Din
hija il- Liturgija tas- Solennita' ta' Pentekosta - Ghid il-Hamsin (2020) Jinghata l-Ispirtu s-Santu lill-Knisja bi hsibijiet min Joe Rapa .
Il-Misteru
tal-Għid ta’ Ġesù Kristu hu l-Misteru tas-Salvazzjoni eterna tagħna għax hu
permezz ta’ din l-esperjenza tremenda tal-Iben ta’ Alla li kull bniedem isalva,
jekk jemmen. Huwa Misteru li jinagħax għal ħamsin jum u jiġi fi tmiemu llum
f’din is-Solennità kbira.
Il-Pentekoste,
fi lsienna “Għid il-Ħamsin”, huwa parti intima mill-Misteru sħiħ tal-Għid. Mingħajr l-esperjenza tal-Passjoni, l-Mewt u
r-Rebħa fuq il-Mewt ta’ Kristu ma kienx ikun hemm Pentekoste; u mingħajr
il-Pentekoste, l-Misteru tal-Għid kien jibqa’ hekk, Misteru li jinteressa lil
ftit, u biss fuq livell emozzjonali u sentimentali bla ma jsalva lil ħadd.
Jekk
irridu nitkellmu bis-sinċerità fuq il-Knisja, u jekk irridu nersqu lejn din
il-Festa (anke fiż-żmien il-pandemija) b’xi stennija ta’ mixi ’l quddiem
fil-konverżjoni tagħna lejn Kristu, irridu nammettu li għal ħafna minna l-Għid
hu biss tmiem glorjuż għall-Istorja ta’ Kristu, fatt li ftit jew xejn jimmarka
l-Ħajja personali tan-nies. Tant hu
minnu dan li ħafna jippreferu t-tlellix tal-Milied.
Imma
huwa l-Għid li huwa l-bażi tal-Kristjaneżmu, tal-Aħbar it-Tajba tal-Mulej
Ġesù. Jekk nidħlu iktar ’il-ġewwa
fil-ħsieb tagħna, nistgħu ngħidu li l-Inkarnazzjoni u t-Twelid ta’ Kristu wkoll
huma parti mill-Misteru Glorjuż tal-Għid, imma huwa f’dan iż-żmien tal-Għid li
l-Aħbar it-Tajba tas-Salvazzjoni tagħna issawret.
Allura,
konna qed ngħidu li mingħajr “is-Siegħa” ta’ Kristu, il-ġimgħa tat-tensjonijiet,
tal-Passjoni u l-Mewt u fl-aħħar tal-Qawmien tiegħu, ma setax ikollna
l-Pentekoste, ma setax ikollna t-Twelid tal-Knisja, ma setax jinagħtalna bi
Grazzja l-Ispirtu s-Santu. Dan hu
l-Ispirtu li jinagħta lil min jemmen li Kristu sar bniedem mill-Verġni Marija,
u li bħal Ħaruf mans ġie offrut mill-umanità kollha bħala Sagrifiċċju effikaċi
immens li jħassar id-“Dnub” tal-bniedem.
Dan hu l-Ispirtu li mingħajru ma hemmx l-Imħabba lejn l-ieħor anke meta
l-ieħor huwa għadu; mingħajru m’hemmx komprensjoni dwar ħaddieħor; m’hemmx
mogħdrija; m’hemmx ħniena anke għall-ħati; m’hemmx tenerezza; m’hemmx
sabar. Huwa l-Ispirtu s-Santu li
jgħallimna nistabru bid-dnubiet u d-dgħufijat tagħna li ma mmorrux naqtgħu
qalbna. Huwa hu madmad ħelu u ħafif,
mhux bħal dak tad-dinja li dejjem tesiġi minnha, u lanqas bħal-Liġi li jekk
tiżbalja tikkundannak.
Hu
l-Ispirtu s-Santu li jaċċertana fil-fond ta’ qalbna li aħna se ngħixu għal
dejjem u li l-Ġenna hi l-wirt tagħna, mhux għax irbaħna dan il-wirt aħna, b’xi
merti tagħna, imma għax kbar huma l-Merti ta’ Kristu li jgħajtu favur tagħna! Hu l-Paraklitu, l-avukat difensur tagħna;
għax jasal il-waqt meta x-Xellej, l-għadu tagħna se jaqralna l-waqgħat u
l-qżiżijiet kollha tagħna. Il-Paraklitu
għażiż tagħna jaqbeż għalina biex jiddefendina.
