Sunday, 20 September 2020
           
Home
IT-TIFKIRA SOLENNI TAL- ISEM U D-DEMM TA KRISTU (2020) ALLA LI JINAGHTA PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Sunday, 14 June 2020

Din hija il- Liturgija tas- Solennita' ta tal-Gisem u d-Demm ta' Kristu ( 2020 ) bi hsibijiet  min Joe Rapa .hsibijiet  min Joe Rapa .

corpus.jpg

 

Dan il-“week-end” il-qlub ta’ dawk li ma jgħaddux mingħajr iċ-ċelebrazzjonijiet Liturġiċi tal-Fidi tagħna, se jifirħu bil-kbir għax wara tliet xhur ta’ pandemija globali, li xi ftit għadha magħna, bibien il-knejjes tagħna se jerġgħu jiftħu biex jiġi mill-ġdid iċċelebrat l-Misteru glorjuż tal-Ewkaristija Mqaddsa.  U hija propju s-Solennità ta’ Corpus Domini, il-Festa tal-Ewkaristija, tal-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu li jinagħta għalina, li se tiftaħ il-bibien li inagħlqu għall-ewwel darba f’min jaf kemm snin.  Alla joħroġ il-ġid għall-Knisja tiegħu minn kollox u t-tama tagħna hi li anke f’dan il-mument storiku hemm Pjan Misterjuż ta’ Alla li għadna m’aħniex narawh.

 

L-Ewkaristija, il-Quddiesa, li l-Knisja tiċċelebra l-ħin kollu u f’kull ġurnata madwar id-dinja kollha, hi l-Memorjal tal-Misteru tal-Għid ta’ Kristu.  Xi jfisser dan?  Il-kelma “Memorjal” hi ferm iktar minn sempliċi tifkira.  Fl-Ewkaristija aħna ma nagħmlux biss “tifkira” ta’ dak li Kristu wettaq għalina.  “Memorjal” tfisser li int, jien, il-Knisja nerġgħu ngħixu mill-ġdid il-Misteru tal-Għid.  Fiċ-Ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija jerġa’ jseħħ, mhux fiżikament, l-Għid ta’ Kristu, u min ikun preżenti b’dispożizzjoni tajba, jerġa’ jiġbor il-frott kollu li rebaħ għalina Kristu bl-ubbidjenza tiegħu.  Inkitbu volumi bla għadd fuq dan li qed ngħidu aħna bi kliem tassew fqir.  Imma meta jien nidħol mill-bieb tal-Knisja biex inkun preżenti għall-Quddiesa, jien inpoġġi ruħi preżenti biex nilqa’ fija l-merti li Kristu rebaħ għalija fuq il-Kalvarju u fil-Qawmien glorjuż tiegħU.  Dawn huma l-merti li lilna jsalvawna għall-Ħajja ta’ Dejjem.

 

Il-Malti m’għandux kelma li tispjega l-profondità tal-kelma “Memorjal” li aħna nġibuha “tifkira”.  Fl-Ewkaristija, aħna iktar milli niftakru f’dak li għamel għalina l-Mulej Ġesù, nerġgħu ngħixu mill-ġdid, qisu l-Għid ta’ Kristu qed iseħħ dak il-ħin.  Kristu jinagħta għalina waqt il-Quddiesa, mhux iktar fiżikament għax dan għamlu darba għal dejjem fuq il-Kalvarju, imma b’mod spiritwalment reali u veru waqt li l-Knisja tiċċelebra l-Misteru tal-Ewkaristija.  Kristu għex il-mogħdija tal-Għid, il-mogħdija mill-Mewt għall-Ħajja qabel din seħħet fiżikament, meta hu ċċelebra l-ikla tal-Għid flimkien mal-Appostli.  Il-Lhud kienu jiċċelebraw din l-Ikla darba f’sena mhux biex jiftakru biss f’dak li Alla għamel għalihom meta qalagħhom mill-jasar tal-Eġittu, imma fuq kollox biex jerġgħu jgħixu fidwa mill-jasar tal-preżent, mill-jasar issa tad-dnub u ta’ kull qagħda ta’ niket u rbit.  Dan hu l-għerq tal-Ewkaristija tagħna.

