Din
hija il- Liturgija tal-Hames Hadd tal-Ghid (2020) bi hsibijiet min Joe Rapa .
Id-dinja tinsab għaddejja
minn inkwiet u tħassib kbir, anzi nistgħu ngħidulu biża’ kbir. Jista’ jkun li aħna m’aħniex inħossuh dan
fil-milja tiegħu għax għall-Grazzja ta’ Alla, il-pandemija ta’ Covid-19 ma
ħasditx imwiet fostna bħalma għamlet fl-Ewropa, l-Amerika u ċ-Ċina. Imma m’aħniex għomja u lanqas m’aħna
maqtugħin mill-bqija tad-dinja. Kuljum
nisimgħu bin-numri dejjem jikbru ta’ mwiet u ta’ nies li jiċċapsu b’din
il-marda, u issa qed inħejju ruħna għat-tieni daqqa, li mhix fiżika imma
ekonomika: ħafna ażjendi se jibdew
jgħalqu, anzi diġa bdew, u bosta u bosta se jkunu l-ħaddiema, u n-nies
tal-familja, li se jitilfu x-xogħol. Hu
tqil tinduna li aktarx ninsabu fuq il-għatba ta’ dinja “ġdida”, u biex naqbżu
din l-għatba jistgħu jgħaddu s-snin.
Daqshekk serja tista’ tkun il-biċċa.
Quddiem dan kollu, tagħmel
differenza jekk int ikollokx il-Fidi jew le!
Il-Fidi mhix xi ħaġa soċjali, xi ħaġa tribali, xi ħaġa kulturali. Sikwit nitfixklu l-Fidi ma’ dawn l-affarijiet...
badge, tikketta li tagħmlek parti minn soċjetà fejn il-maġġoranza għandha
l-kultura b’tiċpisa Nisranija u allura inti jew magħna jew mal-oħrajn li
nzertaw twieldu xi mitt kilometru baħar ’l isfel minna. Il-Fidi vera tagħmel differenza enormi
f’sitwazzjoni bħal din li ninsabu fiha.
Għax il-Fidi fi Kristu hija l-Fidi fir-Rebħa fuq il-Mewt; hija l-Fidi
f’Dak li hu Sid tal-Istorja, u allura Sid tas-sitwazzjoni preżenti. Il-Fidi hija d-Dawl fid-dlam
tal-aħbarijiet. Hija t-Tama li, bħalma
qalet Ġuljana, l-mistika ta’ Norwich, “All shall be well; all shall be well;
and all manner of things shall be well!!”
Kollox se jispiċċa tajjeb għal min jemmen għax l-Imħabba għandha
l-kontroll ta’ kollox.
Ninsabu fiż-żmien,
liturġikament prezzjuż, tal-Għid. Anke
jekk għadda xahar mill-Ġimgħa Mqaddsa, l-Insara jistgħu jixtiequ lil xulxin
“L-Għid it-Tajjeb!” għax l-Għid għadu għaddej!
Daqshekk kbira hi l-Aħbar li jxandar.
Altru li jrid ikollok il-Fidi matura u mhux aljenata fuq ħafna ħwejjeġ
sekondarji biex tidħol f’dan l-Ispirtu, ibda minni. L-Insara tal-Lvant, matul dawn il-Ħamsin Jum,
isellmu lil xulxin bil-kliem: “Hristos Voskrese!” “Kristu Qam mill-Mewt!” U l-ieħor iwieġeb: “Hu qam tassew!
Hallelujah!”
Il-Fidi Nisranija tagħmel
li int ikollok rebħa fuq il-Mewt ġewwa fik!
Dan ifisser li mudlam kemm hu mudlam il-lejl li qed tgħix bħalissa, inti
taf li għada se jisbaħ żgur; li dejjem iżernaq; ix-xemx titla’ iktar sabiħa
iktar kemm ikun ikrah il-lejl. Kristu
rebaħ il-Mewt għal dawk li jemmnu fiH!
Kuraġġ! Huma l-pagani li
jiddispraw quddiem l-istatistika, quddiem l-aħbarijiet, quddiem ir-raġuni li
tgħidlek “M’hemmx ċans!” L-Iskrittura
kollha xxandar li huwa meta m’hemmx ċans li Alla jħobb jaħdem u jaħdem bil-kbir
tant li jissorprendi anke lil dawk li l-aktar għandhom Fidi soda.
