Din hija il- Liturgija tas-Sittax il-Hadd matul is-sena ( 2020 ) bi hsibijiet min Joe Rapa .
Alla
ħalaq kollox sew u perfett. Hu ħalaq
kollox sew u perfett jiġifieri hu ħalaq kollx ĦIELES, u ma setax jagħmel mod
ieħor għax Alla hu Mħabba!
L-Imħabba (Alla) mhux veru li tista’ tagħmel kollox. Hemm ħwejjeġ li Alla ma jistax jagħmilhom
għax Hu Qaddis, Hu l-Imħabba, Hu l-Waħdieni ħieles mill-Mewt u l-biża’
tagħha. Alla ma jistax jidneb u lanqas
seta’ joħloq il-Mewt li hi l-frott tal-għażla ħażina (id-Dnub) tal-bniedem
maħluq ħieles.
Alla
hu l-uniku li jista’ jħobb sal-aħħar għax Hu biss mhux egoista, Hu biss jista’
jinagħta kollu kemm Hu u hu dan li għamel meta libes laħam bħal tagħna biex
ikun jista’ jmut bħala offerta li tpatti kompletament għad-“Dnub”
tal-bniedem. La hu dan kollu, u ħafna
iktar, Hu ma jistax jobgħod, ma jistax jivvendika ruħU kif nifhmu aħna, ma
jistax jinsa lil xi ħadd li ħalaq Hu.
Fuq
kollox meta ħalaq il-Ħolqien Hu kien qiegħed jinagħta totalment għax ħalaq
ħolqien ħieles li jagħżel li jħobbU lura jew li ma jħobbux. Jiġifieri anke meta kien qed jaqsam Imħabbtu
mal-Opra enormi li ħalaq, Hu kien qed jirriskja, u rriskja bis-serjetà. Għax ħaġa oħra li Alla ma setax jagħmel hu li
jipprogramma kollox biex jagħmel is-sewwa u s-sewwa biss. Imma b’hekk kien ikun qed joħloq robots flok
bnedmin, magna enormi flok natura ħajja u ħielsa. Dan kollu ma kienx ikun frott
l-Imħabba, imma frott egoiżmu ta’ Alla li ma riedx problemi u li ried li sseħħ
biss ir-rieda tiegħu, jiġri x’jiġri.
Anzi
l-Mulej kien jaf minn qabel li l-ħelsien li l-Imħabba bil-fors kellha tagħti
lill-bniedem kien se jissarraf f’ċaħda ta’ Alla u allejanza mal-Gidba. Għalhekk Hu ħaseb għal dan ukoll. Infatti Hu ħalaq kollox bi Kristu, fi Kristu
u għal Kristu. Kien jaf li kienet se
titniehda taqtiegħa enormi għal ruħ il-ħlejqa u l-ħolqien kollu li Hu kien iħobb
tant. Anzi, minn qabel il-Ħolqien
tad-dinja, Alla kellu f’moħħu l-avveniment ċentrali ta’ kollox li hu
l-Passjoni, il-Mewt u l-Qawmien ta’ Ibnu, il-Misteru sħiħ tal-Għid ta’
Kristu. Dan hu l-fus li fuqu jdur
il-ħolqien kollu u l-Istorja kollha. Din
hi r-rebħa l-kbira ta’ Alla, ir-rebħa tal-Imħabba, ir-rebħa fuq il-Gidba li jgħassret
il-bniedem mill-bidu.
Ma
nistgħux nirrelegaw dan kollu għal sempliċi “reliġjon”. Hu ferm ikbar minn hekk dan il-Misteru. Hu “il-kollox” tal-Istorja. L-Imħabba ġiet imsallba u maqtula minn dawk
stess li hi ħalqet u ħabbet, biex huma jgħixu għal dejjem waqt li tmut hi, bħal
ħaruf li jmur qalb l-ilpup biex jittiekel minnhom biex imut hu imma jgħixu
huma. Din hi l-Imħabba li l-ebda bniedem
ma jista’ jiġġenera minnu nnifsu. Dan hu
Alla! U dan il-Misteru jirrepeti ruħu
kuljum. Imħabba li tinqatel biex min
joqtolha jgħix biha!!