 

Il-Knisja primittiva dan fehmitu mill-ewwel u kienet “tgħix” bl-Ewkaristija.  L-Atti tal-Appostli jgħidilna li l-Insara kienu jżommu sħiħ fit-tagħlim tal-appostli, u fl-għaqda ta’ bejniethom, fil-qsim tal-ħobż u fit-talb.  (Atti 2, 42).  Il-“qsim tal-ħobż” hija riferenza primittiva għall-Ewkaristija.  Huma kienu ċerti li l-Fidi tagħhom fil-Mewt u l-Qawmien ta’ Kristu kienet il-garanzija ta’ Ħajja għal dejjem, li ma tispiċċax.  Għalhekk kellhom bżonn jgħixu u jerġgħu jgħixu dan l-Avveniment li mmarka l-Istorja tal-bniedem kull darba li kienu jiċċelebraw l-Ewkaristija u jaqsmu bejniethom il-Ġisem u d-Demm tal-Mulej, ħaġa li kien ordnalhom Ġesù nnifsu fl-Aħħar Ċena: Imbagħad ħa l-ħobż, radd il-ħajr, qasmu, newwilhulhom u qal: “Dan hu ġismi li jingħata għalikom; agħmlu dan b’tifkira tiegħi.”  Hekk ukoll wara l-ikla ħa l-kalċi u qal: “Dan il-kalċi huwa l-Patt il-Ġdid b’demmi, id-demm li jixxerred għalikom.”  (Lq. 22, 19-20).

 

San Pawl ukoll jagħmel enfasi fuq l-importanza li l-Komunità Nisranija tiltaqa’ flimkien biex tgħix mill-ġdid il-Misteru tal-Għid tal-Mulej meta lill-Korintin iħeġġiġhom: Jien irċivejt mingħand il-Mulej it-tagħlim li għaddejt lilkom, jiġifieri, li l-Mulej Ġesù, fil-lejl li fih kien ittradut, ħa l-ħobż u wara li radd il-ħajr qasmu u qal: “Dan hu ġismi li jingħata għalikom; agħmlu dan b’tifkira tiegħi.”  Hekk ukoll għamel bil-kalċi wara li kiel u qal: “Dan il-kalċi hu l-patt il-ġdid b’demmi; agħmlu dan kull meta tixorbu, b’tifkira tiegħi.”  Mela kull meta tieklu dan il-ħobż u tixorbu dan il-kalċi intom ixxandru l-mewt tal-Mulej sa ma jiġi.  (1 Kor. 11, 23-26). 

 

It-Testment il-Ġdid iħabbar, u San Pawl jenfasiżżah ħafna dan il-punt importanti, li l-bniedem bit-tjieba kollha tiegħu, bl-opri tiegħu eċċ ma jistax jifdi lilu nnifsu, ma jistax iqajjem lilu nnifsu mill-Mewt tad-dnub, ma jistax iwelled lilu nnifsu mill-ġdid.  Huwa Kristu li jagħmel li dan kollu jseħħ billi miet Hu minflok il-bniedem biex il-midneb jgħix għal dejjem. Hu huwa l-Ħaruf divin li patta għal kull bniedem.  Hija din il-Fidi li ssalvana u li tagħnilna “ġodda” u kapaċi nagħmlu l-Opri qaddisa li ġa kienu ppreparati għalina mill-Missier qabel ma twelidna.  Għax Fidi li ma tnissilx Opri mill-bniedem mhi Fidi xejn.  Tqala falża. 

 

Dan hu Misteru enormi u huwa dan il-Misteru li aħna ngħixu mill-ġdid kull darba li “nisimgħu” il-Quddiesa.  Mhux biss, imma ninagħtaw saħħa ġdida u l-Fidi tagħna tikber għax Kristu jsir ikel u xorb għalina.  Aħna nitwaħħdu għal kollox miegħU u fiH fit-Tqabrin Imqaddes.  Biex toqgħod tirrifletti fuq dawn il-Grazzji kollha ma tispiċċa qatt.  Għalhekk l-Ewkaristija hi wkoll Ringrazzjament lil Alla, Radd il-ħajr, Gratitudni lil dak li mhux biss ma jitlobna xejn imma jagħti, jagħti u jerġa’ jagħti għax fi Kristu tana kollox.

 

Il-Liturġija tal-Kelma tal-lum:

 

Qari I

Temgħek il-manna li la int u lanqas missirijietek ma kontu tafu biha.

