Monday, 19 October 2020
           
Home arrow Home
IT-TMINTAX-IL HADD MATUL IS-SENA (2020) MIN SE JTAFFILEK IL-GUH LI GHANDEK? PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 01 August 2020

Din hija il- Liturgija tat-Tmintax il-Hadd matul is-sena ( 2020 ) bi hsibijiet min Joe Rapa.

5hobziet_u2_hutiet.jpg

 

Il-Fidi fil-Mulej Ġesù rebbieħ fuq il-Mewt, fuq il-Mewt tiegħi u tiegħek, mhix xi dmir li Alla jesiġi minna, mhix xi ħaġa li l-bniedem “suppost” jirregala lil Alla għax min jaf x’jista’ jiġrilu.  Ir-relazzjoni tagħna mal-Mulej ma jistax ikun li tibqa’ mibnija fuq drawwiet, kultura, “għax hekk mgħalllmin”.  Alla m’għandux bżonn l-isforzi miskina tiegħi, il-bżonn li jien għandi li niffirma kuljum ċetifikat ta’ kondotta tajba billi nagħmel xi ħaġa li naħseb li Alla għandu bżonnha.  Saħansitra, Alla lanqas għandu bżonn li jien inkun “tajjeb” biex iħobbni u jgħinni fit-tagħbija ta’ kuljum.  Dawn l-affarijiet, dawn l-imbuttaturi mhumiex “Fidi” anke jekk ħafna jaħsbu li huma hekk.  Dawn huma “reliġjożità naturali”, il-bżonn tal-bniedem li jipprova jogħġob lil Alla biex jimpressjonah, jagħmlu ħabib tiegħu u jġibu favur tiegħu biex jagħtih dak kollu li għandu bżonn għal din il-Ħajja ta’ hawn.

 

Lil dan il-bniedem ma tantx jinteressah li jkolli intimità ma’ Alla.  Jinteressah biss li hawn ma jbatix, ma jismax b’aħbarijiet ħżiena u li ma jmurx jintilef  jekk, “għalli jista’ jkun”, hemm Ħajja oħra wara din.  Meta jidher is-Salib fil-Ħajja tiegħu, jarma jgerger kemm jiflaħ u ma jistax jifhem x’għamel ħażin biex kien jistħoqqlu dan.  Meta ma nirċevux “il-paga” mingħand Alla, kif igħid San Pawl, għall-isforzi u s-sagrifiċċji tagħna, nitħawdu għall-aħħar u narmaw ngħiru għal dawk li ma jagħtux kas ta’ Alla u, Alla jbierek, mhumiex mgħobbija daqsna. 

Hemm bżonn li jien u int niskopru xi ħaġa ġdida fil-Ħajja tagħna!  Dehra ġdida ta’ Alla li twettaq rivoluzzjoni mentali u fil-qalb.  Hemm bżonn li nġarrbu l-esperjenza stupenda tal-Vanġelu tal-Ħadd li għadda, u li tant nies ġarrbuha, li nsibu t-Teżor li hu Kristu, mirdum ġewwa fina taħt tant terrapien ta’ preġudizzji, idoli, tamiet fiergħa u tħajjir tan-natura.  Alla  mhux Xi Ħadd li trid tissodisfaH, imma hu Xi Ħadd li jrid jagħtik, jagħtik, u jibqa’ jagħtik!

 

Ngħiduha kif inhi, aħna għandna ġuħ ġewwa fina li twelidna bih.  Fl-aħħar mill-aħħar ħadd mhu aħjar minn ħadd f’din il-ħaġa.  Dan hu ġuħ li ma xxebbgħux bl-affarijiet li tixtri, lanqas b’kemm għandek fama, lanqas b’kemm int b’saħħtek, lanqas b’kemm għandek affetti u b’kemm għamilt suċċessi u għolejt fil-ħajja.  Dawn huma kollha affarijiet tajbin imma nitolbu minnhom dak li ma jistgħux jagħtuna.  Meta dawn ifallu, nduru għad-dnub għax l-egoiżmu tagħna li hu mnissel minn dan il-ġuħ misterjuż li jnawwar fina, jimbuttana lejn l-inġustizzja, is-serq, il-qerq, iż-żina, l-għira għall-proxxmu, l-piki.

 

Kemm drabi  ngħidu: “Imma dan x’jonqsu?  Għandu kollox u dejjem irid iktar, dejjem igerger, m’għandux xaba’!”  Dan nistgħu ngħiduh għalina nfusna wkoll...  L-għaref hu dak il-bniedem li d-dinja għallmitu, mill-esperjenza, li qalb il-bniedem hi ikbar mill-univers.  Dan hu l-misteru tal-bniedem maħluq xbiha ta’ Alla.  Hemm vojt fina li għandu sura ta’ Xi Ħadd u hu biss din ix-Xi Ħadd li kapaċi jimlih eżatt.  Santu Wistin jgħid: “Alla ħalaqna għaliH u ma nsibux mistrieħ jekk mhux fiH.”