Ħafna
jistaqsu: Jekk Alla hu Mħabba għaliex jippermetti tant ħażen fid-dinja? Hu propju għax hu Mħabba u li ma setax ma
joħloqx bniedem ħieles fl-għażliet tiegħu li jeżisti dan kollu, saħansitra li
jeżisti l-Infern. L-Infern hu l-qagħda
tal-bniedem li anke jekk l-Imħabba inqatlet għalih, xorta jibqa’ jagħżel li ma
jħobbhiex. Hu Misteru. Hu biss fid-dawl tal-Fidi li wieħed jagħraf
li kollox hu Mħabba, u li kollox jispiċċa tajjeb għal kull min jiggranfa ma’
Kristu. L-Imħabba tibqa’ tħobb lil min
joqtolha sal-aħħar. Kristu ħabb lil Ġuda
sal-aħħar u ħadd ma jista’ jiġġudika t-tmiem tiegħu għax l-Imħabba hi Alla u hi
aqwa mill-Mewt, aqwa mid-Dnub, aqwa mill-Gidba, aqwa mill-għażliet ħżiena
tal-ħelsien li tana Hu.
Hu
għalhekk li aħna nonqsu bil-kbir u hu dnub serju meta niġġudikaw lil
ħaddieħor. Lil ħaddieħor Alla biss jafu;
Alla biss jaf it-taqtiegħa li għaddejja bejnU u bejn satana għal ruħu. Int x’taf fuq għajrek? Tara biss l-azzjonijiet li jidhru, imma
l-Imħabba tafu kollu kemm hu u tħobbu sal-Mewt fuq is-Salib. IL-Ktieb tal-Għerf lil Alla jgħidlu: “Għax int Sid ta’ kollox, lil kulħadd
tagħder.” (Għerf 12, 16).
Għal
kuntrarju, aħna rridu kieku naqilgħu is-sikrana u nitfgħuha għall-ħruq malajr
malajr. Temmnu intom li fil-fond hekk
kien jaħseb Hitler! Hekk kien jaħseb
Stalin! Hekk kien jaħseb Pol Pot! Hekk jaħsbu d-dittaturi qerrieda fl-Istorja
tad-dinja! Kollha l-istess. Kulħadd għandu l-ideja tiegħu ta’ x’inhu
tajjeb u ħażin u jridu jeqirdu, jeqirdu jeqirdu bi vjolenza enormi u flok
jeqirdu s-sikrana, jimmultiplikawha u jerġgħu jiżirgħu sikrana fuq sikrana...
Imma
f’dan it-taħwid kollu, fil-bniedem hemm xintilla ta’ dawl li ma ntefhiex. Hemm post f’kull wieħed minna li fih jidwi
leħen Alla, leħen l-Imħabba. Hu l-post
fejn l-Imħabba tiltaqa’ mal-Fidi u l-bniedem jiġbed nifs qawwi ’l ġewwa, nifs
ta’ Tama. San Pawl jgħidilna llum: L-Ispirtu, min-naħa tiegħu, jgħinna
fin-nuqqas ta’ ħila tagħna. Għax aħna
l-anqas biss nafu nitolbu kif imiss, imma l-Ispirtu stess jidħol għalina
bit-talb tiegħu bi tnehid i ma jistax jitfisser bil-kliem; u Alla, li l-ħarsa
tiegħu tinfed il-qlub, jaf x’inhi x-xewqa tal-Ispirtu. (Rum 8, 26-27). Jekk ħaddieħor qed jaħseb ħażin fik,
tinkwetax! L-Ispirtu ta’ Alla, l-Ispirtu
tal-Imħabba jafek iktar milli jafek ħaddieħor, iktar milli int taf lilek
innifsek, u Hu ma jiġġudikakx, anzi jiskużak, jiddefendik, jifhmek, jidħol
għalik, qed jitlob għalik bħalissa.