Dewt 8:2-3,14b-16a

 

Qari mill-Ktieb tad-Dewteronomju

 

F’dak iż-żmien, Mosè kellem lill-poplu u qal: Ftakar fil-mixja kollha li mexxiek il-Mulej, Alla tiegħek, matul dawn l-erbgħin sena fid-deżert, biex iċekknek u jġarrbek, ħalli jkun jaf x’għandek f’qalbek, jekk tridx toqgħod għall-kmandamenti tiegħu jew le. Huwa ċekknek, ried li tbati l-ġuħ, imbagħad temgħek il-manna, li la int u lanqas missirijietek ma kontu qatt tafu biha, biex jurik li mhux bil-ħobż biss jgħix il-bniedem, imma b’dak kollu li joħroġ minn fomm il-Mulej, b’dan jgħix il-bniedem.

 

Qis li ma titkabbarx qalbek u tinsa l-Mulej, Alla tiegħek, li ħarġek mill-art tal-Eġittu, mill-art tal-jasar. Hu li mexxiek fid-deżert kbir u jwaħħax, mimli sriep velenużi u skorpjuni, art niexfa bla ilma xejn, li ħariġlek l-ilma mill-blata taż-żnied, li temgħek il-manna fid-deżert, li missirijietek ma kienu jafu biha xejn”.

 

Il-Kelma tal-Mulej.

R. Irroddu ħajr lil Alla.

 

Salm Responsorjali

Salm 146(147):12-13,14-15,19-20

 

R. (12a): Sebbaħ, Ġerusalemm, lill-Mulej.

 

Sebbaħ, Ġerusalemm, lill-Mulej;

faħħar lil Alla tiegħek, Sijon!

Hu jsaħħaħ l-istaneg tal-bibien tiegħek,

u jbierek ġewwa fik lil uliedek. R.

 

Hu jqiegħed fis-sliem it-trufijiet ta’ artek,

u lilek bl-aħjar qamħ ixebbgħek.

Hu jibgħat fuq l-art il-kmand tiegħu;

bil-ħeffa tiġri l-kelma tiegħu. R.

 

Hu jxandar kelmtu lil Ġakobb,

il-liġijiet u d-digrieti tiegħu lil Iżrael.

Ma għamel hekk ma’ ebda poplu;

lil ħadd ma għarraf id-digrieti tiegħu. R.

 

Qari II

La l-ħobża hi waħda, aħna, li aħna ħafna, aħna ġisem wieħed.

1 Kor 10:16-17

 

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin

 

Ħuti, il-kalċi mbierek li fuqu ngħidu l-barka mhuwiex għaqda mad-demm ta’ Kristu? U l-ħobż li naqsmu mhuwiex għaqda mal-ġisem ta’ Kristu? Għax la l-ħobża hi waħda, aħna, li aħna ħafna, aħna ġisem wieħed; ilkoll kemm aħna nieħdu sehem minn ħobża waħda.

 

Il-Kelma tal-Mulej.

R. Irroddu ħajr lil Alla.

 

Sekwenza

Is-sekwenza tista’ ma tingħadx. Tista’ wkoll tingħad fil-forma l-qasira li tibda: Dan ħobż l-Anġli, magħmul ikel.

 

Faħħar, Sijon, lill-Feddej,

ir-ragħaj tiegħek u l-mexxej,

bl-innijiet u bl-għana.

 

Ibqa’ faħħru daqskemm tista’,

għax Hu ’l fuq minn kull tifħir,

qatt ma tfaħħru kemm jistħoqqlu.

 

Għat-tifħir ħaġa tal-għaġeb,

il-ħobż ħaj li jagħti l-ħajja,

hawn quddiemna f’dan il-jum.

 

Dak il-ħobż li fuq il-mejda,

lill-Appostli fl-Ikla mqaddsa

kien ingħata biex jikluh.

 

Ikun sħiħ it-tifħir tiegħek,

b’qalb ferrieħa, b’leħen għoli,

ikun jixraq ferħ ir-ruħ.

 

Għax dal-jum ta’ festa kbira,

ta’ dik l-ikla hu t-tifkira,

meta saret l-ewwel darba.

 

F’dina l-ikla s-Sultan tagħna,

l-Għid il-ġdid tal-liġi l-ġdida,

temm għalkollox l-Għid qadim.

 

Il-qadim twarrab mill-ġdid,

dak li hu ġie flok ix-xbieha,

id-dawl biegħed dlam il-lejl.

 

Dak li twettaq fl-Aħħar Ċena,

Kristu ried jibqa’ jiġġedded,

biex ikun tifkira tiegħu.

 

Imgħallmin b’tagħlim imqaddes,

nibdlu l-ħobż u l-inbid tagħna

b’sagrifiċċju għas-saħħa tagħna.

