Tuesday, 22 September 2020
           
Home
ID-DSATAX-IL HADD MATUL IS-SENA (2020) FEJN HEMM IL-HAJJA HEMM IT-TAHBIT PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 08 August 2020

Din hija il- Liturgija tad-Dsatax il-Hadd matul is-sena ( 2020 ) bi hsibijiet min Joe Rapa.

gesu_fuq_il_bahar.jpg

 

In-Nisrani huwa dak li jħobb lil Ġesù.  Iħobbu b’qalbu kollha u fuq kulħadd għax jaf minn xhiex ħelsu l-Mulej.  Jaf fejn kien, f’liema jasar, f’liema dieqa u solitudni ta’ Ħajja bla Alla u jaf kemm hu kbir l-għana li rċieva permezz ta’ Dak li ta Ħajtu għalih u li ħabbu Hu l-ewwel meta kien għadu tiegħU.  In-Nisrani hu dak li jaf li l-merti tiegħu huma tassew fqar u msejkna iżda hu ġie mlibbes merti eterni u bla qjies li kiseb għalih Kristu bl-ubbidjenza tiegħu fuq is-Salib.  Hija din l-Imħabba gratis u mhix mistħoqqa li tagħmel min-Nisrani bniedem innamrat.

 

Għax in-Nisrani veru mhux Nisrani għax biss ġie mgħammed.  Mhux Nisrani għax twieled f’pajjiż Nisrani.  Mhux Nisrani għax hu parti minn soċjetà li għandha kultura Nisranija.  Mhux Nisrani għax trabba u kiber fi drawwiet, festi u ċikli li jkellmuh dwar tagħrif Nisrani.  Huwa Nisrani għax ġie sorpriż, maħsud mill-Imħabba ta’ Kristu għalih.  Din l-Imħabba ma baqgħetx teorija, tagħlim, kważi, kważi “brainwashing”, imma saret realtà enormi bi Grazzja li hu biss jaf kif irċeviha, kif ġiet għandu, kif ħasditu u bidlitu.  Mhix ċajta din li qed nitkellmu fuqha!  In-Nisrani hu dak li għandu l-Mewt tiegħu maqsuma, maqtula, mikxufa bħala gidba għax hu ġie mdawwal bid-Dawl ta’ Kristu permezz tal-Ispirtu s-Santu. 

Dan hu l-ikbar għana li jista’ jakkwista l-bniedem.  Fih tkun seħħet fil-milja tagħha l-Magħmudija, għax tassew ikun ġara li l-bniedem il-qadim, il-bniedem naturali li bih nitwieldu lkoll, ġie mgħarraq fl-ilmijiet tal-Ispirtu s-Santu.  Kristu qatilulu biex minflok tnissel fih bniedem ieħor, natura oħra, xbieha ta’ Kristu nnifsu.  In-Nisrani jiskopri li dak li qabel kien impossibbli li jagħmlu, issa sar naturali, skont in-natura ġdida li nagħta.  Kif igħid San Ċiprijanu: “Dak li qabel kien impossibbli għalija, issa sar possibbli!”  Dak li qabel kien idarsu, idejqu u jarah bħala kmandament tqil u iebes, issa sar jattirah, jixtiequ, jagħraf li hemm biss tinsab il-Ħajja.

 

San Ġwann l-Evanġelista għandu Kliem meraviljuż li bih jiddiskrivi din il-bidla li j’Alla aħna lkoll nixtiquha.  Hu jgħid li n-Nisrani huwa mwieled minn Alla (1 Ġw. 5, 18).  Meta aħna twelidna  mill-ġenituri tagħna, aħna inagħtajna n-natura tagħhom, imma meta jseħħ il-proċess ta’ bidla permezz tal-Magħmudija tagħna, aħna nitwieldu minn Alla u nirċievu n-natura tiegħU. Hija din in-natura li tagħmilha possibbli għalina li aħna ngħixu b’mod differenti  mill-pagani u nkunu reklam għal Kristu u nħajru lill-oħrajn jixxennqu għaliH għax jibdew  jarawna tassew Ħajjin, nies li sabu affarijiet li huma fittxew kullimkien, anke fid-dnub, bla ma sabuhom.  Għalhekk Ġwanni jkompli jgħid li “kull min jemmen li Ġesù hu l-Messija hu mwieled minn Alla” (1 Ġw. 5, 1) u li għal dan il-bniedem “il-kmandamenti mhumiex tqal għax kull min hu mwieled minn Alla jegħleb lid-dinja.”  (1 Ġw. 5, 3-4). 

 

Altru li Kristu ma jridx li jeħdilna xi ħaġa.  Ħafna jibżgħu jimxu warajH għax jissuspettaw li l-Mulej se jċaħħadhom minn dak li jferraħhom.  Għax ma nagħtux ħarsu madwarna u b’sinċerità nammettu li barra minn Kristu dejjem ġarrabna tensjoni, tħassib, xewqat li ddiżappuntawna, ferħ irħis li malajr jgħaddi, dejjem ittallabna l-affetti ta’ ħaddieħor imma ħaddieħor ħabbna biss meta għoġobnieh. X’hemm barra minn Kristu?  Ngħidlek jien: id-dinja hi tellieqa u minn mhux fuq tiegħu jispiċċa jaqa’ lejn l-aħħar u jiġi mwarrab u tellief.  “No time for losers!” tkanta d-dinja li aħna nippreferuha minn Kristu!

