Wednesday, 08 July 2020
           
Home arrow Home
SOLENNITÀ TAT-TRINITÀ QADDISA L-GHARFIEN TA’ ALLA HU L-AQWA GHERF PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 06 June 2020

Din hija il- Liturgija tas- Solennita' tat-Trinita' Qaddisa ( L-Gharfien ta' Alla hu  l-aqwa gherf)  bi hsibijiet  min Joe Rapa .

gesu_u_nikodemu.jpg

 

Hemm pjan meraviljuż wara l-Istorja ta’ kull bniedem. Ħafna jibqgħu ma jindunawx b’dan.  Alla ħalaq lil kull wieħed minna biex il-mixja tal-Ħajja twassalna biex nagħrfuH, inħobbuH u naqduH, biex imbagħad immorru ngawduH f’Ħajja tixbaħ lil tiegħu, jiġifieri Ħajja bla tmiem mimlija hena u sliem.  Bosta jaħsbu li din hi ħrafa tal-‘fairies’, imma dawk li, bi Grazzja, esperjenzjaw, għexu tassew dan kollu, baqgħu imbelha b’dak li sabu. Kellu raġun Ġwanni l-Evanġelista jgħid li n-Nisrani li jimxi ’l quddiem fil-Fidi jidħol minn hawn stess fil-Ħajja ta’ Dejjem.  “Nafu li għaddejna mill-mewt għall-ħajja.”  (1 Ġw. 3, 14).

Fil-bniedem hemm vojt li ma jissaportihx.  Dan il-vojt ikellmu b’mod profond fuq is-sens tal-Ħajja.  Huwa jixpruna lill-bniedem biex ifittex il-verità dwar l-eżistenza tiegħu: għalfejn qiegħed jgħix; x’sens għandha l-Ħajja? Ħafna ma jħaffrux wisq għat-Teżor.  F’wiċċ l-għalqa tal-Istorja malajr jikxef dak li toffri d-dinja: għana, saħħa, sesswalità, fama, suċċessi, karriera, familja, xi passatemp...  Dak il-vojt ma jiflaħx ma jimteliex, imma min ma jħaffirx iktar ’l isfel, jinduna li għalkemm dawn “l-idoli” huma kollha mpressjonanti u għandhom ġibda tal-għaġeb fuq il-bniedem, l-ebda minnhom ma għandu l-figura eżatta tal-vojt tiegħu.  Il-bniedem jibqa’ mhux ‘mimli’, mhux sodisfatt, mhux kuntent, dejjem iħoss li t-tfittxija tiegħu għas-sens tal-Ħajja għadha ma waslitx fi tmiemha.

 

Huwa dan il-vojt li mbotta lil ħafna nies, xi wħud għorrief oħrajn sempliċi, xi wħud għonja oħrajn foqra, xi wħud ġejjin minn  ambjent pagan oħrajn minn kultura reliġjuża, xi wħud daqu “to the full” mid-dnub tad-dinja oħrajn kienu iktar “kwieti”... huwa dan il-vojt li mbuttahom biex jagħtu ċans lil Alla.  Abraham dar l-idoli kollha tal-pajjiżi li fihom għex qabel ma sema’ leħen il-Mulej.  Din nistgħu ngħidu li hi xi ftit jew wisq l-Istorja ta’ kulħadd.  L-iskoperta ta’ min hu Alla, l-esperjenza tgħallimna, hi l-unika li għandha x-“shape” tal-vojt li fniena.  Tant hu hekk li min isib lil Alla ma jistax iżommu għalih għax il-Ferħ u l-eżultanza li jitnisslu mil-laqgħa ħajja ma’ Kristu jimbuttawhom jaqsmu dak li rċivew b’xejn mal-oħrajn.  Meta wieħed jistagħna, ma jħossux imbuttat jaqsam li għandu ma’ ħaddieħor, anzi!  Imma min isib il-Verità, iva.

 

Illum, il-Knisja tagħmel Festa, tagħmel Solennità minn din il-Verità li hi Alla, minn din ir-Rejaltà superlattiva li hi biss kapaċi timla qalb il-bniedem.  Mhux se noqogħdu nikkontemplaw fuq kif Tliet Persuni jagħmlu Alla Wieħed...  L-anglu ċkejken li taparsi pprova jimla l-baħar kollu f’toqba ċkejkna fir-ramel jiskoraġġina li nagħmlu dan għax lanqas S. Wistin ma wasal imkien quddiem dan il-Misteru enormi.  Għax jekk Alla hu xi ħaġa li moħħ il-bniedem jista’ jifhimha, dan x’Alla hu? 

 

Quddiem dan il-Misteru hemm żewġ toroq li jinfetħu: jew inkunu umli, ngħarfu ċ-ċokon tagħna u naċċettaw li Alla hu dak li hu;  jew inkella, fis-suppervja tagħna niċħdu li teżisti xi ħaġa jekk ma narawhiex, jekk ma mmissuhiex, jekk ma nifhmuhiex.  Inkunu bħal dak in-nemlu li jara żrara quddiemu u jistagħġeb bil-kobor tagħha quddiem għajnejh, u jagħti qima lilha, bla ma jinduna li hu jinsab f’tarf muntanja li l-biċċa l-kbira minnha hi mitlufa ’l fuq mis-sħab, hemm fejn għajn in-nemlu ma tistax tasal.

