Wednesday, 02 December 2020
           
Home
IT-TLIETA U GHOXRIN HADD MATUL IS-SENA (2020) ID-DNUB JOQTOL IL-GEMGHA PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 05 September 2020

Din hija il- Liturgija tat-Tlieta u Ghoxrin Hadd matul is-sena ( 2020 ) bi hsibijiet min Joe Rapa.

 _jesus-teaching-his-disciples_.jpg

 

Xbajna nisimgħu li qegħdin ngħixu f’dinja li qed tinbidel b’ħeffa li taqtagħlek nifsek.  Anke t-temp qed jinbidel, u miegħu l-ġeografija għax fejn kien minn dejjem moħbi taħt is-silġ issa qed jinkixef u jara x-xemx għall-ewwel darba waqt li partijiet li darba kienu għammiela u fertili, issa qed isiru semi-deżert, jew diġa deżert.  Is-soċjetà ilha mis-sittinijiet f’ġirja sfrenata biex tinsa dak li qabel kien instab utli u tajjeb minn bosta ġenerazzjonijiet u l-għors tagħha hu li tfarrak l-antik u tigglorifika l-modern... modern li wara ħames snin isir antik hu wkoll. 

 

Waqgħu ħafna pilastri tal-ħsieb li qabel kienu jagħtu saħħa u sinsla lis-soċjetà.  Is-sens ta’ familja estiża, ta’ pudur sesswali, ta’ konvinzjoni li l-ħażen u l-korruzzjoni ma jġibux risq, ta’ ħarsien ta’ normi li dejjem ikkontrollaw l-aptiti tal-bniedem, u ħafna affarijiet oħra... ħafna affarijiet oħra, intremew ’il barra mit-tieqa u ma rridux nafu bihom aktar.  Il-konfużjoni ssaltan f’moħħ ħafna.  Tlifna l-boxla u ninsabu nitgerrbu lejn ħadd ma jaf fejn.  Jekk tistaqsi lil wieħed liberali li jogħxa jara l-bniedem ikisser l-“ikoni” tal-imġieba ta’ qabel, fejn se jieqaf dan kollu, jekk jafx fejn jaqta’ linja,  jgħidlek li ma jafx.  Bla kontroll.

Dak li jimmarka l-aktar il-kultura dominanti tal-lum hu li huwa l-bniedem, l-individwu, li għandu jiddeċiedi dak li hu tajjeb jew ħażin għalih. It-tradizzjoni Ġudajka-Kristjana saret iddardar lil ħafna.  Il-bniedem sar “alla” li jagħmel li jrid hu u dak li għandhu aptit jagħmlu ma jrid lil ħadd itellifulu.  Il-kuxjenza għabet, jew aħjar qed tiġi ffurmata b’tali mod li l-aktar post qaddis għall-bniedem li hu l-ġuf tal-mara, fejn titrawwem il-meravilja tal-Ħajja, jsir qabar, jew kamp tal-konċentrament fejn “spare parts” ta’ tarbija jiġu msawra għall-bejgħ.

 

F’dan l-ambjent... anke fl-ambjent tagħna tafux, fil-pjazza tagħna, saħansitra madwar il-mejda tal-ikel tagħna, sar ħafna diffiċli tikkoreġi, teħodha kontra dan il-ġenn.  Anke fl-imgħoddi kien diffiċli, imma fl-imgħoddi il-kultura nfisha kienet tikkontrolla l-passjonijiet tal-bniedem, li kien iħossu mċanfar mill-ambjent Nisrani ta’ madwaru.  Kemm propoganda qerrieda kontra dak il-kontroll li kien jaħdem favur il-bniedem u mhux kontra!  Trid tkun tassew bniedem ta’ Fidi u ta’ kuraġġ li ġej mill-Ispirtu ta’ Alla biex teħodha kontra l-idolatrija tal-“Jien” modern.  “Ħadd ma jista’ jindaħalli x’nagħmel!” hi l-għajta li issa għandha gozz liġijiet jiddefenduha.

 

Imma n-Nisrani jrid jeħodha kontra l-ħażen li jara madwaru.  Hi fin-natura tiegħu li jagħmlu dan.  Imma hawn irridu noqogħdu attenti!  Għax hemm baħar jaqsam bejn il-Fariżejiżmu u l-Kristjaneżmu.  Hu faċli li wieħed jispiċċa jkun Fariżew li jiġġudika kollox u li mhux imbuttat mill-Imħabba f’dak li jemmen fih.  Hija l-Magħmudija li tagħmilna Nsara, nies differenti.  Imma l-Magħmudija trid tiġi żviluppata, ikkultivata, msawra tajjeb, immaturata fi proċess serju ta’ konverżjoni.  Il-Knisja tħares ’l hawn u ’l hinn biex tara fejn huma dawk li hi tista’ sserraħ fuqhom. Mhux Fariżej trid, imma “Nsara” veri.