Hu
veru li fina lkoll hemm is-sikrana miżrugħa mill-Gidba qerrieda. Il-ħażin jikber malajr, waqt li t-tajjeb
jikber bil-mod. Imma fl-aħħar is-sewwa
dejjem jirbaħ. Din hi l-garanzija ħelwa
li jagħtina Alla. Hu se jaħraq is-sikrana
ta’ ġo fina bil-mod il-mod, bla għaġla u bla vjolenza għax hu manswet u teneru
magħna. Imbagħad jasal iż-żmien li
jqaxxar kollox. “Imbagħad il-ġusti jsiru jiddu bħax-xemx fis-Saltna ta’
Missierhom!” (Mt. 13, 43).
Il-Liturġija
tal-Kelma tal-lum.
Qari
I
Inti tagħti lill-midinbin żmien għall-indiema.
Għerf 12, 13.16-19
Qari mill-Ktieb
tal-Għerf
M’hemmx Alla ieħor ħliefek, li jieħu ħsieb
kollox
biex ikollok turih li ma qtajtx il-ħaqq ħażin.
Għax is-setgħa tiegħek hi l-għajn tal-ġustizzja,
u, għax int Sid ta’ kollox, lil kulħadd tagħder.
Int turi saħħtek ma’ min ma jemminx fil-kobor
ta’ setegħtek:
u trażżan ’il dawk li, għalkemm jafuha,
iqumu kontriha.
Għax sid il-qawwa, int tagħmel il-ħaqq
bil-ħniena;
lilna tmexxina bi tjieba kbira.
Għalkemm għandek is-setgħa, issibha wkoll meta
tridha.
B’dan l-għemil int għallimt lill-poplu tiegħek,
li l-ġust għandu jkun twajjeb.
Din hi t-tama sabiħa li inti tajt lil uliedek,
li inti tagħti żmien għall-indiema ta’
dnubiethom.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm
Responsorjali
Salm 85 (86), 5-6.9-10.15-16a
R/. (5a): Mulej, inti twajjeb u taħfer
Int, Sidi, twajjeb u taħfer,
kollok tjieba għal kull min isejjaħlek.
Agħti widen, Mulej, għat-talba tiegħi,
isma’ l-leħen tal-ilfiq tiegħi. R/.
Il-ġnus kollha, li għamilt, jiġu jinxteħtu
quddiemek,
u jsebbħu ismek, Sidi.
Għax kbir int, u għemejjel tal-għaġeb tagħmel;
int waħdek Alla! R/.
Int, Alla Sidi, ħanin u twajjeb,
iddum biex tagħdab, kollok tjieba u fedeltà.
Ħares lejja u ħenn għalija,
agħti qawwa lill-qaddej tiegħek. R/.
Qari
II
L-Ispirtu stess jidħol għalina.
Rum 8, 26-27
Qari mill-Ittra ta’ San
Pawl Appostlu lir-Rumani
Ħuti, l-Ispirtu, min-naħa tiegħu, jgħinna
fin-nuqqas ta’ ħila tagħna. Għax aħna anqas biss nafu nitolbu kif imiss, imma
l-Ispirtu stess jidħol għalina bit-talb tiegħu bi tnehid li ma jistax jitfisser
bil-kliem; u Alla, li l-ħarsa tiegħu tinfed il-qlub, jaf x’inhi x-xewqa
tal-Ispirtu; bit-talb tiegħu jidħol għall-qaddisin skond ma jrid Alla.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Akklamazzjoni
qabel l-Evanġelju
ara Mt 11, 25
Hallelujah. R/. Hallelujah
Infaħħrek, Missier, Sid is-sema u l-art,
għax inti dawn il-ħwejjeġ tas-saltna wrejthom
liċ-ċkejknin.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Erħulhom jikbru t-tnejn flimkien.
