Wednesday, 02 December 2020
           
Home
IT-TNEJN U GHOXRIN HADD MATUL IS-SENA (2020) IL-MOGHDIJA TAS-SALIB TWASSAL GHALL-GLORJA PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 29 August 2020

Din hija il- Liturgija tat-Tnejn u Ghoxrin Hadd matul is-sena ( 2020 ) bi hsibijiet min Joe Rapa.

 jesus-christ-feed-my-sheep-172045-tablet.jpg

 

Huwa skont in-natura li aħna nixtiequ, anzi, nixxennqu, li ngħaddu ħajjitna hawn fil-kwiet, bla wisq tbatija, bla ma qatt jonqosna xejn, u ngħixu għomor twil kemm jista’ jkun.  Għalhekk is-saħħa, il-flus, il-kumdità, in-nuqqas ta’ nkwiet saru l-iktar affarijiet importanti għal qalb il-bniedem.  Mhux ta’ b’xejn li l-biċċa l-kbira tat-talb tagħna lil Alla huwa bbażat fuq dan u jirrifletti dak li nixtiequ u dak li nibżgħu minnu.

 

Ir-reliġjonijiet tad-dinja kollha ġew imsawra fuq dan it-tħannin tal-bniedem.  Minn meta l-bniedem kien għadu jgħammar fl-għerien hu ħass li xi Id setgħana kienet hemm tmexxi kollox u għalhekk kien jitlobha lil din il-qawwa misterjuża biex tħarislu ħajtu mill-annimali selvaġġi; biex tħarislu wkoll lill-annimali li kien immansa u li kienu jaqduh; biex uliedu ma jmutulux żgħar imma jikbru b’saħħithom u biex kemm in-nisa tal-klan tiegħu kif ukoll ir-raba’ tiegħu jkunu għammiela u jagħtu ħafna wlied u frott kotran.

Bil-mod il-mod beda jinduna li tkun ħaġa tajba li jsib post sagru fuq xi għolja li tkun eqreb lejn is-sema u hemm jibni speċi ta’ tempju fejn kien iħoss li dan Alla kien viċin u jisimgħu iktar. Imbagħad kien hemm bżonn li xi  ħadd jeħodlu ħsieb dan il-post u jmexxi l-laqgħat li kienu jsiru fih u hekk dehru persuni sagri, qassisin.  U l-bniedem sawwar “ir-reliġjon”.  Pajjiżna jixhed għal dan li qed ngħid għax hu mogħni b’numru kbir ta’ tempji megalitiċi li kienu ġa jeżistu qabel ma’ Alla ndaħal f’ħajjet il-bniedem permezz ta’ Abraham. 

 

Dawn ir-reliġjonijiet... għax nibtu numru mmens ta’ reliġjonijiet, b’kull ġens u tribù bl-alla jew allat tiegħu... ħafna drabi bdew jiddeġeneraw, propju għax kienu invenzjoni tal-bniedem, u ħafna minnhom spiċċaw bis-sagrifiċċji umani biex jippruvaw jimpressjonaw lill-allat u jaqilgħu dak li kellhom bżonn mingħandhom. 

 

Allura, r-reliġjon hija l-attentat tal-bniedem, kultant ta’ min jammirah, imma kultant ta’ min jikkundannah fil-metodi tiegħu, biex jagħmel kuntatt ma’ dan Alla misterjuż li hu l-prinċipju, l-bidu ta’ kollox, għax il-bniedem għaraf mill-bidu li waħdu ma setgħax jgħix fuq din il-pjaneta mitlufa fi spazju mmens u mudlam.  Din l-imbuttatura għadha teżisti fil-bniedem għax hi naturali, tant li fl-istudji tal-bniedem inagħtat isem: “ir-reliġjożità naturali”. 

 

La hi naturali, jfisser li ħalaqha Alla, poġġiha Hu f’qalb il-bniedem u hija tajba.  Hi l-intuwizzjoni misterjuża li kull ħlejqa tħoss biex tfittex lil Alla.  Iżda ħafna drabi “r-reliġjon” tesprimi l-ħerqat tal-bniedem għal din il-ħajja biss, u għalhekk ma ssolvilux il-problema l-kbira li għandu, li hi l-Mewt.  Jaqla’ kemm  jaqla’ grazzji materjali mingħand Alla, irid jasal il-waqt li hu jisparixxi minn hawn u dak kollu  li kien talab għalih u qala’ jgħib fix-xejn. 

