Thursday, 13 August 2020
           
Home
IS-SITTAX-IL HADD MATUL IS-SENA (2020) IT-TAQTIEGHA BEJN ALLA U SATANA G&AL RUH IL-BNIEDEM PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 18 July 2020

Din hija il- Liturgija tas-Sittax il-Hadd matul is-sena ( 2020 ) bi hsibijiet min Joe Rapa .

parabola_zerriegha.jpg

 

Alla ħalaq kollox sew u perfett.  Hu ħalaq kollox sew u perfett jiġifieri hu ħalaq kollx ĦIELES, u ma setax jagħmel mod ieħor għax Alla hu Mħabba!  L-Imħabba (Alla) mhux veru li tista’ tagħmel kollox.  Hemm ħwejjeġ li Alla ma jistax jagħmilhom għax Hu Qaddis, Hu l-Imħabba, Hu l-Waħdieni ħieles mill-Mewt u l-biża’ tagħha.  Alla ma jistax jidneb u lanqas seta’ joħloq il-Mewt li hi l-frott tal-għażla ħażina (id-Dnub) tal-bniedem maħluq ħieles.

 

Alla hu l-uniku li jista’ jħobb sal-aħħar għax Hu biss mhux egoista, Hu biss jista’ jinagħta kollu kemm Hu u hu dan li għamel meta libes laħam bħal tagħna biex ikun jista’ jmut bħala offerta li tpatti kompletament għad-“Dnub” tal-bniedem.  La hu dan kollu, u ħafna iktar, Hu ma jistax jobgħod, ma jistax jivvendika ruħU kif nifhmu aħna, ma jistax jinsa lil xi ħadd li ħalaq Hu. 

Fuq kollox meta ħalaq il-Ħolqien Hu kien qiegħed jinagħta totalment għax ħalaq ħolqien ħieles li jagħżel li jħobbU lura jew li ma jħobbux.  Jiġifieri anke meta kien qed jaqsam Imħabbtu mal-Opra enormi li ħalaq, Hu kien qed jirriskja, u rriskja bis-serjetà.  Għax ħaġa oħra li Alla ma setax jagħmel hu li jipprogramma kollox biex jagħmel is-sewwa u s-sewwa biss.  Imma b’hekk kien ikun qed joħloq robots flok bnedmin, magna enormi flok natura ħajja u ħielsa. Dan kollu ma kienx ikun frott l-Imħabba, imma frott egoiżmu ta’ Alla li ma riedx problemi u li ried li sseħħ biss ir-rieda tiegħu, jiġri x’jiġri.

 

Anzi l-Mulej kien jaf minn qabel li l-ħelsien li l-Imħabba bil-fors kellha tagħti lill-bniedem kien se jissarraf f’ċaħda ta’ Alla u allejanza mal-Gidba.  Għalhekk Hu ħaseb għal dan ukoll.  Infatti Hu ħalaq kollox bi Kristu, fi Kristu u għal Kristu.  Kien jaf li kienet se titniehda taqtiegħa enormi għal ruħ il-ħlejqa u l-ħolqien kollu li Hu kien iħobb tant.  Anzi, minn qabel il-Ħolqien tad-dinja, Alla kellu f’moħħu l-avveniment ċentrali ta’ kollox li hu l-Passjoni, il-Mewt u l-Qawmien ta’ Ibnu, il-Misteru sħiħ tal-Għid ta’ Kristu.  Dan hu l-fus li fuqu jdur il-ħolqien kollu u l-Istorja kollha.  Din hi r-rebħa l-kbira ta’ Alla, ir-rebħa tal-Imħabba, ir-rebħa fuq il-Gidba li jgħassret il-bniedem mill-bidu.