 

Alla niżel jgħammar fostna fil-persuna ta’ Ġesù ta’ Nazaret biex nagħrfuh u niskopru fiH l-ikel li waħdu kapaċi jaqta’ l-ġuħ għas-sens tal-Ħajjja.  Fi Kristu biss tinsab il-milja tal-Ħajja.  Huwa Hu l-Waħdieni li rebaħ il-Mewt li toqtolna bil-ġuħ għal Ħajja li ma tintemmx.  Hu huwa l-għana li ħadd ma jista’ jisraqulna la b’dak li jgħidulna, lanqas b’dak li jagħmlulna.  Meta l-bniedem iħalli lil Kristu jiġi għandu, mill-ewwel jinduna kemm kien baħnan meta kien jaħseb li Alla hu Xi Ħadd li jesiġi li dejjem irid, li jiġġudika, li jikkastiga, li jtaqqal il-Ħajja, li ma jridx li int tiftaħ moħħok...  Min jiskopri lil Kristu jimtela b’ansjetà u xewqa kbira li jaqsam dak li rċieva mal-oħrajn li għadhom imdallma u bil-ġuħ kif kien hu stess qabel.  Din hi l-qabża li, bħala Knisja għandna bżonn nagħmlu flimkien, qabża minn reliġjożità naturali, egoista u iebsa, għal relazzjoni ta’ Mħabba, ta’ skoperta, ta’ ntimità, ta’ Fidi li tiċċaralek li  kollox hu rigal, anke s-Salib.

 

Imma l-iskoperta l-kbira hu l-Misteru tal-Għid.  Alla  niżel hawn fi Kristu Ġesù biex iterraq lejn Mewt kiefra, jidħol fiha, jaqsamha u jirbħilha biex juri lil dawk li jemmnu fiH li l-Mewt hi Gidba, li l-Imħabba hi akbar, li l-ispirtu li Alla ta  lill-bniedem meta ħabbu u ħalqu ma jistax joqtlu satana bl-għira tiegħu.  L-Imħabba ta’ Alla murija fi Kristu Ġesù hi ikbar mill-għira tax-xjaten kollha.  Hu jgħidilna: “Intom li bikom l-għatx, ejjew għall-ilma; intom ukoll li m’għandkomx flus.  Ejjew, ixtru u kulu b’xejn, inbid u ħalib bla ħlas. Għaliex taħlu fluskom f’dak li mhuwiex hobż, u ġidkom f’dak li ma jxebbax?  Isimgħu minni u tieklu tajjeb u ruħkom titpaxxa b’ikel bnin.”  (Is. 55, 1-2).  Hu saħansitra jitbaxxa billi jitkarrab biex nagħtuh widen!!  Hu qed joffri dan kollu anke lil dawk li “m’għandhomx flus”, jiġifieri li assolutament ma għandhomx x’jagħtu lil Alla... anzi jindunaw li dak li mingħalihom kienu jagħtuH ma kienx ħlief karfa, knis.  Kristu jrid jagħtina kollox b’xejn, imma aħna rridu naċċettawh, nilqgħuh, inħaddnu dak li jrid jagħtina, għax l-Imħabba ma tisforza lil ħadd.

 

Għajnejn kulħadd fik jittamaw Mulej, u inti f’waqthom tagħtihom jieklu: int tiftaħ idek, u ttaffi x-xewqa ta’ kull min igħix.  (S. 145, 15-16).  L-ikel ta’ Alla hu l-Imħabba.  Il-bniedem jgħix bl-Imħabba.  Min ifittex il-milja x’imkien ieħor imut bil-ġuħ.  Il-Knisja tqassam dan l-ikel bil-Kelma jew bis-Sagramenti.  Imma lil Alla ħadd ma jista’ jżommu milli jiġi jżurek fl-Istorja tiegħek.  Kull bniedem jgħaddi minn dawn il-waqtiet għax kull bniedem hu mportanti mmens għal Alla.  Għalhekk San Pawl igħid xi ħaġa meraviljuża: Min se jifridna mill-imħabba ta’ Kristu?  (Rum. 8, 34).  Meta l-Istorja hi sewda għidha f’qalbek u rrepetiha: Min se jifridni mill-Imħabba ta’ Kristu?  Meta qalbek tħabbat sitta sitta quddiem xi aħbar li riesqa: Min se jifridni mill-Imħabba ta’ Kristu?  Inkwiet fil-familja?  Min se  jifridni mill-Imħabba ta’ Kristu?  Meta xagħrek jibda jibjad u tħoss l-umiljazzjoni tal-bżonn tal-oħrajn għal kollox: Min se jifridni mill-Imħabba ta’ Kristu?  Saħansitra meta l-għaraq tħossu kiesaħ ma’ wiċċek u tħossok se terħi l-ħabel tal-ħajja u tintelaq fil-baħħ, għidha anke bl-aħħar nifs tiegħek: Min se jifridni mill-Imħabba ta’ Kristu?!