Dan huwa l-Alla ta’ Ġesù
Kristu! Hu ġie biex jurina min hu
l-Missier. Kien hemm proċess qaddis li
twal eluf u eluf ta’ snin, proċess ta’ rivelazzjoni, wirja ta’ min hu Alla. Hu ma weriex ruħU kollu kemm hu f’daqqa imma,
b’Għerf qaddis u tenerezza liema bħalha, ġerra l-velu bil-mod il-mod, skont ma
aħna l-bnedmin konna nifilħu nemmnu.
Il-bniedem li penġa x-xeni
primittivi tal-kaċċa fl-għerien, dak li bena t-tempji antiki li bħalhom għandna
tant f’pajjiżna, il-qima tal-idoli vvintati mill-bniedem, Iżrael – il-poplu magħżul
minn Alla – il-Liġi mogħtiha lil Mosè li ma swietx biex issalva; dawn kollha
kienu tapep importanti fil-mixja ta’ Alla lejn il-bniedem, sakemm il-Missier
were ruħU kollu kemm hu f’Ibnu Ġesù Kristu.
It-tweġiba tal-bniedem, li
fi Kristu jagħraf il-Wiċċ glorjuż tal-Missier, hi eżultanza, ferħ enormi,
sorpriża li tgħaġġeb, għajnejn li ma jridux jemmnu dak li qed jaraw! Ħamsin jum ta’ Ferħ! Kollox hu ġdid! Kont agħma, issa qed nara! Dan
hu li toħloq il-Fidi, għax il-Fidi hi Aħbar, Aħbar Tajba, Evanġelju li lilek
jgħidlek: “Alla jħobbok! Alla ma jridekx
tmut! Għandu għalik Ħajja eterna, għal
dejjem! Hu xtrak u ħallas għalik prezz
ta’ barra minn hawn: id-Demm ta’ Ibnu!
Daqshekk tiswa int f’għajnejn Alla!
Kollox se jiġri ħafna aħjar milli qatt ippjanajt int, jew ħlomt
int! Dan tgħidu l-Kelma. Dak li Alla għandu lest għalik, anke jekk
kbirt fl-età, dak li għandu lest għalik, int m’għandekx lanqas il-ħila
titlobulU għax ma tistax timmaġinah!
Dnibt? Irrabjajt għal Alla?
Fittixt il-Ħajja fil-flus, fiż-żina, fil-vjolenza, fil-qerq, fil-gideb dwar
ħaddieħor... Qtajt qalbek minn
Alla? Imma issa...! (Dawn huma żewġ kelmiet importanti ħafna),
imma issa ħares lejn Alla msallab għalik!
FiH dnubietek kollha huma maħfura.
Tħallas id-dejn tiegħek kollu!”
Il-Mewt intrebħet. Liema Mewt?
Dak kollu li lilek qed joqtlok hu gidba.
L-Imħabba li hemm għalik hi ikbar, ferm ikbar mid-dnubiet tad-dinja
kollha! Din hi l-Aħbar. Il-Kristjaneżmu mhux reliġjon imma Ġrajja,
Aħbar ta’ xi ħaġa kbira, enormi li seħħet. Alla ġabar fiħ id-dnubiet kollha tagħna u ħa
l-kastig tagħhom Hu biex aħna nirtu n-natura ta’ Alla nnifsu! Għalhekk l-Antifona tal-lum tgħid: “Għannu
lill-Mulej għanja ġdida, għax għamel ħwejjeġ tal-għaġeb; f’għajnejn il-ġnus
wera l-ġustizzja tiegħu, hallelujah!”
X’għamel tal-għaġeb? Wera li dak Alla li l-bniedem dejjem fettex
hu Mħabba li tmut għal għadu tagħha.
Alla libes laħam bħalek biex ikun jista’ jmut għalik ħalli l-Mewt li
nxtrat bid-dnub jeħel biha HU. It-Talba
tal-bidu llum tgħid: “O Alla, inti rġajt waqqaft id-dinja mġarrfa billi Ibnek
ċekken lilu nnifsu; imla lill-fidili tiegħek (dawk li jemmnu fik) b’ferħ
qaddis, u agħti hena bla tmiem lil dawk li inti ħlist mill-jasar
tad-dnub.” “Hena bla tmiem” tfisser li
inti u jiena, minn hawn stess, ngħixu bħallikieku ġa ninsabu fil-Ħajja ta’
Dejjem, billi nafu li fi Kristu l-Mewt fiżika ma toqtolniex. Dan mhux bil-paroli jew b’xi tagħlim, jew
‘brainwashing’, imma għax hemm l-Ispirtu ta’ Ġesù fik li jikkonvinċik Hu.