 

Ma nistgħux nirrelegaw dan kollu għal sempliċi “reliġjon”.  Hu ferm ikbar minn hekk dan il-Misteru.  Hu “il-kollox” tal-Istorja.  L-Imħabba ġiet imsallba u maqtula minn dawk stess li hi ħalqet u ħabbet, biex huma jgħixu għal dejjem waqt li tmut hi, bħal ħaruf li jmur qalb l-ilpup biex jittiekel minnhom biex imut hu imma jgħixu huma.  Din hi l-Imħabba li l-ebda bniedem ma jista’ jiġġenera minnu nnifsu.  Dan hu Alla!  U dan il-Misteru jirrepeti ruħu kuljum.  Imħabba li tinqatel biex min joqtolha jgħix biha!!

 

Ħafna jistaqsu: Jekk Alla hu Mħabba għaliex jippermetti tant ħażen fid-dinja?  Hu propju għax hu Mħabba u li ma setax ma joħloqx bniedem ħieles fl-għażliet tiegħu li jeżisti dan kollu, saħansitra li jeżisti l-Infern.  L-Infern hu l-qagħda tal-bniedem li anke jekk l-Imħabba inqatlet għalih, xorta jibqa’ jagħżel li ma jħobbhiex.  Hu Misteru.  Hu biss fid-dawl tal-Fidi li wieħed jagħraf li kollox hu Mħabba, u li kollox jispiċċa tajjeb għal kull min jiggranfa ma’ Kristu.  L-Imħabba tibqa’ tħobb lil min joqtolha sal-aħħar.  Kristu ħabb lil Ġuda sal-aħħar u ħadd ma jista’ jiġġudika t-tmiem tiegħu għax l-Imħabba hi Alla u hi aqwa mill-Mewt, aqwa mid-Dnub, aqwa mill-Gidba, aqwa mill-għażliet ħżiena tal-ħelsien li tana Hu.

 

Hu għalhekk li aħna nonqsu bil-kbir u hu dnub serju meta niġġudikaw lil ħaddieħor.  Lil ħaddieħor Alla biss jafu; Alla biss jaf it-taqtiegħa li għaddejja bejnU u bejn satana għal ruħu.  Int x’taf fuq għajrek?  Tara biss l-azzjonijiet li jidhru, imma l-Imħabba tafu kollu kemm hu u tħobbu sal-Mewt fuq is-Salib.  IL-Ktieb tal-Għerf lil Alla jgħidlu: “Għax int Sid ta’ kollox, lil kulħadd tagħder.”  (Għerf 12, 16). 

 

Għal kuntrarju, aħna rridu kieku naqilgħu is-sikrana u nitfgħuha għall-ħruq malajr malajr.  Temmnu intom li fil-fond hekk kien jaħseb Hitler!  Hekk kien jaħseb Stalin!  Hekk kien jaħseb Pol Pot!  Hekk jaħsbu d-dittaturi qerrieda fl-Istorja tad-dinja!  Kollha l-istess.  Kulħadd għandu l-ideja tiegħu ta’ x’inhu tajjeb u ħażin u jridu jeqirdu, jeqirdu jeqirdu bi vjolenza enormi u flok jeqirdu s-sikrana, jimmultiplikawha u jerġgħu jiżirgħu sikrana fuq sikrana...

 

Imma f’dan it-taħwid kollu, fil-bniedem hemm xintilla ta’ dawl li ma ntefhiex.  Hemm post f’kull wieħed minna li fih jidwi leħen Alla, leħen l-Imħabba.  Hu l-post fejn l-Imħabba tiltaqa’ mal-Fidi u l-bniedem jiġbed nifs qawwi ’l ġewwa, nifs ta’ Tama.  San Pawl jgħidilna llum: L-Ispirtu, min-naħa tiegħu, jgħinna fin-nuqqas ta’ ħila tagħna.  Għax aħna l-anqas biss nafu nitolbu kif imiss, imma l-Ispirtu stess jidħol għalina bit-talb tiegħu bi tnehid i ma jistax jitfisser bil-kliem; u Alla, li l-ħarsa tiegħu tinfed il-qlub, jaf x’inhi x-xewqa tal-Ispirtu.  (Rum 8, 26-27).  Jekk ħaddieħor qed jaħseb ħażin fik, tinkwetax!  L-Ispirtu ta’ Alla, l-Ispirtu tal-Imħabba jafek iktar milli jafek ħaddieħor, iktar milli int taf lilek innifsek, u Hu ma jiġġudikakx, anzi jiskużak, jiddefendik, jifhmek, jidħol għalik, qed jitlob għalik bħalissa. 