Mt 13, 24-43
Qari mill-Evanġelju
skond San Mattew
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lin-nies din
il-parabbola: “Is-saltna tas-Smewwiet tixbah lil wieħed raġel
li żara’ żerriegħa tajba fl-għalqa tiegħu. Iżda xħin in-nies kienu reqdin, ġie
l-għadu tiegħu, żara’ s-sikrana qalb il-qamħ u telaq. Meta mbagħad il-qamħ
nibet u ħareġ is-sbul, tfaċċat ukoll is-sikrana. Resqu l-qaddejja fuq sid
l-għalqa u qalulu: “Sinjur, int mhux żerriegħa tajba żrajt fl-għalqa tiegħek?
Mela dis-sikrana mnejn ġiet?”.
Iżda hu qalilhom: “Dil-biċċa għamilhieli xi
għadu tiegħi”. “Tridx immorru niġbruha?”, qalulu l-qaddejja. “Le, qalilhom, għax intom u
tiġbru s-sikrana għandkom mnejn taqilgħu magħha l-qamħ ukoll. Erħulhom jikbru
t-tnejn flimkien sal-ħsad; meta mbagħad jasal il-ħsad, ngħid lill-ħassada:
Iġbru s-sikrana l-ewwel, u orbtuha qatta qatta għall-ħruq, imbagħad qiegħdu
l-qamħ fil-maħżen tiegħi””.
Ġibilhom parabbola oħra u qalilhom: “Is-Saltna
tas-Smewwiet tixbah lil żerriegħa tal-mustarda li wieħed raġel ikun qabad u
żeragħha fl-għalqa tiegħu. Hija tabilħaqq l-iżgħar waħda fost iż-żrieragħ
kollha, iżda meta tikber, tkun l-akbar waħda fost il-ħxejjex u ssir siġra, hekk
li l-għasafar tal-ajru jiġu jbejtu fil-friegħi tagħha”.
Qalilhom parabbola oħra: “Is-Saltna tas-Smewwiet
tixbah lil ftit ħmira li waħda mara tkun qabdet u ħalltet ma’ tliet sigħan dqiq
sa ma tkun għoliet l-għaġna kollha”.
Dan kollu Ġesù qalu bil-parabboli lin-nies, u
mingħajr xi parabbola ma kienx ikellimhom, biex hekk iseħħ dak li kien ingħad
permezz tal-profeta, meta qal:
“Niftaħ fommi bil-parabboli,
nitkellem fuq ħwejjeġ moħbija
sa mit-twaqqif tad-dinja”.
Imbagħad ħalla n-nies u mar id-dar. Resqu lejh
id-dixxipli tiegħu u qalulu: “Fissirhielna l-parabbola tas-sikrana fl-għalqa”.
U weġibhom: “Dak li jiżra’ ż-żerriegħa t-tajba huwa Bin il-bniedem. L-għalqa
hija d-dinja; iż-żerriegħa t-tajba huma wlied is-Saltna; is-sikrana huma wlied
il-Ħażin, u l-għadu li żeragħha huwa x-Xitan. Il-ħsad ifisser tmiem id-dinja, u
l-ħassada l-anġli. Mela bħalma s-sikrana jiġbruha u jaħarquha fin-nar, hekk
isir fi tmiem id-dinja. Bin il-bniedem jibgħat l-anġli tiegħu, u huma jiġbru
barra mis-Saltna tiegħu kull ma jġib it-tfixkil u kull min jagħmel il-ħażen, u
jixħtuhom fil-ħuġġieġa tan-nar; hemmhekk ikum hemm il-biki u t-tgħażżiż
tas-snien. Imbagħad il-ġusti jsiru jiddu bħax-xemx fis-Saltna ta’ Missierhom.
Min għandu widnejn, ħa jisma!”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu
|