Thursday, 04 June 2020
           
Home
IS-SITT HADD TAL-GHID (2020) NOHOLMU LI NSIRU NSARA “KBAR” PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 16 May 2020

Din hija il- Liturgija tas-Sitt Hadd tal-Ghid (2020)  bi hsibijiet  min Joe Rapa .

jesus-speaking.jpg

 

Hawn ħafna li l-Kristjaneżmu għalihom hu biss kultura, drawwiet sbieħ, mod ta’ ħajja li wasslulna missirijietna mingħand missirijiethom u għalhekk mhux ta’ min jitlifha għal kollox, anke jekk issa sirna “moderni” u moħħna nfetaħ, kif jgħidu xi wħud. Oħrajn l-anqas iriduh iktar bħala kultura.  Jgħidulek li issa qed ngħixu f’dinja “ġdida”, dawn huma affarijiet tal-Medju Evu, tan-nanniet, niddevertu, nieklu u nixorbu għax din hi l-ħajja waħdanija li għandna u ngawduha kemm nistgħu.

Sfortunatament, dawn kollha, jew kważi kollha, huma mniżżlin fir-reġistru tal-kappillan bħala “Nsara”, meta Nsara mhumiex. Tassew li hu veru li qed ngħixu fi żmien ġdid, u l-“coronavirus” qed jurina kemm boloh huma dawk li jagħmlu mid-dinja “alla” tagħhom...  Tassew hu veru li għadda ż-żmien meta kulħadd kien Nisrani f’pajjiżna.  Anzi, ejjew ngħidu l-verità: l-Insara huma minoranza. Jekk ma nkunux radikali f’dan il-ħsieb ftit nistgħu ngħinu biex nirriformaw lilna nfusna u lill-Knisja.  Minoranza ta’ nies ivvutat kontra d-divorzju.  Minoranza ta’ nies jgħixu l-Liturġija Qaddisa tal-Ħadd.  Dan jagħmel mill-Aħbar ta’ Kristu minoranza f’pajjiżna.  Il-bqija hija kultura u drawwiet u dawn l-affarijiet mhumiex eterni.  Mhumiex Kristu.

 

Dawk li għalihom Kristu huwa mportanti; li għajnejhom idemmgħu quddiem il-friegħi li jitqaċċtu mid-dielja; li rashom baxxuta quddiem l-aħbarijiet ħżiena li sikwit nisimgħu; dawn il-minoranza ta’ nies hemm bżonn li jsibu mill-ġdid il-ferħ tagħhom fi Kristu; hemm bżonn li jiġu spirati mill-ħsieb li l-Fidi mhix xi ħaġa li akkwistaw darba u daqshekk, imma hija Mixja, Vjaġġ li jieħdok minn post għall-ieħor, minn esperjenza għal oħra, minn Fidi għal Fidi akbar, sakemm il-Mewt tkun tassew mirbuħa, u l-Ispirtu ta’ Ġesù jgħammar fil-milja tiegħu fina.  Dak in-nhar ma nibżgħux iktar mill-Mewt għax inkunu mimlija b’Dak li lill-Mewt rebħilha.  Ikollna ċ-ċertezza, l-eskatoloġija qaddisa li l-Mewt mhix l-aħħar kelma imma li hi Bieb sabiħ li jinfetaħ biex warajh naraw lill-Għarus, lill-Isbaħ Wieħed jistenniena biex jagħmel Festa bina fis-Sema.  U hekk, sakemm inkunu għadna hawn, nixhdu għal Kristu bil-ferħ tagħna, bis-sliem tagħna, bl-Imħabba tagħna, għax dawn l-affarijiet ma jeżistux għand id-dinja.

 

Din hija aspirazzjoni, stennija, ambizzjoni qaddisa li għandha timliena b’sens ġdid għall-Ħajja. ’Il bogħod minna l-“Insara” tal-gdiedem, dawk li jaħsbu li Alla jridhom ibatu hawn biex igawdu n-naħa l-oħra.  Dawn qatt ma jistgħu ikunu XHIEDA għal Kristu, u jekk  mhumiex Xhieda mhumiex Insara għax l-għan ta’ Knisja ħajja hi li tixhed li Kristu hu Ħaj illum u li kull min hu ngastat fih bil-Magħmudija li kibret maż-żmien hu ngastat f’Ħajja li ma tintemm qatt! 

 

Min il-ħin kollu jmarmar kemm hu tqil timxi wara Kristu, għadu ma sabx l-Imħabba ta’ Kristu.  Hu veru li mhux faċli timxi wara Kristu, imma taħsbu intom li hu faċli tgħix f’din id-dinja selvaġġa mingħajr il-Fidi?  Ħarsu madwarkom u araw ir-rabja, il-frustrazzjoni, it-tħassib, il-piki, il-mibegħda, l-inġustizzji, il-biża’ ta’ dawk li jgħixu bla Alla. 

