Monday, 19 October 2020
           
Home
L-ERBATAX-IL HADD MATUL IS-SENA (2020) IL-VANGELU JIEHU SENS FIL-KUNTEST TAL-QAWMIEN PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 04 July 2020

Din hija il- Liturgija ta l-Erbatax il-Hadd matul is-sena ( 2020 ) bi hsibijiet  min Joe Rapa .hsibijiet  min Joe Rapa .

zakarija_profeta-2000.jpg

 

Il-Vanġelu u t-Testment il-Ġdid kollu, jieħu sens biss fil-kuntest tal-Qawmien; fl-isfond tar-Rebħa dejjiema ta’ Kristu fuq il-Mewt tagħna, fuq kull tip ta’ Mewt li tkerrħilna l-Ħajja.  Kristu ma ġiex fid-dinja biex ineħħi s-Salib mill-Ħajja tal-individwu, biex ifejjaq u jerġa’ jfejjaq lil kulħadd mill-mard u minn dak kollu li jġagħlu jbati.  Imma huwa dawwal is-slaleb tagħna bis-Salib tiegħu u rebaħ il-Mewt tagħna bil-Mewt u l-Qawmien tiegħU. 

 

Imma noqogħdu attenti! Ilkoll għandna bżonn nimxu dejjem aktar fil-Fidi f’dak li wettaq għalina il-Mulej Ġesù.  Għax huma ħafna dawk li jgħidu li jemmnu u huma midħla ħafna tal-Knisja, imma xorta baqgħu imwerwra quddiem il-Mewt u dejjem ħosbiena fuq il-Ħajja.  Għaliex dan?  Jaqaw il-Misteru tal-Għid ta’ Kristu m’għadux b’saħħtu quddiem l-esiġenzi tal-Ħajja tal-lum?  Jaqaw l-Ispirtu s-Santu m’għadux dak ir-Riħ ivenven ikaxkar kollox, dak in-Nar li jsir Ħuġġieġa f’qalb min jemmen, dik iż-żiffa ħelwa li tkebbek fil-qilla tal-prova?

Aħna lkoll l-istess u ħadd mhu jiġġudika lil ħadd.  Aħna lkoll bnedmin dgħajfa li għandna bżonn il-Grazzja.  L-għemejjel tagħna, l-isforzi tagħna, l-intenzjoni tagħna m’humiex biżżejjed.  Kristu għandu bżonn jikber iktar fina u għandna nkunu konxji ta’ dan.  Għax il-Vanġelu hu meraviljuż għan-Nisrani imma hu taċ-ċajt għad-dinja.  Hu tal-għaġeb u prova tal-Imħabba tal-Missier għan-Nisrani, imma hu Liġi iebsa erba’ darbiet aktar mil-Liġi ta’ Mosè għal min hu sempliċement “reliġjuż” u qatt ma ġie mdaħħal tassew fil-Fidi Nisranija. 

 

Dan mhu tort ta’ ħadd, imma tibda tifhem l-għala ħafna nies ikejlu dak li jagħtu lil Alla: quddiesa ta’ 45 minuta eżatti nhar ta’ Ħadd u mbagħad ġimgħa sħiħa neqsin 45 minuta għall-Ħajja normali, bħal dik tal-annimali li wkoll għandhom il-familji tagħhom, irabbu bħall-bnedmin, u jmorru jaħdmu biex jakkwistaw l-ikel għal-frieħ tagħhom.

 

Għaliex waqt li l-Vanġelu jitkellem fuq il-“Ħajja” ħafna jaħarbu jiġru ’l hemm għax jaħseb li se tinsterqilhom xi ħaġa, jgħidu li hu esiġenti u dak li hemm fih jgħodd għal Ġesù Kristu u għal xi wieħed f’għoxrin elf imma mhux għall-bniedem normali.  Ma tistax tagħti l-Vanġelu lil min għadu ma daqx tassew il-Qawmien ta’ Kristu f’Ħajtu.  Meta Kristu jitkellem fid-Diskors tal-Muntanja dwar li ma ttella’ lil ħadd il-Qorti, dwar li lil min jisirqek tagħtih anke dak li ma seraqlekx, biex tħobb lill-għadu, biex lill-ħażin li hu nġust miegħek ma tiqaflux, biex ma torbotx qalbek mal-flus u ma taħsibx għall-quddiem imma tgħix illum u ħallik mill-għada, u tant u tant ħwejjeġ oħra ta’ barra minn hawn, dawn Hu qed jgħidhom biex jurina kif jgħixu dawk li huma ċerti li mhuma se jmutu qatt, li din il-Ħajja t’hawn hi biss qatra f’ocejna enormi ta’ Ħajja bla tmiem għax emmnu fil-Qawmien ta’ Kristu b’tali mod li din il-Fidi kkonvinċiethom li Kristu ma qamx għaliH innifsu imma għalihom.  Kristu tqabad mal-Mewt u rebaħha għalija u għalik! 

