Din hija il- Liturgija ta' L-Ghoxrin Hadd matul is-sena ( 2020 ) bi hsibijiet min Joe Rapa.
Il-qari
tal-Liturġija tal-Kelma għal dan il-Ħadd, jitfagħna lejn rejaltà, li hi rigal
ta’ Alla, u li hi l-Knisja, Ġemgħa ta’ nies miġbura minn kullimkien f’għaqda
waħda. Meta kull nhar ta’ Ħadd, din
il-Ġemgħa b’vuċi waħda tistqarr madwar id-dinja kollha l-Ġabra ta’ twemminha li
hu l-“Kredu”, fost l-artikli mistqarra hemm dak li jgħid: “Nemmen fi Knisja
Waħda, Qaddisa, Kattolika u Apostolika.
Din hi stqarrija mportanti mmens għax ħadd ma jista’ jsalva jew jiskopri
l-Imħabba ta’ Alla murija fi Kristu Ġesù jekk mhux f’Ġemgħa, fi Knisja li timxi
miegħu il-vjaġġ tal-konverżjoni.
Anke
meta fl-Istorja tal-Knisja kienet fl-aqwa tagħha il-kariżma tal-eremiti
tad-deżert, dawn qatt ma qiesu lilhom infushom maqtugħin mill-Knisja, imma
parti minnha, anzi fil-qalba tagħha.
Kienu jitolbu għaliha biex tisssaffa, u hi kienet titlob għalihom u
tfittex il-kelma tad-dixxerniment tagħhom għax fihom għarfet sinjal li Alla
kien qed jibagħtilha.
Kelma
qasira fuq l-aġġettivi “Waħda” u “Apostolika”.
Li l-Knisja tkun “Waħda” u mhux mijiet, għal Ġesù kienet xi ħaġa
mportanti ħafna. Li l-aħwa jkunu ħaġa
waħda bejniethom, u jaqsmu Imħabba fil-qjies tas-Salib, jiġifieri li jħobbu
anke lil min isallabhom, dawn is-sewġ sinjali Ġesù nduna li kellhom jiġbdu
d-dinja lejH. Għax fid-dinja la teżisti
għaqda u lanqas Imħabba, jekk mhux għal min iħobbok lura.
Fid-diskors
tiegħu fl-Ikla tal-Għid li qasam mal-Appostli, Ġesù qal: “Missier,
nitolbok li jkunu lkoll ħaġa waħda. Kif
inti fija, Missier, u jien fik, ħa jkunu lkoll ħaġa waħda fina, biex hekk
id-dinja temmen li inti bgħattni.” (Ġw.
17, 21). Għalhekk li l-ekumeniżmu,
l-attentat għall-għaqda bejn il-Knejjes, hu tant importanti u skont il-qalb ta’
Alla għax id-dinja hi skandaliżżata mill-piki u l-firda bejn Knisja u
oħra.
U
“Apostolika”, jiġifieri mibnija fuq l-Appostli; Knisja li għandha l-għeruq
tagħha f’dak il-grupp żgħir ta’ tnax-il appostli, fqar, medjokri, imwarrba
mis-soċjetà, u li l-ewlieni fosthom kien Pietru magħżul minn Kristu nnifsu biex
ikun il-blata li fuqha jibni l-Knisja tiegħu. Importanti li storikament
il-Knisja tista’ faċilment tmur lura lejn dak il-grupp li mbuttat mill-qawwa
tal-Ispirtu s-Santu xterrdu mill-Art Imqaddsa lejn it-trufijiet kollha tad-dinja.