 

Imma Alla ċċekken biex wera ruħU!  Hu wera ruħU lill-bniedem li għandu bżonn Salvazzjoni. U dak li wriena hu li Alla hu Missier, Missier mimli Mħabba, anżi hu l-Imħabba.  Hu jifhem u jaċċetta lill-bniedem hekk kif inhu, imma jagħmel minn kollox biex isalvah mill-Mewt ta’ dejjem.  Din l-Imħabba Hu wriehilna fi Kristu Ġesu, fil-Misteru tal-Għid ta’ Ibnu, u dan kollu jinfiltra fil-moħħ ċkejken tagħna bis-setgħa tal-Ispirtu s-Santu li hu Dawl li jkeċċi d-dlam.

 

Iżda Alla jinteressaH ħafna li juri ruħU lil dawk li ma jafuHx u ma jagħrfuHx.  Kif jagħmel dan?  Billi jifforma Ġemgħa ta’ aħwa li fihom Hu jgħammar.  Minn din il-Ġemgħa joħorġu Sinjali, xhieda li juru li Alla jeżisti għax dawn is-Sinjali l-bniedem ma jistax jivvintahom hu, imma jwettaqhom Alla nnifsu fihom.  U dawn is-Sinjali huma tnejn: L-Imħabba lejn l-għadu u l-Għaqda ta’ bejn l-aħwa.  Id-dinja timpressjona ruħha meta tara dawn id-dwal għax imkien ma ssibhom fiha. 

 

Din il-Ġemgħa ta’ nies għandha isem: il-Knisja.  Huma Ġemgħa ta’ nies normali, dgħajfa, imwielda egoisti u midinba bħal kulħadd.  Imma skoprew l-Imħabba tal-Missier għalihom, murija fi Kristu, u dan skoprewh bis-saħħa tal-Ispirtu s-Santu, b’Don, Rigal mogħti lilhom b’xejn biex ikunu xhieda.  Il-grazzja ta’ Sidna Ġesù Kristu, l-imħabba ta’ Alla, u l-għaqda fl-Ispirtu s-Santu, tkun magħkom ilkoll.  (2 Kor. 13, 11-13).

 

Il-Liturġija tal-Kelma tal-lum.

 

Qari I

Il-Mulej hu Alla li jagħder u jħenn.

Eż 34, 4b-6.8-9

 

Qari mill-Ktieb tal-Eżodu

 

F’dak iż-żmien, Mosè qam filgħodu kmieni, u tala’ fuq il-muntanja tas-Sinaj, kif kien ordnalu l-Mulej, u ħa f’idejh iż-żewġ twavel tal-ġebel. Imbagħad il-Mulej niżel fi sħaba u waqaf hemm maġenbu; u xandar l-isem tal-Mulej. U l-Mulej għadda minn quddiemu u għajjat: “Jaħweh! Jaħweh! Alla li jagħder u jħenn; tqil biex jagħdab u kbir fit-tjieba u fil-fedeltà”.

 

Mosè minnufih inxteħet għal wiċċu fl-art, ta qima u qal: Jekk jien tassew sibt ħniena quddiemek, Sidi, ħa jiġi Sidi ġo nofsna, nitolbok; għax dan hu poplu rasu iebsa. Aħfrilna ħżunitna u ħtijietna, u ħudna b’wirt għalik”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Dan 3, 52.53.54.55.56

 

R/. (52b): Ta’ min ifaħħrek u jgħollik fuq kollox għal dejjem

 

Imbierek int, Mulej, Alla ta’ missirijietna. R/.

 

Imbierek ismek, qaddis u msebbaħ. R/.

 

Imbierek int fit-tempju tas-sebħ imqaddes tiegħek. R/.

 

Imbierek int li qiegħed fuq il-kerubini, li ħarstek tinfed l-abbissi. R/.

 

Imbierek int fuq it-tron ta’ saltnatek. R/.

 

Imbierek int fil-wisa’ kollu tas-sema. R/.

 

Qari II

Il-grazzja ta’ Sidna Ġesù Kristu, l-imħabba ta’ Alla, u l-għaqda fl-Ispirtu s-Santu.

2 Kor 13, 11-13

 

Għeluq tat-Tieni Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin

 

Ħuti, ifirħu, ħabirku għall-perfezzjoni, isimgħu milli wieħed jgħidilkom, kunu ta’ fehma waħda, żommu s-sliem, u Alla ta’ l-imħabba u s-sliem ikun magħkom. Sellmu lil xulxin b’bewsa qaddisa. Il-qaddisin kollha jsellmulkom. Il-grazzja ta’ Sidna Ġesù Kristu, l-imħabba ta’ Alla u l-għaqda fl-Ispirtu s-Santu jkunu magħkom ilkoll.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

ara Apok 1, 8

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu,

lil Alla li hu, u li kien, u li għad irid jiġi.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Alla bagħat lil Ibnu fid-dinja biex bih hija ssalva.

Ġw 3, 16-18

 

Qari mill-Evanġelju skond San Ġwann

 

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lil Nikodemu:  “Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni, biex kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-ħajja ta’ dejjem. Għax Alla ma bagħatx lil Ibnu fid-dinja biex jagħmel ħaqq mid-dinja, imma biex id-dinja ssalva permezz tiegħu. Min jemmen fih ma jkunx ikkundannat; iżda min ma jemminx huwa ġa kkundannat, għax ma emminx fl-isem tal-Iben il-waħdieni ta’ Alla”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu

 
< Prev   Next >