 

Din kienet il-Missjoni epokali li għaliha Missieru bagħtu fid-dinja.  Għal min għandu l-Qawmien, l-Evanġelju hu tassew l-Aħbar it-Tajba, l-Aħbar waħdanija li hi setagħna biżżejjed biex tbiddel il-qalb tiegħi, tiegħek, tad-dinja.  L-ebda politika m’għandha s-setgħa li għandu l-Qawmien mill-Mewt ta’ Kristu meta dan il-fenomenu jidħol f’qalb il-bniedem bil-Fidi.  Il-bniedem li hu ċert li mhu se jmut qatt, anzi għandu Ħajja eterna fit-tgawdija ta’ Alla quddiemu, dan il-bniedem jiflaħ ma jirreżistix għall-inġustizzji, ma jpattix id-deni b’deni, jħenn għal min hu ħażin, jagħti dejjem milli għandu, ifaħħar lil Alla anke meta l-Ħajja t’hawn tgħaddih minn xi wied ta’ dmugħ.  Il-Vanġelu huwa l-Ktieb ta’ dawn in-nies.  Aħna għandna nixxennqu li nikbru fil-Magħmudija tagħna biex ikun il-Ktieb tal-Ġmiel tagħna wkoll.  Lejn dan trid twassalna l-Knisja.

 

Il-Profeti tal-Antik Testment kienu jilmħu mill-bogħod lil dan il-poplu qaddis u qalbhom kienet timtela bil-ferħ.  Min se jifhem it-trijonf ta’ Kristu f’Ħadd il-Palm waqt li riekeb fuq ħmar jekk mhux il-Bniedem Ġdid?  Dan il-bniedem ġdid mhux xi superman, aħjar mill-oħrajn, qaddis minn twelidu.  Alla ma ħarisx  mis-sema u ra min huma dawk li twieldu “kwieti” u “mhux tat-trouble” u beda jaħdem magħhom.  Il-kontra. L-aktar li ħabbewh kienu nies ħalliela u nġusti bħall-pubblikani, oħrajn ta’ skandlu bħan-nisa tat-triq,  oħrajn li ma kellhomx moħħ u ħin għas-sinagoga bħar-ragħajja u s-sajjieda, u l-ewwel wieħed  li daħal il-Ġenna kien kriminal imsallab miegħU.  Dawn kollha kienu “mejta”; messew ma’ Kristu u daħlu f’Ħajja Ġdida.

 

In-Nisrani veru hu bħal ħaddieħor li rċieva ħafna mingħand Alla bi Grazzja.  Hu ma jgħixx skont il-ġisem mhux għax hu aħjar minni u minnek imma għax hu daq il-Qawmien.  Il-Qawmien ta’ Kristu sar il-Qawmien tiegħu ukoll!  Dan hu l-għaġeb tal-Kristjaneżmu.  Temmen int li dan jista’ jseħħ fik? 

 

San Pawl jgħid: “Intom ma tgħixux skont il-ġisem, imma skont l-Ispirtu, ladarba hemm l-Ispirtu ta’ Alla jgħammar fikom.  Jekk l-Ispirtu ta’ dak li qajjem lil Ġesù jgħammar fikom, dak stess li qajjem lil Kristu mill-imwiet iqajjem għall-ħajja wkoll il-ġisem tagħkom li jmut, bis-saħħa tal-Ispirtu tiegħu li jgħammar fikom.”  (Rum. 8, 9w). Huwa dan li hemm bżonn tippriedka u terġa’ tippriedka l-Knisja: l-Aħbar it-Tajba li hi l-bażi ta’ kollox.  Tirrepetiha u terġa’ tirrepetiha għax tant hi tal-għaġeb li hi kontra n-natura tal-bniedem li jemmen tassew f’qiegħ qalbu li l-Mewt mhix għalih għax hu salvat minn Kristu. 

 

Alla ma poġġiex lill-Knisja f’nofs dinja mwerwra mill-Mewt biex toqgħod tippriedka x’inhu t-tajjeb u l-ħażin biss.  Iktar minn hekk, ħafna iktar minn hekk, il-Missjoni tal-Knisja, id-Dawl tal-Knisja hu li tixhed li Kristu rebaħ il-Mewt, Hallelujah!  Min ma jemminx dan, imut tassew, imma min jemmen isir ħaġa waħda ma’ dak li jemmen fih u jgħix, anke hu, għal dejjem.