Huwa
l-Ispirtu s-Santu li jħobb bla limitu fina.
Iħobb lilna u jħobb lill-ieħor fina.
Tassew li hu l-ikbar Don, Rigal, Grazzja ta’ Alla. Dejjem jaħfrilna, dejjem jittama fina u
jorbot fuqna. Jifhem dak li nagħmlu u
jiskuża kollox. Hu l-Għerf li jgħinna
nindunaw, bil-mod il-mod, aħna min aħna, u għaliex kien hemm bżonn li Kristu jbati tant
għalina.
Hu
jagħti sens lil kulma jiġrilna għax jurina fejn sejrin, lejn liema post qegħda
teħodna l-Istorja tagħna. Fuq kollox,
l-Ispirtu s-Santu jgħidilna li l-Istorja tagħna hi qaddisa, hi rigal, hi opra
ta’ Mħabba anke jekk aħna mimlijin rabja u rvell kontra dak li ġralna. Jurina, b’ħafna mogħdrija u tenerezza,
għalfejn inbatu, x’sens għandu s-Salib.
Huwa l-Ispirtu s-Santu li jwassalna biex nintelqu għal kollox fi Kristu,
nindifnu miegħu biex inqumu għal dejjem miegħu, kif twegħdna l-Magħmudija. Hu l-Ispirtu s-Santu li, ħelu ħelu,
jagħmilna Nsara.
Dan
kollu ħareġ mill-Għid ta’ Kristu, u permezz tal-Għid ta’ Kristu - il-frott
glorjuż tiegħu. L-Ispirtu s-Santu ta’
Alla kien magħluq għall-bniedem bħalma s-Siġra tal-Ħajja kienet magħluqa għal
Adam bil-kerubini għassa u bix-xabla tan-nar iżżiġġ. Kien magħluq bħalma l-kotra tal-ilmijiet
ikunu magħluqa wara d-diega kbira u b’saħħitha.
Kien bl-Offerta Qaddisa ta’ Kristu fuq is-Salib u r-Rebħa tiegħu fuq
il-Mewt li d-diega ċċarrtet u l-ilmijiet tal-Ispirtu faqgħu d-deżert jaħraq
tal-umanità għatxana għall-Ħajja bla tmiem. Dan beda jseħħ Ħamsin Jum fuq
l-Għid fuq komunità ċkejkna ta’ rġiel mill-aktar komuni li ma kellhom l-ebda
ideja għal liema glorji (u tbatijiet) kienet se teħodhom l-Istorja tagħhom!
L-Appostli
qatt ma fehmuh lil Kristu! Iktar u iktar
ma fehmux il-Mewt tiegħu. Il-Qawmien
tiegħu ferraħhom, imma ħawwadhom ukoll u ma bidilhomx minn ġewwa, ma fejjaqhomx
mill-beżgħat tagħhom. Fuq kollox ma
ċċaralhomx x’kienet il-Missjoni tal-Messija.
Huma baqgħu jaħsbu b’mentalità materjalistà u politika, dwar is-Saltna
ta’ Iżrael u l-kisba lura tal-glorji ta’ żmien Salamun, jew aqwa. Għalhekk il-Misteru tal-Għid kellu bżonn
il-Misteru tal-Pentekoste. L-Ispirtu
s-Santu invada l-esseri sħiħ tal-irġiel miġbura flimkien mal-Omm Verġni, u
trasformahom b’Dawl li qatt ma basru.
Tahom għajnejn li bdew jaraw kollox “ġdid”. L-Ispirtu, li daħal bħal miġnun fil-kamra
kollha, uriehom li kien Ħelsien ferm, ferm aqwa minn dak politiku; kien hemm
Għerf ferm, ferm ogħla u oħla minn dak taċ-ċentri tat-tagħlim ta’ żmienhom u
tal-universitajiet ta’ żmienna; fuq kollox tahom Imħabba u Kuraġġ u Ferħ li
mbuttawhom ’il barra biex ixandru l-Aħbar li kienet taqbad f’qalbhom lil dawk
li qabel kienu qed jinħbew minnhom.