 

Għalhekk kien hemm bżonn li issa, mhux il-bniedem ifittex lil Alla, imma Alla jiġi jfittex lilu biex jiftaħlu quddiemu l-orizzont meraviljuż tar-rebħa fuq il-Mewt.  Hu jagħżel poplu, Iżrael, biex fih jinkarna ruħU, jinżel jgħammar f’laħam il-bniedem fil-persuna ta’ Ġesù ta’ Nazaret.  Il-Missjoni tal-Kristu, tal-Midluk ta’ Alla, ta’ Alla magħmul bniedem kienet, infatti, li jidħol f’taqbida epokali mal-monstru tal-Mewt u jirbħilha darba għal dejjem u hekk jieħu l-bniedem lura lejn l-oriġini meta kien maħluq xbieha tiegħU.  Din it-taqbida li niżel għaliha Alla għandha isem: il-Misteru tal-Għid. 

 

Il-Knisja tħabbar lill-bnedmin kollha li dan il-Misteru tal-Għid seħħ u r-rebħa ntrebħet b’risq tagħna lkoll.  Dan hu li jagħmel lil Kristjaneżmu ħafna, ħafna iktar minn reliġjon.  “Reliġjon” = sett ta’ kmandamenti li jekk tobdihom tieħu rigal, jekk le tieħu kastig.  Dan hu li jimmarka r-reliġjonijiet kollha.  Din il-“moralità” tinsab ukoll fil-Kristjaneżmu, imma hu jmur lil hemm minn hekk għax il-Liġi falliet billi l-ebda bniedem m’għandu s-saħħa jkun ġust quddiem Alla.  Bil-Liġi biss, mitlufin aħna għax il-biża’ tal-Mewt iġagħlu jkun egoista u jidneb u jerġa’ jidneb!

 

Il-Kristjaneżmu hu “Aħbar Tajba”.  Ir-rebħa fuq il-Mewt Kristu kisibha għal kulħadd u hi Grazzja għax tinagħta b’xejn lil kull min jemmen din il-Bxara.  Ħafna jidħku biha u jibqgħu maqtugħin barra.  Imma dawk li jemmnuha jsiru bnedmin ġodda għax tikber fihom natura ġdida mhux iktar beżagħna mill-Mewt għax huma konvinti li dak li kien ibeżżagħhom huwa gidba.  Din in-natura ġdida hi l-istess waħda ta’ Ġesù li issa jgħix għal dejjem. 

 

Imma biex kiseb għalina din il-Glorja nfinita, Ġesù kellu jgħaddi mis-Salib.  Hu lilna ġa rebbħilna kollox u ġa salvana, imma sakemm għadna f’din id-dinja nibqgħu suġġetti għat-tbatija, għall-mard, għall-inġustizzja, għal mumenti ta’ dieqa.  Iżda  min tassew laqa’ l-Aħbar ta’ Kristu għandu t-tbatija, is-Salib tiegħu imdawwal, jiddi, glorjuż.  Fih jgħammar l-Ispirtu ta’ Dak li ma  jistax imut iktar.  Fih hemm iż-żerriegħa tal-“Mewt tal-Mewt”.  “Inbelgħet il-Mewt fir-rebħa.  Fejn hi ja  Mewt ir-rebħa tiegħek?  Fejn hi, ja Mewt in-niġġieża tiegħek?”  (1 Kor. 15, 54-55).  Din l-għajta tal-għaġeb ta’ San Pawl tidwi fil-profond ta’ kull bniedem mirbuħ minn Kristu bil-Fidi.

        V 

In-Nisrani hu dak li, kif jgħid San Ġwann l-Evanġelista, “Aħna nafu li għaddejna mill-mewt għall-ħajja; dan nafuh għax inħobbu lil ħutna; min ma jħobbx jinsab fil-mewt.”  (1 Ġw. 3, 14).  Dan ifisser  li n-Nisrani jaf li hu mhu se jmut qatt u li l-Ġenna tibda minn hawn għax ġo fih hemm l-Ispirtu s-Santu li l-ħin kollu jixhidlu li hu ħaj għal dejjem.  Mhux l-istess, allura, t-tbatija tan-Nisrani u t-tbatija tal-pagan.  Għall-pagan, u anke għal ħafna nies “reliġjużi”, is-Salib hu saħta u nfatti ħafna mit-talb tagħna hu bħal ta’ dawk in-nies tal-għerien: biex jitneħħa s-Salib min-nofs.  Iżda aħna m’aħniex bħalhom!  Kristu ma ġiex għalxejn fostna!  Hu ma batiex għalxejn!  Ma mietx għalxejn fuq is-Salib!  Ma għaffiġx il-Mewt tiegħi u tiegħek għalxejn!

 

Pietru kien jaħseb li s-Salib hu saħta wkoll, u Kristu qallu: “Itlaq minn quddiemi ja xitan, għax m’intix taħseb fuq il-ħwejjeġ ta’ Alla, imma f’dawk tal-bnedmin!”  (Mk. 8, 33).  Miskin Pietru  kien għad ma kellux il-Mewt mirbuħa.  Anke Ġeremija.  Ara kif anke l-iktar nies ġusti kienu biss “reliġjużi”.  Imma min jemmen li Kristu rebaħ il-Mewt tal-bniedem meta ġie lura miċ-ċimiterju, m’għadux iktar biss “reliġjuż” iżda issa hu “Kristjan”, “Nisrani”, xbieha ta’ Kristu, Kristu ieħor.  Xbieha ta’ Kristu mhux għax minna nfusna aħna xi ħaġa, xi tikka aħjar mill-oħrajn;  minna nfusna. Imma għax bħal Kristu għandna l-Mewt mirbuħa.  Mhux aħna rbaħnielha!  Mur obsor.  Rebaħha Kristu b’risq tagħna... jekk aħna nemmnuh dan.

