Wednesday, 02 December 2020
           
Home
IS-SOLENNITÀ TAT-TWELID TA’ GWANNI L-BATTISTA (2020) IL-FESTA TAL-PARROCCA PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 20 June 2020

Din hija il- Liturgija tas- Solennita' tat-Twelid tal-Battista (2020) Il-Festa tal-Parrocca bi hsibijiet  min Joe Rapa .hsibijiet  min Joe Rapa .

cusg.jpg

 

Dieqa timmarka l-qalb ta’ kull membru ta’ din il-parroċċa li, bħall-parroċċi l-oħra, ma tistax tiċċelebra bil-kbir din is-Solennità tat-Twelid ta’ Ġwanni l-Battista, Protettur tagħha minħabba l-miżuri ta’ saħħa li kulħadd jaf bihom.  Hi sena, din, tassew partikulari.  Nittamaw li s-sena li ġejja tkun xorta oħra!  Imma min jaf...  mid-dlam Alla kapaċi joħroġ dawl kbir u Hu jdawwar kollox għal-ġid ta’ dawk li jfittxuH.  Imbierek il-bniedem li dejjem jishar u jistenna ħwejjeġ kbar mingħand il-Mulej f’kull sitwazzjoni.

Ġwanni l-Battista huwa l-qaddis tal-istennija!  In-Nisrani huwa l-bniedem tal-istennija, dejjem jistenna l-Grazzja ta’ Alla li tagħtih li jagħraf  (din kelma mportanti!) lil Kristu meta jkun għaddej minn quddiemu fl-Istorja tiegħU.  Ġwanni kien l-ewwel wieħed li rċieva l-Grazzja meraviljuża li jagħraf il-Messija u dak li rċieva ma żammux għalih.

 

Aħna nitolbu ħafna grazzji mingħand Alla, imma ejja npoġġu ftit bilqiegħda u nieqfu daqsxejn mill-ġiri sfrenat tal-ħajja tal-lum, u nirriflettu fuq dak li aħna, fuq l-għaliex qegħdin ngħixu, x’inhu tassew importanti, x’inhu dak li jibqa’.  Forsi int tgħid li jien għandi bżonn ngħaddi mill-eżami.  Tajjeb.  Itlobha din il-grazzja.  Jew tgħid nixtieq nifforma familja.  Xewqa qaddisa din għax il-Mulej kapaċi jużak biex iwaqqaf knisja oħra domestika, dar fejn tixxettel il-qdusija.  Itlobhielu din il-grazzja!  Jew titlob u titlob biex titneħħa xi tbatija minn Ħajtek, xi problema, xi “salib”.  Ħafna resqu lejn Alla għall-ewwel darba f’qagħda bħal din u skoprewH minħabba xi problema li b’hekk saret glorjuża!

 

Imma, fil-fond x’inhi l-ikbar problema, l-ikbar jasar, l-ikbar għajn ta’ dieqa u nkwiet u biża’ għal kull bniedem? Iskot u aħseb!  Hemm dell, id kiesħa tagħfas kull qalb, hemm kundizzjoni li timmarka lit-tarbija, lit-tifel, lill-adoloxxenti, lir-raġel li għadu kif iżżewweġ, lill-bniedem li qed jixjieħ, sa dak mgħobbi bl-għomor... u din hi li jien u int, l-umanità, flimkien mal-ħlejjaq kollha resqin lejn il-baħħ tal-mewt.  Hi din l-ikbar problema li inti għandek anke jekk qatt ma taħseb fuqha... imma dejjem hemm qegħda, fuq il-“back-burner”.  Din ir-rejaltà tremenda, dan il-flaġell, nissel fil-ħolqien kollu taqtigħa biex jibqa’ jeżisti, istint li jimmarkalu kulma jagħmel, id-dell tal-mewt (Lq. 1, 79) isejjaħlu Żakkarija, missier il-Battista.  Min se jeħlisni minn dan il-ġisem tal-mewt?  (Rum. 7, 24), jokrob San Pawl li għaraf li b’din il-kundizzjoni l-bniedem ma jistax jagħmel it-tajjeb li jixtieq għax jibża’ jirriskja, jibża’ li jmut, jibża’ saħansitra li jħobb.  Għax hemm il-mewt fiżika tal-aħħar, imma din hi Omm ħafna mwiet oħra: inkwiet, dwejjaq, kelma li toqtlok, tensjoni, diżappunti, qtigħ il-qalb, nuqqas ta’ kunfidenza u kuraġġ... 