Hu dan l-Ispirtu li jneħħi l-egoiżmu
minn ġo fina, jeqred id-dnub minn qalbna, u jfejjaqna minn ġewwa biex inkun
nistgħi ninagħtaw bil-ferħ u għax irridu ahna.
Din hija d-Djakonija Nisranija, il-qadi tal-“ieħor”. Il-pagani u n-nies tad-dinja lill-“ieħor”,
lill-proxxmu jsejħulu “l-infern” għax jaraw fih rival, xi ħadd li jista’
jdejjaqhom. Bil-Grazzja ta’ Alla, int
fl-“ieħor” tara lil Ġesù u tiġri biex tgħinu, biex tfarrġu, biex tagħtih minn
dak li nagħtalek b’xejn, biex isserrħu mill-problemi. Dan narawh fl-Ewwel Qari. Huwa meta nemmnu l-Aħbar it-Tajba ta’
x’għamel il-Mulej għalina fil-Misteru tal-Għid, u meta dan jiġi ċċarat għalina
b’rigal li ma jistħoqqilniex, huwa dak in-nhar li nibdew inħobbu tassew. Din hi l-Ħajja vera: li tħobb... mhux għax
kapaċi int imma għax bil-Fidi, Kristu jgħammar fik. “Ngħix,
imma mhux iżjed jien, iżda jgħix fija Kristu.
Il-ħajja li issa ngħix fil-ġisem qiegħed ngħixha bil-fidi fl-Iben ta’
Alla, li ħabbni u ta lilu nnifsu għalija.”
(Ġal. 2, 20-21). Din il-Kelma
titkellem dwar dawk kollha li tassew jemmnu fil-Missier, il-Missier li wriena
Ibnu Ġesù: jiġifieri dak li jwieġeb għad-dnub tiegħek billi jagħti l-Ħajja ta’
Ibnu bi prezz għall-fidwa tiegħek.
Dan hu l-Ferħ dejjiemi
tan-Nisrani. Mela ħa jsiru rejaltà fina
l-kliem ta’ Kristu fil-Vanġelu tal-lum: “Tħallux
qalbkom titħawwad! Emmnu f’Alla, u emmnu
fija wkoll.” (Ġw. 14, 1).
Il-Liturġija tal-Kelma
għal-lum:
Qari I
Għażlu sebat irġiel mimlijin bl-Ispirtu
s-Santu.
Atti 6, 1-7
Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli
F’dawk il-jiem l-għadd tad-dixxipli kien qiegħed
jiżdied; għalhekk sar xi tgergir mil-Lhud Griegi kontra l-Lhud, għax dehrilhom
li ma kienx hemm min jieħu ħsieb ir-romol tagħhom fil-ministeru ta’ kuljum.
Għalhekk it-Tnax sejħu l-ġemgħa tad-dixxipli u
qalulhom: “Mhux sewwa li aħna nħallu l-kelma ta’ Alla biex naqdu fl-imwejjed.
Mela, l-aħwa, ħudu ħsieb u agħżlu minn fostkom sebat irġiel li għandhom isem
tajjeb u li huma mimlijin bl-Ispirtu u bl-għerf, u nħallu din il-ħidma f’idejhom.
U aħna nagħtu ruħna għat-talb u għall-ministeru tal-Kelma”.
Dan il-kliem għoġob lill-ġemgħa kollha; u għażlu
lil Stiefnu, bniedem mimli bil-fidi u bl-Ispirtu s-Santu, lil Filippu, lil
Prokoru, lil Nikanor, lil Timon, lil Parmena, u lil Nikola, prosèlita minn
Antijokja. Lil dawn ressquhom quddiem l-appostli, li talbu u qiegħdu idejhom
fuqhom. U l-kelma ta’ Alla kienet tixtered
dejjem aktar; l-għadd tad-dixxipli kien jiżdied ħafna f’Ġerusalemm, u kotra
kbira ta’ qassisin kienu joqogħdu għall-fidi.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 32 (33), 1-2.4-5.18-19
R/. (22): Ħa tkun, Mulej, it-tjieba tiegħek
fuqna,
kif fik hi t-tama tagħna
jew
R/. Hallelujah, hallelujah, hallelujah
Għannu, ġusti, bil-ferħ lill-Mulej;
jixirqilhom ifaħħruh in-nies sewwa.