X’kien
ġara? Il-bniedem il-qadim tagħhom kien
miet u minflok fihom kien hemm jgħammar l-Ispirtu sħiħ ta’ Kristu rebbieħ fuq
kull tip ta’ Mewt. Kienu saru “ġodda”
għal kollox. Irċivew Ħajja ġdida;
il-Ħajja ta’ Dejjem li tiba minn hawn.
Imma
x’ixxandar din is-Solennità? Li dan
kollu għadu jseħħ fil-Knisja! Tassew li
għadu jseħħ! L-Ispirtu s-Santu jgħammar bil-milja
tiegħu fil-Knisja li hi l-Ġisem ta’ Kristu.
Għax hi Kristu jgħammar fid-dinja, l-Ispirtu s-Santu jagħmel l-għamara
tiegħu fiha. Imma anke fina,
individwalment. Inżera’ fina fil-Magħmudija u ġie kkonfermat fid-Dilka
tal-Isqof. Imma din iż-żerriegħa, din
id-Dilka trid tikber fina, trid timmatura, trid tersaq lejn il-milja. Inkunu nafu fhiex wasalna mill-Opri tal-Ħajja
ta’ Dejjem, fosthom l-Imħabba għal kulħadd. Jekk ma nħobbux lil kulħadd, l-Ispirtu għadu
ċkejken fina u forsi lanqas jimmarka l-istinti tagħna. Hu ma jagħtinix Liġi imma jagħtina
l-enerġija, is-setgħa li nwettqu t-tajjeb bla sforz, anzi bi gratitudni.
Ħaġa
waħda jien ċert minnha. In-Nisrani,
miexi għalenija lejn għarfien dejjem ikbar ta’ Kristu, jitlob ħerqan, jitkarrab
għal influss dejjem akbar tal-Ispirtu s-Santu fih u fil-Knisja kollha. Din hi l-iktar Talba għal qalb Kristu u għal
qalb il-Missier; anzi hi t-Talba waħdanija li għandha garanzija li tinstema’
mill-Mulej. Hija t-Talba li Hu ma jistax
ma jagħtihiex, għax Hu stess qal: “Mela
jekk intom, nies ħżiena bħalkom, tafu tagħtu lil uliedkom ħwejjeġ tajba, kemm
aktar il-Missier mis-smewwiet jagħti Spirtu Qaddis lil dawk li
jitolbuhulu!” (Lq. 11, 13).
Il-Liturġija
tal-Velja tas-Solennità tal-lum:
Qari I
Issejħet Babel, għax hemmhekk il-Mulej ħawwad
ilsien l-art kollha.
Ġen 11, 1-9
Qari mill-Ktieb tal-Ġenesi
L-art kollha kienet ilsien wieħed u kliem
wieħed. Meta l-bnedmin telqu mil-Lvant sabu wita f’art Singħar u baqgħu hemm. U
qalu wieħed lill-ieħor: “Ejjew nagħmlu l-madum u naħmuh sewwa!”. U l-madum kienu jużawh flok il-ġebel, u
l-qatran flok it-tajn. U reġgħu qalu: “Ejjew nibnu belt għalina, u torri,
bil-quċċata tiegħu tilħaq is-smewwiet, u nagħmlu isem għalina, ħalli ma nixterdux
mal-wiċċ kollu tal-art”.
U l-Mulej niżel jara l-belt u t-torri li kienu
qegħdin jibnu l-bnedmin. U l-Mulej qal: “Arahom, poplu wieħed u lsien wieħed
għalihom ilkoll. U dan għadu l-bidu ta’ xogħolhom; issa kulma jiġihom f’rashom
xejn ma jaqtgħalhom qalbhom! Ejja, ħa ninżlu u nħabblulhom ilsienhom, ħalli ma
jifhmux ilsien xulxin”.
U l-Mulej xerridhom minn hemm għal fuq wiċċ
l-art kollha, u waqfu mill-bini tal-belt. Għalhekk bdew isejħulha Babel, għax
hemm ħawwad il-Mulej ilsien l-art, u minn hemm xerridhom il-Mulej mal-wiċċ
kollu tal-art.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 32 (33), 10-11.12-13.14-15
R/. (12): Hieni l-ġens li l-Mulej hu Alla tiegħu
Il-Mulej ixejjen il-fehmiet tal-ġnus,
ifixkel il-ħsibijiet tal-popli.