 

In-Nisrani veru hu dak li mill-Magħmudija kiseb tliet karattri li ilna nafu bihom.  Imma narmu ’l hemm it-teoriji għax it-teorija ma tbiddel xejn.  Mhux paroli imma fatti!  Huwa fatt li l-Magħmudija fil-milja tagħha tagħmilna: 1. Saċerdoti, għax ninterċiedu għad-dinja, għall-ħolqien kollu f’Talba ħerqana li titla’ quddiem Alla;   2.  Slaten, għax aħna ulied is-Sultan ta’ kollox u allura għandna l-istess natura tiegħu rebbieħa fuq il-Mewt u werrieta ta’ dak kollu li hu tiegħU;   3.  Profeti, għax ninagħtraw dixxerniment mill-Ispirtu li nagħrfu dak li hu tajjeb minn dak li hu ħażin u nipproklamawh lid-dinja bla biża’.  Dawn huma t-tliet karatteristiċi tan-Nisrani.  Il-Liturġija tal-Kelma ta’ dan il-Ħadd tkellimna ħafna dwar din l-aħħar karatteristika.

 

Lil Eżekjel Alla kellmu ċar dwar li għandu jitħabat kontra l-kurrent tan-natura mwaqqa’ tal-bniedem.  Il-ġimgħa l-oħra Ġeremija qal: “Il-kelma tal-Mulej saret għalija tgħajjir u tmaqdir kuljum.  U jien għidt: ‘Ma nsemmihx aktar, ma nitkellimx aktar f’ismu.’  Iżda f’qalbi hemm bħal nar jaqbad, magħluq f’għadmi.  Għejjejt inżommu, ma niflaħx għalih.”  (Ġer. 20, 8-9).  Ara xi ġralu!  In-Nisrani hu Profeta bħal Ġeremija.  Hu magħmul hekk mill-Magħmudija li tgħammar fih.  Min ma jħossx dan in-Nar tal-Kelma jaħarqu f’għadmu għandu jkun jaf li hemm bżonn li tissawwar il-Magħmudija tiegħu.  Għandu bżonn Proċess. 

 

Kif jista’ n-Nisrani ma jwiddibx?  Imma jekk ma jagħmilx dan b’Imħabba, aħjar ma jwiddeb xejn u jitlob lil Alla jħenn għalih u jagħtih konverżjoni.  L-Imħabba hi kollox.  Il-Magħmudija għandha s-saħħa li tagħtina, bil-mod il-mod, l-għarfien ta’ kemm aħna maħbubin minn Alla u dan l-għarfien inibbet Imħabba reċiproka fina lejn il-Mulej u lejn il-proxxmu.  Nispiċċaw ma nissaportux naraw lil min qed joqtol lilu nnifsu bid-dnub!

 

Għax id-dnub joqtol, u ma joqtolx biss lil min jagħmlu imma joqtol il-Ġemgħa, jagħmel ħsara lil-“ġid komuni” kif qed jgħidulu daż-żmien.  Id-dnub individwali, anke meta magħmul fis-sigriet u li donnu mhu jagħmel ħsara lil ħadd ħlief lil min jagħmlu, jispiċċa joqtol lill-Knisja, inikket l-Ispirtu ta’ Alla l-Ħaj li jgħammar fiha.  Il-Knisja hi d-Dawl, il-Melħ, il-Ħmira tad-dinja, imma dan kollu jittappan bid-dnub li nagħmel jien bla ma jarani ħadd.  Id-dnub hu dlam u għandu konsegwenzi fuq l-oħrajn.  L-Iskrittura titkellem ħafna fuq dan.

 

Illum qed jippruvaw idarruna nitbissmu quddiem id-dnubiet soċjali li qabel kienu jaħsdu.  Jekk ma taqbilx, jgħajruk li inti lura, antik, bigott, fundamentalist...  Imma, nerġa’ ngħid, l-Imħabba hi kollox.  Jekk titħassar lil dak li jkun int tista’ tirriskja li tiġi mgħajjar, għax hi l-Imħabba li timbuttak.  Kristu jgħid lilek u lili: “Jekk ħuk jaqa’ f’xi dnub, mur sibu waħdu u widdbu.”  (Mt. 18, 15).  Tkun qed issalvah mill-Mewt!  Immaġina tara lill ibnek magħluq barra għal dejjem mis-Saltna!!!  Kif jista’ jkun li noqogħdu bi kwietna meta xi ħadd għażiż għalina qiegħed f’rabta ħażina, jew telaq mill-Knisja, jew intefa’ jagħmel il-flus b’mod korrott?  Kif jista’ jkun li nserrħu l-kuxjenza għax issa hekk hi l-moda?

