Din
hija il- Liturgija tas-Seba' Hadd tal-Ghid (2020) Tlugh il-Mulej fis-Sema (Lapsi) bi hsibijiet min Joe Rapa .
In-Nisrani,
jew hu bniedem differenti mill-bqija, jew mhu Nisrani xejn. din id-differenza li ġejja mill-Fidi tiegħu
tidher fil-mod ta’ Ħajja li jgħix. Ma
rridx nirreferi għal modi morali ta’ Ħajja li kulħadd jaf x’inhuma. Jien
d-differenza prinċipali li nara fin-Nisrani u li timmarkalu għal kollox
il-karattru tiegħu hi li hu “Bniedem Ħaj” għax fih kiber l-Ispirtu ta’ Dak li
rebaħ il-Mewt. din hi l-għajn
tad-differenza kollha. Li kieku mhux
għax hu “Ħaj” kieku jista’ jkollu intenzjoni tajba ħafna u jisforza l-jum kollu
biex jobdi l-kmandamenti, imma f’xi ħin jew ieħor se toħroġ il-verità li mhu
differenti xejn mill-oħrajn. Wara kollox
anke ħafna mill-pagani jippruvaw jgħixu Ħajja moralment tajba u għandhom
il-valuri morali tagħhom.
Xi
jfisser tkun “Ħaj”. Din l-espressjoni
tkellem fuqha Kristu u ma jien ngħid xejn ġdid.
Lil wieħed żagħżugħ li ried imur warajh imma talbu jistennih ftit sakemm
imur jagħmel funeral lil missieru, Hu qallu: “Ħalli l-mejtin jidfnu l-mejtin tagħhom; iżda inti mur u xandar
is-Saltna ta’ Alla.” (Lq. 9, 60). U l-Mulej Ġesù kompla kkonferma dan
it-tagħlim li ried jgħaddielna dwar “il-bniedem” meta jispiċċa l-parabbola
tal-Iben il-Ħali billi jgħid: “Kien
meħtieġ li nagħmlu festa u nifirħu, għax dan huk kien mejjet u reġa’ qam, kien
mitluf u nstab.” (Lq. 15, 32).
Li
tkun “Ħaj” skont Kristu jfisser li jien u int nikbru biżżejjed fil-Fidi fiH li
ma nibqgħux iktar ilsiera tal-biża’ tal-mewt, imma fil-mewt naraw il-bieb li
jinfetħilna għal pajjiżna li qiegħed jistenniena. Il-bniedem “Ħaj” tinagħtalu bi Grazzja, u
mhux jakkwistaha hu, ħerqa qaddisa ġewwa fih li jasal dak il-Jum Glorjuż
tat-Twelid tiegħu għas-Sema. Min għandu
din il-ħerqa mimlija tensjoni ġewwa fih, li ma tistax tkun ġejja minnu imma
mill-Ispirtu s-Santu li jgħammar fih, għandu ġa minn hawn il-Ħajja ta’
Dejjem... ġa qed iduq il-Ġenna. Ġwanni
l-Evanġelista jgħid: “Nafu li għaddejna
mill-mewt għall-ħajja; dan nafuh għax inħobbu lil ħutna; min ma jħobbx jinsab
fil-mewt.” (1 Ġw 3, 14).
Mela,
il-prova li wieħed “għadda mill-mewt għall-Ħajja diġa minn hawn hija
li għandu ħaġa li l-oħrajn ma jistax ikollhom: l-Imħabba saħansitra lejn
l-għadu. Dan imur kontra n-natura marida
tagħna u trid tkun seħħet il-Magħmudija fil-milja tagħha fina, jiġifieri miet il-bniedem
li twelidna u kbirna bih, u twieldet natura oħra fina, dik ta’ Kristu
nnifsu. Għax hu Kristu biss u waħdu li
kapaċi jħobb lill-għadu, jiddefendih u jifhmu... u l-bniedem li Kristu jikber u
jsir adult fih jagħmel l-istess. Dawn in-nies
għandhom il-mewt mirbuħa ġewwa fihom u minħabba f’hekk ħelsu mill-egoiżmu li hu
iben il-mewt u jistgħu jgħaddu bl-Imħabba għal għand l-ieħor, anke meta l-ieħor
hu differenti, hu rival, jheddek.
Biex
joħloq poplu bħal dan, li Kristu neża’ minn kollox, iċċekken b’mod terribbli u
għex il-Misteru tal-Mewt u l-Qawmien tiegħU.