Imma l-fehma tal-Mulej tibqa’ għal dejjem,
minn żmien għal żmien il-ħsibijiet ta’ moħħu.
R/.
Hieni l-ġens li l-Mulej hu Alla tiegħu,
il-poplu li hu għażel b’wirt tiegħu.
Mill-għoli tas-smewwiet iħares il-Mulej,
u jara l-bnedmin kollha. R/.
Mill-post fejn jgħammar
jistħarreġ fuq dawk kollha li jgħixu fuq l-art.
Hu jsawwar il-qalb ta’ kull wieħed,
u jagħraf għemilhom kollu. R/.
Jew
Qari I
Il-Mulej jinżel fuq il-muntanja Sinaj quddiem
il-poplu.
Eż 19, 3-8a.16-20b
Qari mill-Ktieb tal-Eżodu
F’dak iż-żmien, Mosè tala’ ħdejn Alla, u l-Mulej
sejjaħlu mill-muntanja u qallu: “Dan għid lil dar Ġakobb u għarraf lil ulied
Iżrael: “Rajtu intom x’għamilt lill-Eġizzjani, u kif
lilkom ġarrejtkom fuq il-ġwienaħ tal-ajkli u ressaqtkom lejja. Issa, jekk
tisimgħu leħni u żżommu l-patt tiegħi, intom tkunu l-wirt tiegħi minn fost
il-popli kollha, għax l-art kollha tiegħi. Intom tkunu għalija saltna ta’
qassisin u ġens qaddis”. Dan hu l-kliem li tgħid lil ulied Iżrael”.
Imbagħad Mosè mar isejjaħ lix-xjuħ tal-poplu, u
qegħdilhom quddiemhom dan il-kliem kollu li ordnalu l-Mulej. U l-poplu kollu
wieġeb b’leħen wieħed u qalu: “Kulma qal il-Mulej aħna nagħmluh”.
Fit-tielet jum mas-sebħ kien hemm ragħad u
beraq, u sħab oħxon għatta l-muntanja. Instama’ wkoll iż-żarżir qawwi
tat-tromba, u triegħed il-poplu kollu fil-kamp. Mosè ħareġ il-poplu mill-kamp
biex jiltaqgħu ma’ Alla; u waqfu f’riġlejn il-muntanja. Il-muntanja tas-Sinaj
bdiet iddaħħan kollha kemm hi, għax niżel fuqha l-Mulej fin-nar. Id-duħħan beda
tiela’ ’l fuq bħad-duħħan ta’ forn, u l-muntanja kienet titheżżeż kollha. Kulma
jmur id-daqq tat-tromba kien dejjem jitqawwa. Imbagħad tkellem Mosè, u Alla
wieġbu b’ragħda. U niżel il-Mulej fuq il-quċċata tal-muntanja tas-Sinaj, u
l-Mulej sejjaħ lil Mosè biex jitla’ fuq il-quċċata tal-muntanja.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 102 (103), 1-2.3-4.6-7.17-18
R/. (17): It-tjieba tal-Mulej ma’ dawk li
għandhom il-biża’ tiegħu
Bierek, ruħ tiegħi, il-Mulej!
B’qalbi kollha nbierek l-isem qaddis tiegħu.
Bierek, ruħ tiegħi, il-Mulej,
u la tinsiex il-ġid kollu li għamel miegħek. R/.
Hu li jaħfer dnubietek kollha;
ifejjaq il-mard tiegħek kollu;
jifdi lil ħajtek mill-qabar;
iħaddnek bit-tjieba u l-ħniena. R/.
Il-Mulej jagħmel is-sewwa,
u l-ħaqq mal-maħqurin kollha.
Hu għarraf lil Mosè l-ħsieb tiegħu,
l-għemejjel tiegħu lil ulied Iżrael. R/.
Imma t-tjieba tal-Mulej minn dejjem għal dejjem
ma’ dawk li għandhom il-biża’ tiegħu,
u s-sewwa tiegħu ma’ wlied uliedhom;
ma’ dawk li jħarsu l-patt tiegħu,
u jiftakru fil-preċetti tiegħu u jħarsuhom. R/.
Jew
Qari I
Għadam niexef, jien se nġib fik ir-ruħ, u inti
terġa’ tgħix.
