Għax sewwa hi l-kelma tal-Mulej,

kollox bil-fedeltà huwa għamel.

Hu jħobb id-dritt u s-sewwa;

bit-tjieba tal-Mulej mimlija l-art. R/.

 

Ara, għajnejn il-Mulej fuq dawk li jibżgħu minnu,

fuq dawk li jittamaw fit-tjieba tiegħu,

biex jeħilsilhom mill-mewt ħajjithom,

u jaħjihom fi żmien il-ġuħ. R/.

 

Qari II

Intom ġens maħtur, saċerdozju rjali.

1 Piet 2, 4-9

 

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pietru Appostlu

 

Għeżież, ersqu lejn il-Mulej, li hu dik il-ġebla ħajja li kienet imwarrba mill-bennejja, imma magħżula minn Alla bħala ġebla għażiża. U intom ukoll, bħal ġebel ħaj, inbnew f’dar spiritwali, saċerdozju qaddis, biex toffru sagrifiċċji spiritwali li jogħġbu lil Alla permezz ta’ Ġesù Kristu. Għax hekk hemm miktub fl-Iskrittura: “Jien inqiegħed f’Sijon ġebla tax-xewka, magħżula u għażiża; min jemmen fiha ma jkollux għax jitħawwad”.

 

Għalikom, mela, li temmnu, dan huwa ġieħ! Għal dawk li ma jemmnux, din l-istess ġebla li warrbu l-bennejja saret il-ġebla tax-xewka, ġebla ta’ tiġrif u tfixkil. Tfixklu għax ma qagħdux għall-kelma ta’ Alla. Għal dan kienu ddestinati. Imma intom ġens maħtur, saċerdozju rjali, nazzjon qaddis, poplu li Alla kiseb għalih, biex ixxandru t-tifħir ta’ dak li sejħilkom mid-dlam għad-dawl tiegħu tal-għaġeb.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Ġw 14, 6

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Jiena hu t-Triq, il-Verità u l-Ħajja, jgħid il-Mulej;

ħadd ma jmur għand il-Missier jekk mhux permezz tiegħi.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Jiena hu t-triq, il-verità u l-ħajja.

Ġw 14, 1-12

 

Qari mill-Evanġelju skond San Ġwann

 

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: Tħallux qalbkom titħawwad! Emmnu f’Alla, u emmnu fija wkoll. Fid-dar ta’ Missieri hemm ħafna postijiet. Li ma kienx hekk, kont ngħidilkom: “Sejjer inħejjilkom fejn toqogħdu?”. U meta mmur u nħejjilkom post, nerġa’ niġi biex neħodkom miegħi biex, fejn inkun jien, tkunu intom ukoll. U t-triq għall-post fejn sejjer tafuha”.

 

Tumas qallu: “Mulej, aħna ma nafux fejn inti sejjer. Kif nistgħu nafu t-triq?”. Wieġbu Ġesù: “Jiena hu t-triq, il-verità u l-ħajja. Ħadd ma jmur għand il-Missier jekk mhux permezz tiegħi. Kieku għaraftu lili, kontu tagħrfu wkoll lil Missieri: minn issa ’l quddiem tagħrfuh, anzi diġa’ rajtuh”. Qallu Filippu: “Mulej, urina l-Missier, u jkun biżżejjed għalina”. Ġesù wieġeb: “Ili daqshekk magħkom, Filippu, u għadek ma għaraftnix? Min ra lili ra lill-Missier. Kif tgħidli: “Urina l-Missier?”Ma temminx li jiena fil-Missier u l-Missier fija? Il-kliem li ngħidilkom jien, ma ngħidux minn moħħi iżda l-Missier li jgħammar fija qiegħed jagħmel l-opri tiegħu.

 

Emmnuni! Jiena fil-Missier u l-Missier huwa fija. Jekk mhux għal ħaġ’oħra, emmnuni minħabba dawn l-opri stess. Tassew tassew ngħidilkom, min jemmen fija hu wkoll għad jagħmel l-opri li qiegħed nagħmel jien, u akbar minnhom għad jagħmel, għax jiena sejjer għand il-Missier”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu

 

Last Updated ( Saturday, 09 May 2020 )
 
< Prev   Next >