 

Hu veru li fina lkoll hemm is-sikrana miżrugħa mill-Gidba qerrieda.  Il-ħażin jikber malajr, waqt li t-tajjeb jikber bil-mod.  Imma fl-aħħar is-sewwa dejjem jirbaħ.  Din hi l-garanzija ħelwa li jagħtina Alla.  Hu se jaħraq is-sikrana ta’ ġo fina bil-mod il-mod, bla għaġla u bla vjolenza għax hu manswet u teneru magħna.  Imbagħad jasal iż-żmien li jqaxxar kollox.  “Imbagħad il-ġusti jsiru jiddu bħax-xemx fis-Saltna ta’ Missierhom!”  (Mt. 13, 43).

 

Il-Liturġija tal-Kelma tal-lum.

 

Qari I

Inti tagħti lill-midinbin żmien għall-indiema.

Għerf 12, 13.16-19

 

Qari mill-Ktieb tal-Għerf

 

M’hemmx Alla ieħor ħliefek, li jieħu ħsieb kollox

biex ikollok turih li ma qtajtx il-ħaqq ħażin.

Għax is-setgħa tiegħek hi l-għajn tal-ġustizzja,

u, għax int Sid ta’ kollox, lil kulħadd tagħder.

Int turi saħħtek ma’ min ma jemminx fil-kobor ta’ setegħtek:

u trażżan ’il dawk li, għalkemm jafuha,

iqumu kontriha.

Għax sid il-qawwa, int tagħmel il-ħaqq bil-ħniena;

lilna tmexxina bi tjieba kbira.

Għalkemm għandek is-setgħa, issibha wkoll meta tridha.

 

B’dan l-għemil int għallimt lill-poplu tiegħek,

li l-ġust għandu jkun twajjeb.

Din hi t-tama sabiħa li inti tajt lil uliedek,

li inti tagħti żmien għall-indiema ta’ dnubiethom.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 85 (86), 5-6.9-10.15-16a

 

R/. (5a): Mulej, inti twajjeb u taħfer

 

Int, Sidi, twajjeb u taħfer,

kollok tjieba għal kull min isejjaħlek.

Agħti widen, Mulej, għat-talba tiegħi,

isma’ l-leħen tal-ilfiq tiegħi. R/.

 

Il-ġnus kollha, li għamilt, jiġu jinxteħtu quddiemek,

u jsebbħu ismek, Sidi.

Għax kbir int, u għemejjel tal-għaġeb tagħmel;

int waħdek Alla! R/.

 

Int, Alla Sidi, ħanin u twajjeb,

iddum biex tagħdab, kollok tjieba u fedeltà.

Ħares lejja u ħenn għalija,

agħti qawwa lill-qaddej tiegħek. R/.

 

Qari II

L-Ispirtu stess jidħol għalina.

Rum 8, 26-27

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani

 

Ħuti, l-Ispirtu, min-naħa tiegħu, jgħinna fin-nuqqas ta’ ħila tagħna. Għax aħna anqas biss nafu nitolbu kif imiss, imma l-Ispirtu stess jidħol għalina bit-talb tiegħu bi tnehid li ma jistax jitfisser bil-kliem; u Alla, li l-ħarsa tiegħu tinfed il-qlub, jaf x’inhi x-xewqa tal-Ispirtu; bit-talb tiegħu jidħol għall-qaddisin skond ma jrid Alla.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

ara Mt 11, 25

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Infaħħrek, Missier, Sid is-sema u l-art,

għax inti dawn il-ħwejjeġ tas-saltna wrejthom liċ-ċkejknin.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Erħulhom jikbru t-tnejn flimkien.