Eżek 37, 1-14
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Eżekjel
F’dak iż-żmien, ġiet fuqi id il-Mulej u ħaditni
fl-ispirtu tal-Mulej u qegħditni f’nofs il-wied. Dan kien miżgħud bl-għadam.
Huwa għaddieni dawramejt madwarhom, u kien hemm kotra kbira mxerrda mal-wied, u
kienu kollha niexfa qoxqox.
U l-Mulej qalli: “O bniedem, jista’ dan l-għadam
jerġa’ jieħu l-ħajja?”. Jiena weġibt: “Sidi Mulej, dan inti tafu”. U
qalli: “Ħabbar lil dan l-għadam u għidlu: “O għadam niexef, isma’ l-kelma
tal-Mulej. Hekk qal Sidi l-Mulej: Ara, jien se nġib fik ir-ruħ, inti terġa’
tgħix. U nqiegħed fik in-nervi, u ntellagħlek il-laħam, u niksik bil-ġilda, u
nqiegħed fik ir-ruħ. U inti terġa’ tgħix, u tkun taf li jiena l-Mulej”.
Imbagħad ħabbart kif ordnali. U jiena u nħabbar
instama’ ħoss, u ara, l-għadam tqanqal, u kollha bdew resqin lejn xulxin,
għadma lejn għadma. Jien ħarist, u ara, ġew fihom in-nervi, telgħalhom
il-laħam, fuqhom infirxet il-ġilda, imma nifs ma kienx hemm fihom. U qalli:
“Ħabbar lir-ruħ, ħabbar, o bniedem, u għid lir-ruħ: “Hekk qal Sidi l-Mulej:
Ejja, ruħ, mill-erbat irjieħ tad-dinja, onfoħ fuq dawn il-mejtin, ħa jerġgħu
jieħdu l-ħajja”.
Jien ħabbart kif ordnali, u r-ruħ daħlet fihom,
u reġgħu ħadu l-ħajja, u waqfu fuq riġlejhom, eżerċtu kbir fuq li kbir. U
qalli: “O bniedem, dan l-għadam huwa d-dar kollha ta’ Iżrael. Ara, huma jgħidu:
“Nixef għadamna, it-tama tagħna għabet, inqridna għal kollox”. Għalhekk
ħabbrilhom u għidilhom: “Hekk qal Sidi l-Mulej: Ara, jiena niftaħ l-oqbra
tagħkom, poplu tiegħi, u nġibkom lura f’art Iżrael.
Imbagħad tkunu tafu li jiena l-Mulej, meta
niftaħ l-oqbra tagħkom u ntellagħkom mill-oqbra tagħkom, poplu tiegħi. U jiena
nqiegħed ruħi fikom, u terġgħu tieħdu l-ħajja. Inqegħedkom f’artkom u tkunu
tafu li jiena l-Mulej. Hekk għedt, u hekk nagħmel”.“ Oraklu tal-Mulej.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 50 (51), 3-4.8-9.12-13.14.17
R/. (12): Oħloq fija qalb safja, o Alla
Ikollok ħniena minni, o Alla, fi tjubitek;
fil-kobor tal-ħniena tiegħek ħassar ħtijieti.
Aħsilni kollni mill-ħtija tiegħi;
naddafni mid-dnub tiegħi. R/.
Int li tħobb il-qalb sinċiera,
għallimni l-għerf fil-fond ta’ qalbi.
Roxxni bl-ilma, u nissaffa;
aħsilni, u aktar mis-silġ nibjad. R/.
Oħloq fija qalb safja, o Alla,
u spirtu qawwi ġedded fija.
La twarrabnix minn quddiemek;
tneħħix minni l-ispirtu qaddis tiegħek. R/.
Roddli l-hena tas-salvazzjoni tiegħek,
u bi spirtu qalbieni wettaqni.
Lill-midinbin ngħallem triqatek,
u l-ħatjin lejk jerġgħu lura. R/.
Jew
Qari I
Insawwab l-Ispirtu tiegħi fuq il-qaddejja
kollha tiegħi.
Ġoel 3, 1-5
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Ġoel
Dan jgħid il-Mulej:
“Jiena nsawwab l-Ispirtu tiegħi fuq il-ħlejjaq
kollha.