 

Għal min mhux magħżul, dan hu taċ-ċajt.  Imma għaċ-ċkejknin, din l-Aħbar tbiddlilhom ħajjithom.  Ġesù qabad u qal: “Infaħħrek, Missier, Sid is-sema u l-art, talli inti dawn il-ħwejjeġ ħbejthom lil min hu għaref u lil min jifhem, u għarrafthom lil min hu ċkejken.  (Mt. 11, 25).  Meta jħares lejna, Ġesù ma jarax nies ħżiena, imma nies imsejkna li għandhom bżonn jinħelsu mill-inkwiet u l-biża’.  Għalhekk jgħid: “Ejjew għandi intom ilkoll li tinsabu imħabbtin u mtaqqlin, u jien nserraħkom.”  (Mt. 11, 28). 

 

Altru li mhux madmad tqil il-Vanġelu!

 

Il-Liturġija tal-Kelma tal-lum:

 

Qari I

Ara, is-sultan tiegħek ġej għandek ġust u rebbieħ.

Żakk 9, 9-10

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Żakkarija

 

Dan jgħid il-Mulej:

Ifraħ kemm tiflaħ, bint Sijon,

għajjat bil-ferħ, bint Ġerusalemm!

Ara, is-sultan tiegħek ġej għandek;

ġust u rebbieħ,

umli u riekeb fuq ħmar,

fuq felu ta’ ħmara.

Hu jeqred il-karru minn Efrajm

u ż-żiemel minn Ġerusalemm;

jinqered il-qaws tal-gwerra.

Hu jxandar il-paċi lill-ġnus,

il-ħakma tiegħu tkun minn baħar sa baħar,

u mix-xmara tal-Ewfrat sat-trufijiet”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 144 (145), 1-2.8-9.10-11.13cd-14

 

R/. (1): Mulej, inbierek ismek għal dejjem

 

Ħa nkabbrek, Alla tiegħi, sultan,

u nbierek ismek għal dejjem ta’ dejjem.

Kuljum irrid inbierkek,

u nfaħħar ismek għal dejjem ta’ dejjem. R/.

 

Twajjeb u ħanin il-Mulej,

idum biex jagħdab u kollu tjieba.

Twajjeb ma’ kulħadd il-Mulej,

tjubitu fuq kull ma għamel. R/.

 

Kull ma għamilt iroddlok ħajr, Mulej;

iberkuk il-ħbieb tiegħek kollha.

Is-sebħ tas-saltna tiegħek ixandru,

fuq is-setgħa tiegħek jitkellmu. R/.

 

Ta’ kelmtu l-Mulej fil-wegħdiet tiegħu kollha,

twajjeb f’dak kollu li għamel.

Iwieżen il-Mulej lil kull min se jaqa’,

iqajjem lil kull min hu mitluq. R/.

 

Qari II

Jekk tmewtu bl-Ispirtu l-għemil tal-ġisem, tgħixu.

Rum 8, 9.11-13

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani

 

Ħuti, intom ma intomx taħt il-ħakma tal-ġisem, imma tal-Ispirtu, ladarba hemm l-Ispirtu ta’ Alla jgħammar fikom. Jekk xi ħadd ma għandux fih l-Ispirtu ta’ Kristu, dan mhuwiex tiegħu. Jekk l-Ispirtu ta’ dak li qajjem lil Ġesù mill-imwiet jgħammar fikom, Alla stess li qajjem lil Kristu mill-imwiet iqajjem għall-ħajja wkoll il-ġisem mejjet tagħkom, bis-saħħa tal-Ispirtu li jgħammar fikom.

 

Hekk mela, ħuti, aħna m’aħniex midjunin mal-ġisem biex ngħixu skond il-ġisem. Għax jekk tgħixu skond il-ġisem, tmutu; imma jekk tmewtu l-għemil tal-ġisem bl-Ispirtu, tgħixu.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Mt 11, 25

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Infaħħrek, Missier, Sid is-sema u l-art,

għax inti dawn il-ħwejjeġ tas-Saltna wrejthom liċ-ċkejknin.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Jien ta’ qalb ħelwa u umli.

Mt 11, 25-30

 

Qari mill-Evanġelju skond San Mattew

 

F’dak iż-żmien Ġesù qabad u qal: Infaħħrek, Missier, Sid is-sema u l-art, għax inti dawn il-ħwejjeġ ħbejthom lil min għandu l-għerf u d-dehen u wrejthom liċ-ċkejknin. Iva, Missier, għax lilek hekk għoġbok. Kollox kien mogħti lili minn Missieri, u ħadd ma jagħraf lill-Iben jekk mhux il-Missier, kif ħadd ma jagħraf lill-Missier jekk mhux l-Iben u dak li lilu l-Iben irid jgħarrafhulu.

 

Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom. Ħudu fuqkom il-madmad tiegħi u tgħallmu minni, għaliex jiena ta’ qalb ħelwa u umli, u intom issibu l-mistrieħ għal ruħkom. Għax il-madmad tiegħi ħelu u t-toqol tiegħi ħafif”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu

 

 

 
< Prev   Next >