Faħħru l-Mulej bid-daqq taċ-ċetra;
għannulu fuq l-arpa b’għaxar kordi. R/.
Għax sewwa hi l-kelma tal-Mulej,
kollox bil-fedeltà huwa għamel.
Hu jħobb id-dritt u s-sewwa;
bit-tjieba tal-Mulej mimlija l-art. R/.
Ara, għajnejn il-Mulej fuq dawk li jibżgħu
minnu,
fuq dawk li jittamaw fit-tjieba tiegħu,
biex jeħilsilhom mill-mewt ħajjithom,
u jaħjihom fi żmien il-ġuħ. R/.
Qari II
Intom ġens maħtur, saċerdozju rjali.
1 Piet 2, 4-9
Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pietru Appostlu
Għeżież, ersqu lejn il-Mulej, li hu dik il-ġebla
ħajja li kienet imwarrba mill-bennejja, imma magħżula minn Alla bħala ġebla
għażiża. U intom ukoll, bħal ġebel ħaj, inbnew f’dar spiritwali, saċerdozju
qaddis, biex toffru sagrifiċċji spiritwali li jogħġbu lil Alla permezz ta’ Ġesù
Kristu. Għax hekk hemm miktub fl-Iskrittura: “Jien inqiegħed f’Sijon ġebla
tax-xewka, magħżula u għażiża; min jemmen fiha ma jkollux għax jitħawwad”.
Għalikom, mela, li temmnu, dan huwa ġieħ! Għal
dawk li ma jemmnux, din l-istess ġebla li warrbu l-bennejja saret il-ġebla
tax-xewka, ġebla ta’ tiġrif u tfixkil. Tfixklu għax ma qagħdux għall-kelma ta’
Alla. Għal dan kienu ddestinati. Imma intom ġens maħtur, saċerdozju rjali,
nazzjon qaddis, poplu li Alla kiseb għalih, biex ixxandru t-tifħir ta’ dak li
sejħilkom mid-dlam għad-dawl tiegħu tal-għaġeb.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Ġw 14, 6
Hallelujah. R/. Hallelujah
Jiena hu t-Triq, il-Verità u l-Ħajja, jgħid
il-Mulej;
ħadd ma jmur għand il-Missier jekk mhux permezz
tiegħi.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Jiena hu t-triq, il-verità u l-ħajja.
Ġw 14, 1-12
Qari mill-Evanġelju skond San Ġwann
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli
tiegħu: “Tħallux qalbkom titħawwad! Emmnu f’Alla, u emmnu
fija wkoll. Fid-dar ta’ Missieri hemm ħafna postijiet. Li ma kienx hekk, kont
ngħidilkom: “Sejjer inħejjilkom fejn toqogħdu?”. U meta mmur u nħejjilkom post, nerġa’ niġi
biex neħodkom miegħi biex, fejn inkun jien, tkunu intom ukoll. U t-triq għall-post
fejn sejjer tafuha”.
Tumas qallu: “Mulej, aħna ma nafux fejn inti
sejjer. Kif nistgħu nafu t-triq?”. Wieġbu Ġesù: “Jiena hu t-triq, il-verità u
l-ħajja. Ħadd ma jmur għand il-Missier jekk mhux permezz tiegħi. Kieku għaraftu
lili, kontu tagħrfu wkoll lil Missieri: minn issa ’l quddiem tagħrfuh, anzi
diġa’ rajtuh”. Qallu Filippu: “Mulej, urina l-Missier, u jkun biżżejjed
għalina”. Ġesù wieġeb: “Ili daqshekk magħkom, Filippu, u għadek ma għaraftnix?
Min ra lili ra lill-Missier. Kif tgħidli: “Urina l-Missier?”. Ma temminx li jiena fil-Missier u l-Missier
fija? Il-kliem li ngħidilkom jien, ma ngħidux minn moħħi iżda l-Missier li
jgħammar fija qiegħed jagħmel l-opri tiegħu.
Emmnuni! Jiena fil-Missier u l-Missier huwa
fija. Jekk mhux għal ħaġ’oħra, emmnuni minħabba dawn l-opri stess. Tassew
tassew ngħidilkom, min jemmen fija hu wkoll għad jagħmel l-opri li qiegħed
nagħmel jien, u akbar minnhom għad jagħmel, għax jiena sejjer għand
il-Missier”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu
|