Imma
l-Kelma li l-Mulej qed jagħtina f’dan il-Ħadd tistedinna biex niffokaw iktar fuq
iż-żewġ aġġettivi l-oħra li tagħmel mill-Knisja tagħna, awtentika: “Qaddisa” u
“Kattolika”. Hi Qaddisa għax fiha
jgħammar l-Ispirtu s-Santu u hi l-Ġisem Mistiku ta’ Kristu preżenti
fid-dinja. Lil Sawlu ta’ Tarsu Ġesù ma
qallux: “Għaliex qiegħed tippersegwita lis-segwaċi tiegħi, lid-dixxipli tiegħi,
lil dawk li emmnu fija, imma qallu: “Sawl,
Sawl, għaliex qiegħed tippersegwitani?”
(Atti 9, 4). Kristu
jidentifika ruħU totalment ma’ dawk li jemmnu fiH, mal-Knisja, u dak li jsir
lill-Knisja jsir lilU għax Hu u l-Knisja huma ħaġa waħda. U darb’oħra jgħid lill-Appostli: “Min jilqa’ lilkom jilqa’ lili, u min
jilqa’ lili jkun jilqa’ lil dak li bagħatni.”
(Mt. 10, 40). B’dan Hu ried
juri lil dawk li lanqas biss kienu għadhom jafu x’inhi “Knisja”, li t-twaħħid
tiegħU magħha, l-għaqda tiegħu mal-Knisja kienet tant intimà, tant perfetta,
daqs dik ta’ bejnU u l-Missier.
Minn
din l-għaqda intimà ma’ Kristu, il-Qaddis per eċċelenza, ġejja l-Qdusija li
tgħammar fil-Knisja, li hi l-Ispirtu s-Santu, biex inkunu għidna kollox. U din il-Qdusija hi tagħna wkoll! Dan hu l-għaġeb! Għax ma nistgħux noqogħdu nikkunsidraw
lill-“Knisja” bħala teorija fl-ajru, oġġett astratt. Il-Knisja hi aħna. Il-Knisja hi “nies”. Lanqas ma hi l-Knisja sempliċement
il-ġerarkija ta’ Papa, Kardinali, Isqfijiet, Presbiteri biss... Il-ġerarkija hi parti mill-Knisja imma qegħda
hemm għall-qadi tal-Knisja. Santu Wistin
jgħid li hu “Nisrani” qabel ma hu “Isqof”, u bir-raġun.
Il-Knisja
hi, kif ġa għidna, kull min jistqarr li hu jemmen li Ġesù hu l-Iben ta’ Alla
b’natura divina daqs tal-Missier u tal-Ispirtu li hu tagħhom, u li dan l-Iben
Waħdieni libes laħam ta’ bniedem biex ikun jista’ jwettaq il-Misteru tal-Għid
biex isalva lil kull min jagħżel li jemmen fiH.
Pawlu jgħid li Kristu ħabbna u ta
lilu nnifsu għalina, offerta u sagrifiċċju jfuħu quddiem Alla. (Ef. 5, 2).
Iktar
kemm infittxu li nimxu ’l quddiem fil-Fidi, u nkomplu nimxu ’l quddiem
sal-aħħar nifs ta’ Ħajjitna, iktar nidħlu ’l ġewwa f’din il-Qdusija li hi
tiegħU imma ssir bil-mod il-mod tagħna wkoll.
Aħna parti minnU, u l-qdusija tiegħU hija l-Qdusija tagħna, il-merti
tiegħu huma l-merti tagħna, l-ubbidjenza tiegħu lejn il-Missier hija
l-ubbidjenza tagħna u r-rebħa tiegħu fuq il-Mewt hija r-rebħa tagħna, tiegħi u
tiegħek, biex hekk, bħal Pietru, magħqudin miegħU, inkunu nistgħu nimxu bħalU
fuq l-ilmijiet tal-problemi tal-Ħajja. U
finalment, u l-iktar rigal kbir: il-Ħajja li rebaħ hu bil-Qawmien tiegħU hija,
ġa minn issa l-Ħajja tagħna, u din il-Ħajja hi eterna, għal dejjem. Fi Kristu u bi Kristu, ħwejjeġ kbar hemm
jistennewna. Hija din it-Tama li tagħmel
li nkunu sinjal għall-pagani li Kristu tassew jagħmel differenza fil-Ħajja
tan-nies.