 

Twemmin ġdid lilna l-Insara,

li dal-ħobż jinbidel f’Ġisem,

u l-inbid jinbidel f’Demm.

 

Dak li ma tarax jew tifhem,

it-twemmin isaħħu u jwettqu,

fuq kull ordni tan-natura.

 

Taħt xbihat fejn aħna nilmħu

mhux il-ħajja, imma sinjali,

jinħbew ħwejjeġ hekk għeżież.

 

Ikel Ġismu, xorb hu Demmu;

iżda Kristu sħiħ hemm moħbi

taħt kull waħda mix-xbihat.

 

Sħiħ jittiekel Kristu kollu,

bla jitkisser, bla jitfarrak,

bla jinqasam minn min jieħdu.

 

Jieklu elf u jiekol wieħed,

kemm ħa dan, hekk jieħdu huma,

bla jintemm meta jittiekel.

 

Jieklu t-tajba, jieklu l-ħżiena;

imma ’l dawk iġib il-ħajja,

lil dawn jixħet fit-telfien.

 

Mewt għall-ħżiena, ħajja għat-tajba

ara kif jinbidel fihom,

għalkemm jieħdu l-istess ikel.

 

Meta l-Ostja tkun maqsuma,

la tibżax, imm’inti ftakar,

taħt ix-xbieha ta’ kull farka

hemm jinsab daqs fl-Ostja sħiħa.

 

Ebda ksur ma jsir fi Kristu;

biss ix-xbieha tkun miksura:

u b’dal-ksur xejn ma jitnaqqas

f’Dak li hu taħt din ix-xbieha.

 

* * *

 

Dan ħobż l-anġli, magħmul ikel

għall-bnedmin fit-triq tal-ħajja,

ikel bnin għall-ulied kollha,

li m’għandux fix-xejn jintrema.

 

Bi xbihat kien ilu mħabbar,

f’dik l-offerta ta’ Iżakk,

fil-ħaruf li nqatel fl-Għid,

u fil-manna tad-deżert.

 

Int ragħaj tajjeb, ħobż tassew,

Ġesù tagħna, ħenn għalina;

Int itmagħna u ħarisna:

Inti lilna l-ġid urina

fl-art imbierka tal-ħajjin.

 

Int li taf u tista’ kollox,

li titmagħna hawn f’dil-ħajja,

hemm agħmilna lkoll imsieħba,

f’għaqda waħda lkoll werrieta

mal-qtajjiet tal-qaddisin.

 

Amen. Hallelujah.

 

  

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Ġw 6:51

 

Hallelujah. R. Hallelujah.

Jiena hu l-ħobż il-ħaj, li niżel mis-sema, jgħid il-Mulej;

jekk xi ħadd jiekol minn dan il-ħobż jgħix għal dejjem.

R. Hallelujah.

 

Evanġelju

Ġismi huwa tassew ikel, u demmi hu tassew xorb.

Ġw 6:51-58

 

Qari mill-Evanġelju skond San Ġwann

 

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lin-nies: Jiena hu l-ħobż il-ħaj, li niżel mis-sema. Jekk xi ħadd jiekol minn dan il-ħobż jgħix għal dejjem. U l-ħobż li jiena nagħti huwa ġismi għall-ħajja tad-dinja”. Fuq hekk il-Lhud tlewmu bejniethom, u bdew jgħidu: “Kif jista’ dan jagħtina ġismu biex nikluh?”. Ġesù mela qalilhom: “Tassew, tassew ngħidilkom, jekk ma tiklux il-ġisem ta’ Bin il-bniedem u ma tixorbux demmu, ma jkollkomx il-ħajja fikom. Min jiekol ġismi u jixrob demmi għandu l-ħajja ta’ dejjem, u jiena nqajmu mill-imwiet fl-aħħar jum. Għax ġismi huwa tassew ikel, u demmi hu tassew xorb.

 

Min jiekol ġismi u jixrob demmi jibqa’ fija u jiena fih. Bħalma bagħatni l-Missier, li hu ħaj, u jiena ngħix b’Missieri, hekk ukoll min jiekol lili, hu wkoll jgħix bija. Dan huwa l-ħobż li niżel mis-sema; mhuwiex bħal dak li kielu missirjietkom u mietu; min jiekol dan il-ħobż jgħix għal dejjem”.

 

Il-Kelma tal-Mulej.

R. Tifħir lilek, Kristu.

 

 

 
< Prev   Next >