 

Irrifletti ftit: kieku kellu xi ħadd jeħilsek minn l-għerq morr tal-biża’ moħbi fis-subkonxju; kieku kellu xi ħadd flok id kiesħa tagħfas madwar qalbek li tagħmlek egoista, isaħħanhielek b’Imħabba tal-għaġeb li tfejjaqlek il-ġrieħi kollha interni; kieku kellu xi ħadd jagħtik garanzija, ċertezza li int m’int se tmut qatt, li l-ebda marda ma tista’ teqirdek anke jekk teqred lil ġismek, li l-ħajja t’hawn hi biss qatra f’ocejan etern ta’ Ħajja-Mħabba għal dejjem... kieku kellu jiġrilek dan illum...?

 

Kieku kellu jiġrilek dan illum, int tinsa lilek innifsek (dan hu l-fejqan!) u tinagħta għal ħaddieħor (u dan hu l-Ferħ!).  Kieku kellu jiġrilek dan illum, int issir bniedem ieħor, kollox jinbidel u tinduna li l-muntanji ta’ nkwiet li kellek huma biss żrar li tgħaffiġhom taħt is-sandli tiegħek.  Min se jagħtik dan kollu?  Għax din hi l-Ikbar Grazzja.  Min jista’ jagħtihielek?  Lil min se titlobha?

 

It-tweġiba toħroġ tidwi minn fomm Ġwanni l-Battista, il-Prekursur, il-Ħabbar, dak li wera lill-bniedem is-soluzzjoni tal-problemi kollha tiegħu.  Ġwanni rċieva Dawl u ma żammux għalih imma wrieħ lid-dinja.  Jum wieħed hu ħares u ra, u qam fuq tiegħu u mimli biż-żelu jaħraq ta’ Elija l-profeta tar-ragħad, ħareġ idu ppuntata kollha tensjoni u, b’għajnejh iċċassati, jleqqu, fetaħ fommu u għajjat: “Araw il-Ħaruf ta’ Alla, li jneħħi d-dnub tad-dinja!”  (Ġw. 1, 29).  Ġwanni qal ħafna affarijiet oħra, imma kieku qal dan biss kien ikun biżżejjed biex jibqa’ mfakkar minn kull ġenerazzjoni.  Hu wriena s-soluzzjoni, il-fejqan, il-ħelsien, is-Salvazzjoni, il-mogħdija mill-mewt għall-Ħajja, mid-dlam għad-Dawl, mill-kesħa tal-lejl għall-faraġ tal-Jum. 

 