L-Appostlu
missierna jagħmel tixbiha memorabbli tar-relazzjoni li hemm bejn Kristu u
l-Knisja meta jqabbel din ir-relazzjoni ma’ l-għaqda bejn żewġ miżżewġin, iżda
ħafna iktar profonda. “Intom, irġiel, ħobbu n-nisa tagħkom, kif
Kristu ħabb il-Knisja u ta ħajtu għaliha.
U dan għamlu biex iqaddisha u jnaddafha bil-ħasil tal-ilma u l-kelma u
biex iressaqha quddiemu, din il-Knisja, sabiħa, bla tebgħa, bla tikmix, bla
għajb, u b’xejn minn dan, imma qaddisa u bla tmaqdir minn ħadd.” (Ef. 5, 25-27). Pawlu hawn mhux jitkellem fuq il-Papa u
l-Isqof biss, jew fuq il-qaddisin li hemm fin-niċeċ, imma fuqek u fuqi. Il-ħasil li tana, ta’ trabi, bl-ilma
tal-Magħmudija, dan il-ħasil għadu għaddej u jibqa’ għaddej sal-aħħar ta’
Ħajjitna, u mhux jaħsilna biss imma jġeddidna, jagħmilna dejjem aktar żgħażagħ
u fuq tagħna, anke jekk il-ġisem jixjieħ biex iqarrabna mal-laqgħa finali u
sabiħa tagħna miegħU.
Hija
mportanti mmens din tal-Qdusija li aħna lkoll għandna, u li rċivejniha għax
Qaddis hu Dak li waħħadna miegħU fil-Knisja tiegħU. Għalhekk in-Nisrani veru qatt ma jiftaħar
bit-tjieba tiegħu, għax jekk jiftaħar bil-merti tiegħu jew jimtela’ bihom, mhu
Nisrani xejn. Qatt ma jiġġudika
lill-ieħor għax jaf li, minnu nnifsu, mhu aħjar minn ħadd. Bħal meta konna trabi, aħna ġejna mlibbsa
minn Kristu bil-libsa l-bajda tal-Qdusija tiegħU, mhux tagħna. Imma dan kollu jiddependi minn jekk nemmnuhx
jew le. Il-Fidi tnissel fina Imħabba
lejn Alla u gratitudni mmensa lejn Kristu, u tagħtina natura ġdida li kapaċi
tgħix dak kollu li jixtieq Hu, mhux għax ikkmandati, imma mill-qalb għax Hu
jagħmel minna nies ġodda.
Li
l-Knisja hi Kattolika jfisser li hija universali, mxerrda mad-dinja kollha, ma
tagħraf l-ebda diviżjoni ta’ razez, stati, kontinenti eċċ. Dawn huma affarijiet tad-dinja. Iżrael kien jaħseb hekk. Kien jaħseb li l-Mulej hu biss Alla tal-poplu
li ġie magħżul fit-Testment il-Qadim biex minnu jitnissel fiżikament
il-Messija. U billi Iżrael kien jaħseb
hekk, baqa’ ma għarafx il-Miġja tal-Messija meta din waslet. Għalih, il-popli l-oħra kienu “l-klieb”,
imniġġsa, mhux dehen li jkunu salvati.
Imma Kristu ġie għal kull maħluq għax
Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-Waħdieni biex kull min jemmen fih ma
jintilifx, iżda jkollu l-ħajja ta’ dejjem.
(Ġw. 3, 16).
Il-Liturġija tal-Kelma
tal-lum:
Qari I
Lil ulied il-frustier
inwassalhom sal-muntanja mqaddsa tiegħi.
Is 56, 1.6-7
Qari
mill-Ktieb tal-Profeta Isaija
Dan jgħid il-Mulej:
“Żommu s-sewwa u agħmlu l-ġustizzja,
għax is-salvazzjoni tiegħi għoddha waslet,
u l-ġustizzja tiegħi dalwaqt tfeġġ.