 

Kristu hu l-waħdieni li lilek iħobbok anke meta int għadu tiegħu!  Imma din trid tiskopriha bis-serjetà, tiskopriha int mhux għax jgħidhielek ħaddieħor.  Ix-xhieda li tisma’ dwar Ġesù hi mportanti, imma int għandek bżonn tiskopri għalik li tassew li fi Kristu biss hemm il-Ħajja, fiH biss hemm l-Imħabba għalik hekk kif int, anke meta m’intix “bravu”.  Hu biss jiġi maġenbek fil-mumenti suwed meta inti waħdek u jagħtik esperjenza ta’ faraġ li tibqa’ tiftakarha Ħajtek kollha.

 

Minn dan irid jgħaddi l-bniedem biex tassew ikun Nisrani u ma jibqax sempliċi “reliġjuż” dilettant tal-“Knisja”.  Dan hu l-bniedem li ma jibqax jikkalkula quddiem il-bżonn li jiddefendi l-Isem tal-Mulej tiegħu. Imma noqogħdu attenti: Kristu mhux bħad-dinja.  Ma jigdiblekx!  Ma jgeżwirx ir-rigal tiegħu f’wrapping paper li kultant tiswa iktar mir-rigal.  Hu jgħidilna: “Fid-dinja tbatu jkollkom, imma agħmlu l-qalb, jiena rbaħtha d-dinja!”  (Ġw. 16, 33).  Mhix Ħajja paxxuta din li qed iwegħedna.  Kristu mhux bħas-saħħar ta’ Aladdin li kien joħroġ mil-lampa kull meta jħokkha u jgħidlu: “X’jonqsok, sinjur?”   Kristu jgħidlek: “Min ma jerfax salibu u jimxi warajja ma jistax ikun dixxiplu tiegħi.”  (Lq. 14, 27).   Kulħadd b’xi salib f’din id-dinja marida, min jemmen u min ma jemminx, pagan jew Nisrani.  Id-differenza hi fl-atteġġjament.  Min jiġġieled lis-salib, is-salib jgħaffġu.  Min jerfgħu, jiħfieflu.  Hawn jinsab is-sigriet tal-Ħajja.

 

U jgħid ukoll: “Għaddu mill-bieb id-dejjaq.  Għax wiesa’ l-bieb u spazjuża t-triq li tieħu għat-telfien, u ħafna huma li jgħaddu minnha.  Imma kemm huwa dejjaq il-bieb u dejqa t-triq li tieħu għall-ħajja, u ftit huma li jsibuha!”  (Mt. 7, 13-14).  Imma hawn jinbet Misteru.  Għadni ma rajtx wieħed li għażel it-triq il-wiesa’ u hu kuntent iktar minn ieħor li għażel id-dejqa!  X’kuntradizzjoni, hux?  Fit-triq il-wiesa’ hemm il-piki, l-għira għas-suċċess ta’ ħaddieħor, il-mibegħda għal min iġagħlek titħasseb, nuqqas ta’ sigurtà, vojt li ma jista’ jimtela’ b’xejn tant li min għandu ħafna dejjem irid iktar, iktar, iktar!

 

Fit-triq l-oħra hemm is-serħan tal-moħħ, is-sliem, għana ġewwieni li ma jista’ jmissulek ħadd u li jfejqek mill-egoiżmu, xewqa li tgħin lil ħaddieħor u mhux timpika miegħu.  Dan qed ngħiduh illum għax il-Kelma tal-Liturġija Ewkaristika ta’ dan il-Ħadd tkellimna ħafna fuq it-taħbit u t-tbatija li niltaqgħu magħhom f’did-dinja, imma li jiltaqa’ magħhom ukoll in-Nisrani.  Għax, imbagħad, hemm tbatijiet li huma partikulari għal dawk li huma ta’ Alla.  Il-persekuzzjoni, per eżempju.  Elija jaħrab mill-Istat li kien ifittxu għax ma riedx joqgħod għall-kultura dominanti ta’ żmienu.  Pawlu kien kburi li kien Lhudi imma qalbu kienet dejjem magħfusa għax meta Iżrael ra lill-Messija li kien ilu tant jistenna, ma għarfux anzi ħaseb li kien midgħi.  In-Nisrani jgħaddi minn ħafna fallimenti!  U hemm ukoll l-iljieli mdallma tal-Fidi.  L-Appostli kienu jinqdew bi Kristu biex jikbru u jintefħu, bħal meta tema’ ħafna iktar minn ħamest’ elef ruħ, imma ftit wara, quddiem il-maltemp fuq il-baħar, xbieha tal-Mewt li tiddominana, huma twerwru u ma kellhomx Fidi fuqhiex iserrħu.