Uliedkom iħabbru, subien u bniet,
ix-xjuħ tagħkom ikollhom ħolm,
iż-żgħażagħ tagħkom jaraw viżjonijiet.
U mqar fuq il-qaddejja, irġiel u nisa,
insawwab l-ispirtu tiegħi f’dawk il-jiem.
Fis-sema u fl-art nuri sinjali,
demm u nar u kolonni ta’ duħħan!
Ix-xemx tinbidel fi dlam,
u l-qamar f’demm,
qabel ma jasal Jum il-Mulej,
kbir u tal-biża’!
U kull min isejjaħ isem il-Mulej jinħeles,
għax fuq il-muntanja Sijon ikun hemm
is-salvazzjoni,
kif qal il-Mulej,
u f’Ġerusalemm jibqgħu xi wħud li l-Mulej
isejjaħ”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 103 (104), 1-2a.24.35ċ.27-28.29bċ-30
R/. (30): Ibgħat l-Ispirtu tiegħek, Mulej, u
ġedded il-wiċċ tal-art
jew
R/. Hallelujah, hallelujah, hallelujah
Bierek, ruħ tiegħi, il-Mulej!
Mulej, Alla tiegħi, int kbir bil-bosta!
Bis-sebħ u bil-ġmiel inti mlibbes,
bid-dawl, bħal b’mantell, inti mkebbeb. R/.
Kemm huma kotrana l-għemejjel tiegħek, Mulej!
Kollha bl-għerf int għamilthom;
mimlija l-art bil-ħlejjaq tiegħek.
Bierek, ruħ tiegħi, il-Mulej! R/.
Minnek jistennew il-ħlejjaq kollha
li tagħtihom ikilhom f’waqtu.
Inti tagħtihom, u huma jiġbru;
tiftaħ idejk, u jixbgħu bil-ġid. R/.
Jekk teħdilhom nifishom, imutu,
u lejn it-trab jerġgħu jmorru.
Malli tibgħat in-nifs tiegħek, jinħolqu,
u inti ġġedded il-wiċċ tal-art. R/.
Qari II
L-Ispirtu jidħol għalina bit-talb tiegħu bi
tnehid li ma jistax jitfisser bil-kliem.
Rum 8, 22-27
Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani
Ħuti, aħna nafu li l-ħolqien kollu għadu s’issa
jitniehed bl-uġigħ tal-ħlas; u mhux hu biss, imma wkoll aħna li għandna l-ewwel
frott tal-Ispirtu, aħna wkoll nitniehdu fina nfusna waqt li nistennew
l-adozzjoni ta’ wlied, il-fidwa ta’ ġisimna. Aħna salvi bit-tama. Meta wieħed
jara l-ħwejjeġ li jkun ittama, ma tkunx aktar tama; għax kif jista’ wieħed
jittama l-ħwejjeġ li ġa jkun ra? Imma dak li qegħdin nittamaw, jekk m’aħniex
narawh, qed nistennewh bis-sabar.
Hekk ukoll l-Ispirtu, min-naħa tiegħu, jgħinna
fin-nuqqas ta’ ħila tagħna. Għax aħna anqas biss nafu nitolbu kif imiss, imma
l-Ispirtu stess jidħol għalina bit-talb tiegħu bi tnehid li ma jistax jitfisser
bil-kliem; u Alla, li l-ħarsa tiegħu tinfed il-qlub, jaf x’inhi x-xewqa
tal-Ispirtu; bit-talb tiegħu jidħol għall-qaddisin skont ma jrid Alla.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Hallelujah. R/. Hallelujah
Ejja, Spirtu s-Santu, imla l-qlub tal-fidili
tiegħek
u kebbes fihom in-nar ta’ mħabbtek.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Minnu joħorġu xmajjar ta’ ilma ħaj.
Ġw 7, 37-39
Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann
Fl-aħħar jum tal-festa, il-jum l-aktar solenni,
Ġesù qam jgħid b’leħen għoli: “Min jieħdu l-għatx, jiġi għandi u jixrob. Kif
tgħid l-Iskrittura, min jemmen fija, minnu joħorġu xmajjar ta’ ilma ħaj”. Dan qalu
għall-Ispirtu li kellhom jirċievu dawk li jemmnu fih, għax l-Ispirtu kien għad
ma ngħatalhomx, billi Ġesù kien għadu ma ġiex igglorifikat.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu
|