Ġwanni jgħidilna: “Din hi l-Grazzja li int għandek titlob lil Alla bil-ħerqa kollha ta’ qalbek: li tagħraf li f’Ġesù ta’ Nazaret Alla qed jagħtik kollox!  Ġwanni baqa’ mistagħġeb quddiem il-Pjan ta’ Alla li qabel kien moħbi għalih u għad-dinja.  Hu mtela b’tensjoni u ħasda li tnissel is-Sorpriża ta’ Alla.  “Araw il-Ħaruf ta’ Alla, li jneħħi d-dnub tad-dinja.”  Interessanti: ma jgħidx “id-dnubiet” imma “d-Dnub”, nom kollettiv li jiġbor dak kollu li joqtol, iħassar, jherri l-Ħajja.  Il-Pjan li ħasad lil Ġwanni kien li l-Missier ta lil Ibnu biex jitgħabba Hu bid-“dnub tad-dinja”, isir ħati Hu flokha, ibati l-konsegwenzi Hu flokha, jispiċċa u jmut Hu flokha... u jirbaħ il-mewt bil-Qawmien Hu flokha.  Kollox b’risq tiegħek u tiegħi!  Teorija?  Mingħajr l-Ispirtu s-Santu hekk hi; imma l-Ispirtu ta’ Dak li tana dan kollu kapaċi jagħmel minn dan kollu Ħuġġieġa Nar jaqbad f’qalbna u minn nies egoisti, spiritwalment bierda għall-aħħar jagħmel nies “Ħajjin” tassew, rebbieħa fuq il-biża’ tal-mewt, kapaċi li mingħajr sforz jinagħtaw għall-proxxmu u jiskopru fejn hi l-vera Ħajja. X’Misteru! 

 

Il-Fidi kollox!  Min jemmen fil-profondità tal-Misteru tal-Għid ta’ Kristu, jitlibbes bil-Ħajja għal Dejjem ġa minn hawn!  Din hija r-rieda ta’ Alla għalik:  Rebħa fuq il-Mewt!  Kull tip ta’ Mewt.  Bil-Fidi inti tgħaffeġ fuq kull sitwazzjoni li qabel kienet teqirdek.  Din hi l-vera politika, li ma tnixxifx il-ferita minn barra biss imma li l-ungwent tagħha jinżel sa fil-profond u jattakka l-għajn li minnha joħroġ id-Dnub tal-bniedem li jnissel il-Mewt.

 

Ġwanni l-Prekursur kien l-ewwel li għaraf l-immensità ta’ dan kollu.  Din hi Grazzja kbira tafux, li tinagħta li tagħraf li problema waħda hemm f’Ħajtek u din rebaħha għalik Kristu Ġesù.  Ġwanni jgħidilna: “Tkunux ħmir!  Titolbux mingħand Alla iċ-ċuċati!  Itolbu dak li jiswa tassew, dak li jibqa’ għal dejjem, dak li hu l-ikbar miraklu li jista’ jwettaq Alla.  Itlob li int tista’ tagħraf lil Kristu u l-Opra li Hu wettaq għalik biex rebaħlek Ħajja għal dejjem!” 

 

Il-Liturġija tal-Kelma tal-lum:

 

 

Qari I

Is 49:1-6

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija

 

Isimgħuni, gżejjer, agħtuni widen, popli mbiegħda! Il-Mulej mill-ġuf sejjaħli, minn ħdan ommi ftakar f’ismi. Għamilli fommi xabla msinna, taħt id-dell ta’ idu ħbieni. Għamel minni vleġġa maħtura, fil-barżakka tiegħu ħbieni. U qalli: “Israel, inti l-qaddej tiegħi, bik jiena nkun imfaħħar.”

 

U jien għedt: “Għalxejn inkeddejt, u fix-xejn ħlejt saħħti.” Imma l-ġustizzja tiegħi fil-Mulej u l-ħlas tiegħi għand Alla tiegħi.

 

U issa tkellem il-Mulej, li minn ħdan ommi għamilni qaddej tiegħu, biex għandu rreġġa’ lura ’l Ġakobb u biex Israel jinġabar miegħu mill-ġdid, għax jien kont imfaħħar f’għajnejn il-Mulej, u Alla tiegħi kien il-qawwa tiegħi. Hu qalli: “Tkun ħaġa żgħira wisq għalik li inti tkun il-qaddej tiegħi biex tqajjem biss it-tribù ta’ Ġakobb u treġġa’ lura l-fdal ta’ Israel. Jien nagħmel minnek dawl għall-ġnus, biex is-salvazzjoni tiegħi sa truf l-art tinfirex.”