Mt 13, 24-43

 

Qari mill-Evanġelju skond San Mattew

 

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lin-nies din il-parabbola: Is-saltna tas-Smewwiet tixbah lil wieħed raġel li żara’ żerriegħa tajba fl-għalqa tiegħu. Iżda xħin in-nies kienu reqdin, ġie l-għadu tiegħu, żara’ s-sikrana qalb il-qamħ u telaq. Meta mbagħad il-qamħ nibet u ħareġ is-sbul, tfaċċat ukoll is-sikrana. Resqu l-qaddejja fuq sid l-għalqa u qalulu: “Sinjur, int mhux żerriegħa tajba żrajt fl-għalqa tiegħek? Mela dis-sikrana mnejn ġiet?”.

 

Iżda hu qalilhom: “Dil-biċċa għamilhieli xi għadu tiegħi”. “Tridx immorru niġbruha?”qalulu l-qaddejja. “Le, qalilhom, għax intom u tiġbru s-sikrana għandkom mnejn taqilgħu magħha l-qamħ ukoll. Erħulhom jikbru t-tnejn flimkien sal-ħsad; meta mbagħad jasal il-ħsad, ngħid lill-ħassada: Iġbru s-sikrana l-ewwel, u orbtuha qatta qatta għall-ħruq, imbagħad qiegħdu l-qamħ fil-maħżen tiegħi””.

 

Ġibilhom parabbola oħra u qalilhom: “Is-Saltna tas-Smewwiet tixbah lil żerriegħa tal-mustarda li wieħed raġel ikun qabad u żeragħha fl-għalqa tiegħu. Hija tabilħaqq l-iżgħar waħda fost iż-żrieragħ kollha, iżda meta tikber, tkun l-akbar waħda fost il-ħxejjex u ssir siġra, hekk li l-għasafar tal-ajru jiġu jbejtu fil-friegħi tagħha”.

 

Qalilhom parabbola oħra: “Is-Saltna tas-Smewwiet tixbah lil ftit ħmira li waħda mara tkun qabdet u ħalltet ma’ tliet sigħan dqiq sa ma tkun għoliet l-għaġna kollha”.

 

Dan kollu Ġesù qalu bil-parabboli lin-nies, u mingħajr xi parabbola ma kienx ikellimhom, biex hekk iseħħ dak li kien ingħad permezz tal-profeta, meta qal:

 

“Niftaħ fommi bil-parabboli,

nitkellem fuq ħwejjeġ moħbija

sa mit-twaqqif tad-dinja”.

 

Imbagħad ħalla n-nies u mar id-dar. Resqu lejh id-dixxipli tiegħu u qalulu: “Fissirhielna l-parabbola tas-sikrana fl-għalqa”. U weġibhom: “Dak li jiżra’ ż-żerriegħa t-tajba huwa Bin il-bniedem. L-għalqa hija d-dinja; iż-żerriegħa t-tajba huma wlied is-Saltna; is-sikrana huma wlied il-Ħażin, u l-għadu li żeragħha huwa x-Xitan. Il-ħsad ifisser tmiem id-dinja, u l-ħassada l-anġli. Mela bħalma s-sikrana jiġbruha u jaħarquha fin-nar, hekk isir fi tmiem id-dinja. Bin il-bniedem jibgħat l-anġli tiegħu, u huma jiġbru barra mis-Saltna tiegħu kull ma jġib it-tfixkil u kull min jagħmel il-ħażen, u jixħtuhom fil-ħuġġieġa tan-nar; hemmhekk ikum hemm il-biki u t-tgħażżiż tas-snien. Imbagħad il-ġusti jsiru jiddu bħax-xemx fis-Saltna ta’ Missierhom. Min għandu widnejn, ħa jisma!”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu

 

 
< Prev   Next >