 

Il-Liturġija tal-Kelma tal-lum:

 

Qari I

Il-Kelma tal-Mulej saret għalija tagħjir u tmaqdir kuljum.

Ġer 20, 7-9

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Ġeremija

 

Qarraqtni Mulej, u jien tqarraqt:

kont aqwa minni, u għelibtni.

Jien sirt id-daħka ta’ kuljum,

kulħadd jiddieħak bija.

Kull meta niġi nitkellem, jien ngħajjat,

u nxandar, “Moħqrija u ħsara!”.

Il-kelma tal-Mulej saret għalija

tagħjir u tmaqdir kuljum.

U jien għedt: “Ma nsemmihx aktar,

ma nitkellimx aktar f’ismu”.

Iżda f’qalbi hemm bħal nar jaqbad,

magħluq f’għadmi.

Għejejt inżommu magħluq ġo fija,

ma niflaħx aktar għalih.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 62 (63), 2.3-4.5-6.8-9

 

R/. (2b): Għalik imxennaq jiena, Mulej, Alla tiegħi

 

Alla, Alla tiegħi int; lilek ħerqan infittex.

Ruħi bil-għatx għalik,

għalik imxennaq jiena,

bħal art niexfa, maħruqa, bla ilma. R/.

 

Għalhekk ġejt narak fit-tempju mqaddes tiegħek,

biex nitgħaxxaq bis-setgħa u l-glorja tiegħek.

Għax it-tjieba tiegħek aħjar mill-ħajja,

xufftejja jxandru t-tifħir tiegħek. R/.

 

Għalhekk inbierkek tul ħajti kollha;

ngħolli idejja u nsejjaħ ismek.

Bħal b’ikel mill-aħjar li jsemmen nimtela,

u jgħannilek fommi b’xufftejn ferrieħa. R/.

 

Għax int kont għajnuna għalija,

għad-dell ta’ ġwenħajk ngħanni bil-ferħ.

Miegħek tingħaqad ruħi,

int tweżinni bil-leminija tiegħek. R/.

 

Qari II

Offru ġisimkom bħala vittma safja.

Rum 12, 1-2

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani

 

Nitlobkom ħuti, għall-ħniena ta’ Alla, offru ġisimkom b’sagrifiċċju ħaj, qaddis, jogħġob lil Alla, jiġifieri l-qima spiritwali tagħkom. Timxux max-xejra ta’ din id-dinja, iżda nbidlu skond it-tiġdid ta’ fehmietkom, biex iseħħilkom tagħrfu x’inhi r-rieda ta’ Alla, x’inhu ttajjeb li jogħġbu, x’inhu perfett.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Efes 1, 17-18

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Alla ta’ Sidna Ġesù Kristu,

jagħtikom spirtu ta’ għerf,

biex tagħrfu x’inhi t-tama tas-sejħa tagħkom.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu.

Mt 16, 21-27

 

Qari mill-Evanġelju skond San Mattew

 

F’dak iż-żmien, Ġesù beda juri lid-dixxipli tiegħu li kien meħtieġ għalih li jmur Ġerusalemm, isofri ħafna mix-xjuħ u l-qassisin il-kbar u l-kittieba, joqtluh, u fit-tielet jum iqum.

 

Pietru ġibdu lejh u beda jlumu u jgħidlu: “Allaħares, Mulej! Ma jkun qatt li dan jgħaddi minn għalik!”. Iżda Ġesù dar u qal lil Pietru: “Itlaq minn quddiemi, ja xitan! Int tfixkil għalija, għax m’intix tqis il-ħwejjeġ ta’ Alla, imma qiegħed taħsibha ta’ bniedem li int!”.

 

Imbagħad qal lid-dixxipli tiegħu: “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu, u jimxi warajja. Għax min irid isalva ħajtu, jitlifha, imma min jitlef ħajtu għall-imħabba tiegħi, isibha. Għax xi jkun jiswielu l-bniedem jekk jikseb id-dinja kollha u mbagħad jitlef ħajtu? Jew xi prezz se jagħti l-bniedem biex isalva ħajtu? Għax Bin il-bniedem għandu jiġi fil-glorja ta’ Missieru flimkien ma’ l-anġli tiegħu, u mbagħad irodd lil kull wieħed skond ma wieħed ikun għamel”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu

 
< Prev   Next >