 

Il-Liturġija tal-Kelma tal-lum.

 

Qari I

Oqgħod fuq il-muntanja quddiem il-Mulej.

1 Slat 19, 9a.11-13a

 

Qari mill-Ewwel Ktieb tas-Slaten

 

F’dak iż-żmien: Elija wasal fil-Ħoreb, il-muntanja tal-Mulej. Hemmhekk daħal fl-għar u għadda l-lejl ġo fih. U Alla qallu: “Oħroġ, u oqgħod fuq il-muntanja quddiem il-Mulej”. U ara, il-Mulej għadda. Riħ qawwi, b’saħħa li jofroq il-muntanji u jfarrak il-blat, għadda quddiem il-Mulej; imma l-Mulej ma kienx f’dan ir-riħ. U wara dan ir-riħ theżhżet l-art imma l-Mulej ma kienx f’din it-theżhiża. U wara t-theżhiża kien hemm in-nar, imma l-Mulej ma kienx fin-nar. Wara n-nar inħasset żiffa ħelwa. Elija, kif ħassha, għatta wiċċu bil-mantell, ħareġ barra, u waqaf f’bieb l-għar.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 84 (85), 9ab-10.11-12.13-14

 

R/. (8): Uri lilna, Mulej, it-tjieba tiegħek

 

Ħa nisma’ xi jgħid Alla;

il-Mulej is-sliem ixandar,

għall-poplu u l-ħbieb tiegħu.

Qrib hi tassew is-salvazzjoni tiegħu

għal dawk li jibżgħu minnu,

biex jgħammar is-sebħ f’artna. R/.

 

It-tjieba u l-fedeltà jiltaqgħu,

il-ġustizzja u s-sliem jitbewsu.

Il-fedeltà mill-art tinbet,

u l-ġustizzja mis-sema tixref. R/.

 

Il-Mulej ukoll jagħti l-ġid tiegħu,

u artna tagħti l-frott tagħha.

Il-ġustizzja quddiemu timxi,

u s-sliem fuq il-passi tiegħu. R/.

 

Qari II

Nixtieq li jiena nnifsi kont maqtugħ minn Kristu minħabba f’ħuti.

Rum 9, 1-5

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani

 

Ħuti, ngħidilkom is-sewwa fi Kristu, m’iniex nigdeb, tixhidli l-istess kuxjenza tiegħi fl-Ispirtu s-Santu, li jiena mnikket għall-aħħar, u dejjem qalbi maqsuma; nixtieq li kont jiena stess maqtugħ minn Kristu minħabba f’ħuti, nies ġensi skond il-ġisem: l-Iżraelin.

 

Tagħhom hija l-adozzjoni ta’ wlied Alla u l-glorja, il-pattijiet u l-Liġi, il-liturġija u l-wegħdiet, tagħhom huma l-patrijarki; u kien minnhom li, skond il-ġisem, ħareġ Kristu, li hu fuq kollox, Alla mbierek għal dejjem ta’ dejjem. Amen!

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Salm 129 (130), 5

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Jien lill-Mulej nistenna,

ruħi f’kelmtu tittama.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Ordnali niġi ħdejk fuq l-ilma.

Mt 14, 22-33

 

Qari mill-Evanġelju skond San Mattew

 

Wara lin-nies kielu u xebgħu, Ġesù minnufih ġiegħel lid-dixxipli jitilgħu fuq id-dgħajsa u jmorru qablu x-xatt l-ieħor, sakemm jibgħat lin-nies. Wara li bagħat lin-nies, tela’ waħdu fuq l-għoljiet biex jitlob. Xħin sar filgħaxija kien għadu hemm fuq, waħdu.

 

Id-dgħajsa kienet diġa’ f’nofs il-baħar titħabat mal-mewġ, għax kellhom ir-riħ kontra tagħhom. Fir-raba’ sahra tal-lejl mar lejn in-naħa tagħhom miexi fuq il-baħar. Huma rawh miexi fuq il-baħar u twerwru. “Dan xi fantażma!”. qalu; u qabdu jgħajtu bil-biża’. Iżda hu minnufih kellimhom u qalilhom: “Agħmlu l-qalb, jien hu, tibżgħu xejn!”. Wieġeb Pietru u qallu: “Mulej, jekk huwa int, ordnali niġi ħdejk fuq l-ilma”. Ejja”, qallu Ġesù. Pietru niżel mid-dgħajsa, u qabad jimxi fuq l-ilma u jersaq lejn Ġesù. Iżda meta ra li r-riħ kien qawwi, baża’, ħabat jegħreq, u beda jgħajjat u jgħid: “Salvani, Mulej!”. Malajr Ġesù medd idu u qabdu: “Bniedem ta’ fidi żgħira”, qallu, “għaliex iddubitajt?”.

 

Meta mbagħad it-tnejn telgħu fid-dgħajsa, ir-riħ waqaf. Dawk li kienu fid-dgħajsa nxteħtu jqimuh u qalulu: “Tassew, int Bin Alla!”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu

 
< Prev   Next >