 

Kristu ma ġiex fid-dinja biex ineħħi s-Salib mill-Ħajja ta’ dawk li jemmnu fiH!  Imma hu ġie biex jimlina bl-Imħabba tiegħu, biex jikkonvinċina li aħna maħbubin minn Alla, li għal Alla jien u int niswew id-Demm ta’ Ibnu.  Meta nemmnu li aħna maħbubin b’dan il-mod, aħna nistrieħu serħan li l-moħħ qatt ma ħaseb li jeżisti u t-tbatija tieħu ħlewwa bl-Imħabba.  Kemm batejna għal uliedna u dan qisu xejn...  Għax fejn hemm l-Imħabba l-bniedem jista’ kollox.  Imma fejn il-bniedem ma jħossux maħbub, allura kollox isir bil-fors, ligi, u jitqal għal mitt darba.

 

Min se jixhed għal Kristu ħlief dawk li sabu, skoprew l-Imħabba ta’ Alla għalihom meta kienu midinbin?  Min ħasel riġlejn il-Mulej bil-fwieħa?  Min bkieH imdendel fuq is-Salib?  Min kien l-ewwel li daħal fis-Saltna?  Min kien l-ewwel li raH imqajjem mill-Mewt?  Min kien l-ewwel li xandar lid-dinja l-Aħbar it-Tajba nhar Għid il-Ħamsin?  Dawn kienu nies żienja, ħallelin, minn dawk li tradewh għax ma ridux ixellfu difirhom mal-awtorità minħabba fiH.  Dawn kienu kollha midinbin li esperjenzjaw li Kristu ħabbhom, u ħabbhom tassew meta kienu għedewwa tiegħU.  Hu skużahom!  Hu miet biex id-dnub tagħhom ma jgħoddx! 

 

Il-Fariżej u l-Qassisin il-Kbar li kienu għorrief fil-Liġi imma mhux fl-għarfien tagħhom infushom, qatlu lil Dak li ġie biex isalvahom.  Għalhekk li nikbru fil-Fidi jfisser li ngħarfu dejjem iktar aħna min aħna... imma mhux biex nibqgħu hemm, imma biex imbagħad tiddi bħax-Xemx tiela’ l-Aħbar stupenda li Kristu jħobbna lil hemm mid-dnubiet kollha tagħna.  Din l-Imħabba tnissel Imħabba reċiproka f’sidirna li qatt ma bsarna li tista’ teżisti u ngħaddu biex inwettqu l-Opri li l-Mulej ġa ħejja għalina li għandna nagħmlu.

 

Knisja magħmula minn nies bħal dawn m’għandhiex għalfejn tkun kbira fin-numru; m’għandhiex għalfejn ikollha setgħa u privileġġi; m’għandhiex għalfejn ikollha suċċess f’dak li tagħmel.  Ħaġa hu mitlub minnha: li tkun melħ li ma qatax.  Li, għax tħobb b’Imħabba li mhix tagħha imma mogħtiha lilha, hi lesta tmut biex il-borma tieħu togħma tajba. 

 

Għall-Imħabba, din l-ideja li tmut, bħall-Imgħallem, għall-oħrajn, ma tbeżżax.  Għax tħobb.  Għax l-Imħabba taf li xejn ma jista’ joqtolha, li hi se tgħix għal dejjem.  Għax l-Imħabba hi Alla u jekk inħalluha timlina bil-Fidi f’Ġesù, anke aħna, kif jgħidu l-Missirijiet tal-Knisja, insiru Alla, bl-istess natura ta’ Alla.  U dan kollu bi Grazzja, b’rigal mogħti lilna midinbin, b’xejn.  Għax min hu kapaċi jasal għal din l-Imħabba bil-ponnijiet tiegħu?  Min hu kapaċi jixtriha?  Min jaħseb li jista’ jixtri l-Imħabba, ikun qed iżeblaħha.

 

L-Imħabba li tagħmilna Insara “kbar”, adulti, maturi, veri, tiġi għandna bla ma jistħoqqilna, anzi minflok il-kastig ta’ dnubna.  Din hi s-Sorpriża Qaddisa u stupenda tal-Misteru ta’ Kristu li triegħed l-infern.  Din hi l-Opra, il-Miraklu Morali tal-Ispirtu s-Santu.  Ejjew nistennew ħwejjeġ kbar mingħand Alla.  Hu f’Alla biss li nistgħu ngħidu: “Il-kbir għadu ġej!”

 

Il-Liturġija tal-Kelma tal-lum:

 

Qari I

Qiegħdu idejhom fuqhom, u huma rċevew l-Ispirtu s-Santu.