Huwa ħares lejn il-kotra u beka fuqha għax ra x’saħta qiegħed jgħix
taħtha l-bniedem. Kristu jara l-kotra
mejta minħabba l-biża’ tal-mewt! Hemm
frażi fir-rakkont tal-qawmien ta’ Lażżru li tgħid: “U Ġesù beka.” (Ġw. 11,
35). Baqgħu famużi dawn iż-żewġ
kelmiet. Kif seta’ jibki minħabba Lażżru
meta kien jaf Ġesù li l-Missier kien ġa tah is-setgħa li jqajmu mill-mewt? Kif seta’ jibki lil Lażżru, meta anke qabel
ma miet ittardja milli jmur jarah għax kien jaf x’kien ġej? Kristu beka fuq il-kotra li ra quddiemu, nies
mejta li ma jafux x’inhu l-ħelsien mill-mewt.
Kristu jibki fuqi, fuqek, jibki fuqna għax ilkoll nixtiequ mmorru
l-Ġenna kieku, imma ħadd minna ma jrid imut.
Ngħixu f’kuntradizzjoni enormi, imma mhux tort tagħna. Minħabba din it-tensjoni tal-mewt, aħna
mbuttati nidinbu, nidinbu u nerġgħu nidinbu.
U Kristu jxerred id-dmugħ tiegħu għax il-Ħajja insterqitilna.
Għalhekk
San Pawl, li kellu l-mogħdija mill-mewt għall-Ħajja miktuba fuq il-laħam ta’
qalbu għax għexha b’mod tal-għaġeb, jgħidilna fit-Tieni Qari tal-lum: “Ħalli Alla ta’ Sidna Ġesù Kristu,
il-Missier tal-glorja, jagħtikom spirtu ta’ għerf li jirrivelahielkom biex
tagħrfuha sewwa; u jdawlilkom l-għajnejn ta’ qalbkom biex tagħrfu x’inhi t-tama
tas-sejħa tagħkom; x’inhu l-għana tal-glorja tal-wirt li takom taqsmu
mal-qaddisin.” (Ef. 1, 17-18). Il-Ġenna hi l-wirt li tana naqsmu
mal-qaddisin! Il-kultura dominanti
bniet saqaf tal-konkrit fuq rasna u ħadd m’għadu jikkontempla s-Sema, il-Ġenna,
iktar. X’ħasra! X’klawstrofobja! Midfunin f’dinja li tgħix għal hawn
biss. X’talba meraviljuża, din ta’
Pawlu! Għandna l-ħila nagħmluha tagħna? Għandna l-ħila nitolbu fuq kollox li uliedna
jgħaddu mill-mewt għall-Ħajja u “jaraw” b’għajnejn ġodda x’inhi tassew
il-Ħajja, iktar milli nitolbu biex jgħaddu mill-eżamijiet, biex ikolhom
suċċessi, biex ma jimirdu qatt? Għax
ħadd ma jista’ jagħti milli m’għandux.
Il-Knisja
llum tgħix din l-esperjenza tal-għaġeb tar-ritorn solenni ta’ l-Iben għand
il-Missier, bil-Misteru tal-Għid imwettaq.
Kristu rebħilna l-Ħajja! Qiegħed
jagħtihielna fuq il-platt tal-Fidi. Min
jemmen ma jibqax iktar marbut ma’ hawn; ma jibqax iktar jibża’; ma jibqax
jagħmel muntanja minn kull żrara ta’ problema li tivvinta d-dinja. Min hu “Ħaj” fi Kristu, għalih jasal mument
meta tassew jixba’ hawn, u jitniehed għas-Sema pajjiżu.
Il-Liturġija
tal-Kelma tal-lum:
Qari I
Kien meħud ’il fuq waqt li huma kienu jħarsu
lejh.
Atti 1, 1-11
Bidu tal-Ktieb tal-Atti tal-Appostli
Fl-ewwel rakkont tiegħi, Teofilu, tkellimt fuq
dak kollu li Ġesù kien għamel u għallem minn mindu beda sal-jum li fih kien
meħud fis-sema, wara li, permezz tal-Ispirtu s-Santu, ta l-ordnijiet tiegħu
lill-appostli li hu kien għażel.
Wara l-passjoni tiegħu dehrilhom u tahom ħafna
provi li hu ħaj; f’erbgħin jum rawh kemm-il darba u kellimhom fuq il-ħwejjeġ
tas-Saltna ta’ Alla. Meta kien għadu magħhom, ordnalhom biex ma jitilqux minn
Ġerusalemm, imma joqogħdu jistennew sa ma sseħħ il-wegħda tal-Missier, “li
fuqha – qalilhom – smajtu x’kont għedtilkom: Ġwanni għammed bl-ilma, imma
intom, fi ftit jiem oħra titgħammdu bl-Ispirtu s-Santu”.