 

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Irroddu ħajr lil Alla.

 

Salm Responsorjali

Salm 138

 

R/. Irroddlok ħajr, għax tal-għaġeb għamiltni!

 

Mulej, int tgħarbilni u tagħrafni;

int taf meta noqgħod u meta nqum,

int tagħraf mill-bogħod ħsibijieti.

Int tagħraf il-mixi u l-waqfien tiegħi;

triqati kollha inti tafhom sewwa. R/.

 

Int sawwart il-ġewwieni tiegħi,

u f’ġuf ommi inti nsiġtni.

Irroddlok ħajr, għax tal-għaġeb għamiltni:

tal-għaġeb huma l-għemejjel tiegħek. R/.

 

U ’l ruħi inti tafha tajjeb.

Ma kienx moħbi għadmi minnek,

meta kont qiegħed insir fis-satra

u nintiseġ fil-qigħan tal-art. R/.

 

Qari II

Atti 13:22-26

 

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli

 

F’dak iż-żmien: Pawlu qal: “Alla, lil missirijietna, qiegħed ’il David bħala sultan tagħhom, li għalih ta din ix-xhieda: ‘Sibt ’il David, bin Ġesse, raġel skont qalbi li jagħmel dak kollu li rrid jien.’ Hu minn nislu li Alla, skont il-wegħda tiegħu, ġieb għal Israel salvatur, li hu Ġesù. Qabel il-miġja tiegħu, Ġwanni deher ixandar magħmudija ta’ ndiema lill-poplu kollu ta’ Israel.

 

U meta kien wasal fi tmiem il-ħidma tiegħu, Ġwanni qal: ‘Jien miniex dak li intom taħsbu li jien. Dan ġej warajja, u jien anqas jistħoqqli nħoll il-qorq ta’ riġlejh.’ Ħuti, ulied in-nisel ta’ Abraham, u intom li tibżgħu minn Alla, lilna ġiet mibgħuta l-bxara ta’ din is-salvazzjoni.”

 

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Irroddu ħajr lil Alla.

 

Akklamazzjoni għall-Evanġelju

Lq 1:76

 

Hallelujah. Hallelujah.

Int, tfajjel, tissejjaħ profeta tal-Għoli,

għax tmur qabel il-Mulej biex tħejjilu triqatu.

Hallelujah.

 

Evanġelju

Lq 1:57-66.80

 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

 

Eliżabetta għalqilha ż-żmien li teħles, u kellha tifel. Il-ġirien u qrabatha semgħu li l-Mulej wera ħniena kbira magħha, u marru jifirħu magħha. Meta mbagħad fit-tmien jum ġew biex jagħmlu ċ-ċirkonċiżjoni lit-tifel, riedu jsemmuh Żakkarija, għal missieru; imma qabżet ommu u qalet: “Le, imma Ġwanni jkun jismu.” Qalulha: “Ma hemm ħadd li jismu hekk fost qrabatek!”

 

Imbagħad bdew jistaqsu bis-sinjali lil missieru x’ried isemmih, u hu talabhom xi ħaġa fuqiex jikteb, u kiteb hekk: “Ismu huwa Ġwanni.” U kulħadd baqa’ mistagħġeb. Dak il-ħin stess Żakkarija nfetaħlu fommu, ilsienu nħall, u beda jitkellem u jfaħħar ’l Alla.

 

U l-ġirien tagħhom ilkoll qabadhom il-biza’, u bdew ixerrdu dawn il-ġrajjiet kollha mal-għoljiet kollha tal-Lhudija, u kull min kien jismagħhom kien iżommhom f’qalbu u jgħid: “Mela x’għad ikun dan it-tifel?” U tassew, id il-Mulej kienet miegħu. It-tifel kiber u ssaħħaħ f’ruħu, u baqa’ jgħix fid-deżert sa dakinhar li ħareġ quddiem Israel.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu.

 
< Prev   Next >