 

Għax Kristu ġie magħmul mill-Missier bħala Dak li jitma’ lin-nies bl-ikel li tassew ixabba’.  Ħafna jieklu l-ġandar.  Imma kemm se jdumu jieklu ġandar?  Jasal il-jum meta jagħtu daqqa ta’ sieq lil kollox u jduru lejn Dak li waħdu jagħlaq u jsodd il-ħofra tal-vojt ta’ ġo fihom.  Għax jien żgur li la l-mewt u la l-ħajja, la l-anġli u la l-qawwiet, la ż-żmien ta’ issa u la ta’ li ġej, la setgħat la l-għoli u lanqas  il-fond, u ebdfa ħliqa oħra ma jistgħu qatt jifirduna mill-imħabba ta’ Alla li dehret fi Kristu Ġesù Sidna.  (Rum. 8, 38-39). 

 

Il-Liturġija tal-Kelma tal-lum:

 

Qari I

Isimgħu minni u tieklu tajjeb.

Is 55, 1-3

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija

 

Dan jgħid il-Mulej:

Intom li bikom l-għatx, ejjew għall-ilma,

intom ukoll li m’għandkomx flus.

Ejjew, ixtru u kulu b’xejn,

inbid u ħalib bla ħlas.

Għaliex taħlu fluskom f’dak li mhuwiex ħobż,

u ġidkom f’dak li ma jxebbax?

Isimgħu minni, u tieklu tajjeb,

u ruħkom titpaxxa b’ikel bnin.

Agħtuni widen u ersqu lejja,

isimgħu u tieħdu r-ruħ.

Nagħmel patt magħkom għal dejjem,

biex iseħħu l-favuri mwiegħda lil David”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 144 (145), 8-9.15-16.17-18

 

R/. (ara 16): Mulej, inti ttaffi x-xewqat tagħna.

 

Twajjeb u ħanin il-Mulej,

idum biex jagħdab u kollu tjieba.

Twajjeb ma’ kulħadd il-Mulej,

tjubitu fuq kull ma għamel. R/.

 

Għajnejn kulħadd iħarsu lejk, Mulej,

u inti tagħtihom l-ikel f’waqtu.

Int tiftaħ idek,

u xxabba’ ’l kulħadd bil-ġid. R/.

 

Ġust il-Mulej fl-imġiba tiegħu kollha,

twajjeb f’dak kollu li għamel.

Qrib il-Mulej lejn kull min isejjaħlu,

lejn kull min isejjaħlu fis-sewwa. R/.

 

Qari II

Xejn ma jista’ jifridna mill-imħabba ta’ Alla li dehret fi Kristu Ġesù Sidna.

Rum 8, 35.37-39

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani

 

Ħuti, min se jifridna mill-imħabba ta’ Kristu? It-taħbit, id-dwejjaq, il-persekuzzjoni, il-ġuħ, l-għera, it-tiġrib, ix-xabla? Imma f’dan kollu aħna aktar minn rebbieħa bis-saħħa ta’ dak li ħabbna. Għax jiena żgur li la l-mewt u la l-ħajja, la l-anġli u la l-qawwiet, la ż-żmien t’issa u la ta’ li ġej, la setgħat, la l-għoli u lanqas il-fond, u ebda ħliqa oħra ma jistgħu qatt jifirduna mill-imħabba ta’ Alla li dehret fi Kristu Ġesù Sidna.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Mt 4, 4b

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Il-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix,

iżda b’kull kelma li toħroġ minn fomm Alla.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Kulħadd kiel u xaba’.

Mt 14, 13-21

 

Qari mill-Evanġelju skond San Mattew

 

F’dak iż-żmien, meta sama’ l-aħbar tal-mewt ta’ Ġwanni l-Battista, Ġesù telaq minn hemm bid-dgħajsa u mar waħdu f’post imwarrab. Imma n-nies semgħu fejn mar, u telqu warajh bil-mixi mill-ibliet.

 

Xħin niżel l-art mid-dgħajsa ra kotra kbira ta’ nies u tħassarhom, u fejqilhom il-morda tagħhom.

 

Xħin sar filgħaxija d-dixxipli tiegħu resqu lejh u qalulu: “Dan post imwarrab, u l-ħin għamel sewwa. Ibgħathom lin-nies, ħa jmorru fl-irħula jixtru x’jieklu”. Imma Ġesù qalilhom: “Ma għandhomx għalfejn imorru; agħtuhom intom x’jieklu”. U huma qalulu: “Hawn ma għandniex ħlief ħames ħobżiet u żewġ ħutiet”.

 

Ġibuhomli hawn”, qalilhom. Imbagħad ordna lin-nies biex joqogħdu bilqiegħda fuq il-ħaxix; ħa l-ħames ħobżiet u ż-żewġ ħutiet, rafa’ għajnejh lejn is-sema, bierek, qasam il-ħobżiet u tahom lid-dixxipli, u d-dixxipli newluhom lin-nies.

 

U kulħadd kiel u xaba’, u ġabru l-bċejjeċ li kien fadal u mlew bihom tnax-il qoffa. U kienu madwar ħamest elef raġel dawk li kielu, barra n-nisa u t-tfal.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu

Last Updated ( Saturday, 01 August 2020 )
 
< Prev   Next >