Kif kienu flimkien staqsewh: “Mulej, hu dan
iż-żmien li fih int se terġa’ twaqqaf is-Saltna ta’ Iżrael?”. Hu weġibhom: “M’hijiex biċċa tagħkom li
tkunu tafu l-waqt u ż-żmien li l-Missier għażel bis-setgħa tiegħu. Imma meta
jiġi fuqkom l-Ispirtu s-Santu, intom tirċievu l-qawwa, u tkunu xhieda tiegħi
f’Ġerusalemm, fil-Lhudija kollha u s-Samarija u sa truf l-art”.
Wara li qal dan, huma u jħarsu lejh, kien meħud
’il fuq, u sħaba ħadithulhom minn quddiem għajnejhom. Waqt li kienu
b’għajnejhom fis-sema jħarsu lejh sejjer, f’daqqa waħda dehru ħdejhom żewġt
irġiel libsin l-abjad, u qalulhom: “Irġiel tal-Galilija, x’intom tħarsu lejn
is-sema? Dan Ġesù, li kien meħud minn magħkom lejn is-sema, għad jerġa’ jiġi
kif rajtuh sejjer”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 46 (47), 2-3.6-7.8-9
R/. (6): Tela’ Alla b’għajat ta’ ferħ
Jew
Hallelujah, hallelujah, hallelujah
Popli kollha, ċapċpu idejkom,
għajtu b’leħen ta’ ferħ lil Alla!
Għax il-Mulej, l-Għoli, hu tal-biża’,
sultan kbir fuq l-art kollha. R/.
Tela’ Alla b’għajat ta’ ferħ,
il-Mulej bid-daqq tat-trombi.
Għannu lil Alla, għannu,
għannu lis-sultan tagħna, għannu. R/.
Għax Alla s-sultan tal-art kollha:
għannulu bis-sengħa għanja sabiħa.
Isaltan Alla fuq il-ġnus kollha,
joqgħod Alla fuq it-tron imqaddes tiegħu. R/.
Qari II
Alla qiegħed lil Sidna Ġesù fil-lemin tiegħu
fis-smewwiet.
Ef 1, 17-23
Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Efesin
Ħuti, Alla ta’ Sidna Ġesù Kristu, il-Missier
tal-glorja, jagħtikom spirtu ta’ għerf u rivelazzjoni biex tagħrfuh sewwa. Hu
jdawlilkom l-għajnejn ta’ qalbkom biex tagħrfu x’inhi t-tama tas-sejħa tagħkom;
x’inhu l-għana tal-glorja tal-wirt li takom taqsmu mal-qaddisin.
Tagħrfu x’inhu l-kobor bla qjies tas-setgħa
tiegħu fina li emminna,
skond il-ħila tal-qawwa kbira tiegħu
li ħaddem fi Kristu,
meta qajmu mill-imwiet
u qiegħdu fil-lemin tiegħu fis-smewwiet,
’il fuq minn kull Saltna u Setgħa,
minn kull Qawwa u Ħakma,
’il fuq minn kull isem li jissemma,
mhux biss għaż-żmien ta’ issa, imma wkoll għal
li ġej.
Iva, qiegħed kollox taħt riġlejh,
u għamlu ras fuq il-Knisja kollha,
li hi Ġismu,
il-milja ta’ dak li jimla kollox f’kollox.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Mt 28, 19a.20b
Hallelujah. R/. Hallelujah
Morru agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha, jgħid
il-Mulej.
Jiena magħkom dejjem, sa l-aħħar taż-żmien.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Lili ngħatat kull setgħa fis-sema u fl-art.
Mt 28, 16-20
Għeluq tal-Evanġelju skond San Mattew
F’dak iż-żmien, il-ħdax-il dixxiplu telqu lejn
il-Galilija u marru fuq il-muntanja fejn kien ordnalhom Ġesù. Kif rawh, inxteħtu
quddiemu, għalkemm xi wħud iddubitaw. Ġesù resaq ikellimhom u qalilhom: “Lili
ngħatat kull setgħa fis-sema u fl-art. Morru, mela, agħmlu dixxipli mill-ġnus
kollha, u għammduhom fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu, u
għallmuhom iħarsu dak kollu li ordnajtilkom jien. U ara, jiena magħkom dejjem,
sa l-aħħar taż-żmien”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu
|