Ulied il-frustier li ntrabtu mal-Mulej biex
jaqduh,
u biex iħobbu isem il-Mulej,
u jkunu qaddejja tiegħu,
kull min iħares is-Sibt u ma jiksrux
u jżomm sħiħ fil-patt tiegħi,
lil dawn inwassalhom sal-muntanja mqaddsa tiegħi,
u nferraħhom f’dar it-talb tiegħi.
Il-vittmi maħruqa u s-sagrifiċċji tagħhom
ikunu jogħġbuni telgħin minn fuq l-artal
tiegħi,
għax dari dar it-talb tissejjaħ għall-popli kollha”.
Il-Kelma
tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 66 (67), 2-3.5.6.8
R/. (4): Ifaħħruk il-popli kollha, o Alla
Iħenn għalina Alla, u jberikna;
idawwar għal fuqna d-dija ta’ wiċċu!
Biex jingħarfu fuq l-art triqatek,
fost il-ġnus kollha s-salvazzjoni tiegħek.
R/.
Jithennew il-ġnus u jgħannu bil-ferħ,
għax trieġi l-popli bis-sewwa,
u l-ġnus fuq l-art inti tmexxihom. R/.
Ifaħħruk il-popli, o Alla,
ifaħħruk il-popli kollha.
Iberikna Alla, u tibża’ minnu
l-art kollha minn tarf għall-ieħor! R/.
Qari II
Alla ma jreġġax lura
d-doni u s-sejħa li ta lil Iżrael.
Rum 11, 13-15.29-32
Qari
mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani
Ħuti,
issa ngħid lilkom, il-pagani. Sakemm jiena appostlu tal-pagani nibqa’ nagħmel
ġieħ lill-ministeru tiegħi, bit-tama li nqajjem l-għira ta’ ġensi u hekk
insalva lil xi wħud minnhom. Għax jekk it-tkeċċija tagħhom ġiebet il-ħbiberija
tad-dinja ma’ Alla, l-ilqugħ tagħhom mill-ġdid xi jkun ifisser, jekk mhux ħajja
mill-imwiet?
Alla
ma jreġġax lura d-doni u s-sejħa tiegħu. Bħalma fl-imgħoddi intom ma kontux
tobdu lil Alla, imma issa sibtu l-ħniena tiegħu minħabba d-diżubbidjenza
tagħhom; hekk huma wkoll m’humiex jobduh minħabba l-ħniena li sibtu intom
mingħandu, ħalli issa huma wkoll isibu l-ħniena.
Għax
Alla ħalla ’l kulħadd fil-jasar tad-diżubbidjenza, biex jagħmel ħniena ma’
kulħadd.
Il-Kelma
tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Mt 4, 23
Hallelujah. R/. Hallelujah
Ġesù dar il-Galilija kollha jgħallem
fis-sinagogi tagħhom,
ixandar l-Evanġelju tas-Saltna
u jfejjaq kull xorta ta’ mard u dgħufija fost
il-poplu.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Mara, il-fidi tiegħek
kbira.
Mt 15, 21-28
Qari mill-Evanġelju
skond San Mattew
F’dak iż-żmien, Ġesù
telaq lejn Tir u Sidon. U ħarġet waħda mara Kangħanija minn dawk l-inħawi, u
qabdet tgħajjat u tgħid: “Ħenn għalija, Mulej, Bin David; binti għandha fiha
xitan, u magħdura ħafna!”. Iżda hu ma weġibhiex kelma. Resqu lejh id-dixxipli
tiegħu, jitolbuh u jgħidulu: “Eħles minnha, għax ġejja tgħajjat warajna”. Imma
hu qalilhom: “Ma ġejtx mibgħut ħlief għan-nagħaġ li ntilfu mid-dar ta’ Iżrael”.
|