Atti 8, 5-8.14-17

 

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli

 

F’dak iż-żmien, Filippu niżel f’belt tas-Samarija u xandar lil Kristu lin-nies tagħha. Il-folol tan-nies b’fehma waħda kienu joqogħdu attenti għal dak li kien jgħidilhom Filippu, meta kienu jisimgħuh u jaraw il-mirakli li kien jagħmel. Kien hemm nies maħkuma mill-ispirti ħżiena, u dawn b’għajat kbir kienu joħorġu minn ħafna minnhom; u ħafna nies oħrajn, mifluġa jew zopop, kienu jitfejqu. U kien hemm ferħ kbir f’dik il-belt.

 

L-appostli, li kienu Ġerusalemm, semgħu li s-Samarija laqgħet il-kelma ta’ Alla, u bagħtu hemm lil Pietru u lil Ġwanni. Dawn niżlu hemm u talbu biex dawk li emmnu jirċievu l-Ispirtu s-Santu; għax l-Ispirtu s-Santu kien għadu ma niżel fuq ħadd minnhom, imma kienu tgħammdu biss f’isem il-Mulej Ġesù. Imbagħad l-appostli qiegħdu idejhom fuqhom, u huma rċevew l-Ispirtu s-Santu.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 65 (66), 1-3a.4-5.6-7a.16.20

 

R/. (1): Għajtu bil-ferħ lil Alla,

bnedmin tad-dinja kollha

Jew

R/. Hallelujah, hallelujah, hallelujah

 

Għajtu bil-ferħ lil Alla,

bnedmin tad-dinja kollha;

għannu s-sebħ ta’ ismu,

xandru s-sebħ u t-tifħir tiegħu.

Għidu lil Alla: “Kemm int tal-biża’ f’għemilek! R/.

 

L-art kollha tagħtik qima,

tgħannilek u tgħanni lil ismek”.

Ejjew, araw l-għemejjel ta’ Alla;

tal-biża’ f’għemilu fost il-bnedmin. R/.

 

Biddel il-baħar f’art niexfa,

għaddew bil-mixi minn nofs ix-xmara.

Għalhekk, nifirħu bih!

Hu jsaltan bil-kobor tiegħu għal dejjem. R/.

 

Ejjew, isimgħu, u ngħidilkom,

intom ilkoll li tibżgħu minn Alla,

ngħidilkom x’għamel miegħi.

Imbierek Alla, li ma warrabx it-talba tiegħi;

ma warrabx minn fuqi t-tjieba tiegħu! R/.

 

Qari II

Ġie mogħti għall-mewt fil-ġisem, imma ħa l-ħajja fir-ruħ.

1 Piet 3, 15-18

 

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pietru Appostlu

 

Għeżież, lill-Mulej Kristu qaddsu f’qalbkom. Kunu dejjem lesti biex tagħtu tweġiba lil kull min jitlobkom il-għala tat-tama li għandkom. Imma wieġbu bil-ħlewwa u bir-rispett. Żommu safja l-kuxjenza tagħkom biex, meta jgħidu fuqkom, dawk stess li jkasbru l-imġiba tajba tagħkom fi Kristu jkollhom għalxiex jistħu. Jekk din tkun ir-rieda ta’ Alla, aħjar tbati għax tkun għamilt it-tajjeb milli għax tkun għamilt il-ħażin.

 

Għax Kristu wkoll miet darba għal dejjem minħabba d-dnubiet; hu li kien ġust, miet għall-inġusti biex iressaqkom lejn Alla; kien mogħti l-mewt fil-ġisem, imma ħa l-ħajja fl-ispirtu.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Ġw 14, 23

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Jekk xi ħadd iħobbni, iħares kelmti, jgħid il-Mulej;

u Missieri jħobbu, u aħna niġu u ngħammru għandu.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Jiena nitlob il-Missier, u hu jagħtikom Difensur ieħor.

Ġw 14, 15-21

 

Qari mill-Evanġelju skond San Ġwann

 

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: Jekk tħobbuni, ħarsu l-kmandamenti tiegħi. U jiena nitlob lill-Missier, u hu jagħtikom Difensur ieħor biex jibqa’ magħkom għal dejjem, l-Ispirtu tal-verità, li d-dinja ma tistax tirċevih, għax hija la tarah u lanqas tagħrfu. Iżda intom tagħrfuh, għaliex jgħammar magħkom, u huwa fikom. Ma nħallikomx iltiema. Nerġa’ niġi għandkom. Ftit ieħor, u d-dinja ma taranix aktar. Iżda intom għad tarawni, għax jiena ngħix, u intom ukoll għad tgħixu. F’dak il-jum intom tagħrfu li jiena f’Missieri, u intom fija u jiena fikom. Min iżomm il-kmandamenti tiegħi u jħarishom, dak hu li jħobbni; u min iħobb lili, iħobbu wkoll il-Missier, u jiena wkoll inħobbu u nurih lili nnifsi”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu

 

 
< Prev   Next >