 

Imma fl-istess ħin attenzjoni!  Timmaġinax li int aħjar.  Tista’ tkun int.  Jekk Alla jneħħi idu minn fuqna, ilkoll nagħmlu ħwejjeġ li jiskandaliżżaw lil ħaddieħor.  Aħna lkoll midinbin, imma midinbin mifdija minn Kristu b’Demmu u dan għandu jqabbad dak in-Nar ta’ Ġeremija ġewwa fina li ma jħalliniex kwieti la quddiem id-dnub tagħna lanqas dak ta’ ħaddieħor.

 

Il-Liturġija tal-Kelma tal-lum:

 

Qari I

Jekk ma twiddibx lill-midneb, demmu nfittxu minn idejk.

Eżek 33, 7-9

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Eżekjel

 

Dan jgħid il-Mulej: “Lilek, o bniedem, qegħedtek għassies ta’ dar Iżrael. Meta tisma’ minn fommi xi kelma, għandek twiddibhom f’ismi. Jekk jien ngħid lill-midneb: “Int tmut żgur,” u int ma tkellmux u ma twiddbux biex jitlaq triqtu, hu, il-midneb, imut fi ħżunitu, imma demmu nfittxu minn idejk.

 

Imma jekk inti twiddeb il-midneb dwar triqtu biex jerġa’ lura minnha u ma jerġax, hu jmut fi dnubu, imma int tkun salvajt ħajtek”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 94 (95), 1-2.6-7.8-9

 

R/. (8): Isimgħu leħen il-Mulej u la twebbsux qalbkom

 

Ejjew, ħa nfaħħru bl-hena l-Mulej,

ħa ngħajtu bil-ferħ lill-blata tas-salvazzjoni tagħna!

Nersqu quddiemu b’għana ta’ radd il-ħajr,

ngħannulu b’għajat ta’ ferħ. R/.

 

Ejjew inqimuh u ninxteħtu quddiemu,

għarkubbtejna quddiem il-Mulej li ħalaqna!

Għaliex hu Alla tagħna,

u aħna l-poplu tal-mergħa tiegħu u n-nagħaġ tiegħu. R/.

 

Mhux li kontu illum tisimgħu leħnu!

“La twebbsux qalbkom bħal f’Meriba,

bħal dakinhar f’Massa, fid-deżert,

meta ġarrbuni u ttantawni missirijietkom,

għalkemm raw dak li jien għamilt”. R/.

 

Qari II

L-imħabba hija l-milja tal-liġi.

Rum 13, 8-10

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani

 

Ħuti, tkunu obbligati lejn ħadd ħlief li tħobbu lil xulxin. Kull min iħobb ikun iħares il-bqija tal-Liġi. Għax il-kmandamenti: “La tagħmilx adulterju, la toqtolx, la tisraqx, la tkunx rgħib”, u kull preċett ieħor, hu liema hu, kollha jinġabru f’kelma waħda: “Ħobb il-proxxmu tiegħek bħalek innifsek”. L-imħabba ma tagħmilx deni lill-proxxmu; mela l-imħabba hi l-milja tal-Liġi.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

2 Kor 5, 19

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Alla kien li ħabbeb il-ħolqien miegħu nnifsu permezz ta’ Kristu,

u fdalna l-ministeru ta’ din il-ħbiberija.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Jekk jisma’ minnek, tkun irbaħt ’il ħuk.

Mt 18, 15-20

 

Qari mill-Evanġelju skond San Mattew

 

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: Jekk ħuk jaqa’ f’xi dnub, mur sibu waħdu u widdbu. Jekk jisma’ minnek, tkun irbaħt lura lil ħuk. Jekk ma jismax, erġa’ mur u ħu miegħek wieħed jew tnejn oħra, biex kull ma jingħad jissaħħaħ bil-kelma ta’ żewġ xhieda jew tlieta. Jekk imbagħad anqas minnhom ma jkun irid jisma’, mur għid lill-knisja. U jekk anqas mill-knisja ma jkun irid jisma’ żommu b’wieħed pagan jew pubblikan.

 

Tassew ngħidilkom, li kull ma torbtu fuq l-art ikun marbut fis-sema, u kull ma tħollu fuq l-art ikun maħlul fis-sema. Ngħidilkom ukoll li jekk tnejn minnkom fuq l-art jgħollu leħinhom flimkien biex jitolbu xi ħaġa, Missieri li hu fis-smewwiet, jagħtihielhom. Għax fejn tnejn jew tlieta jkunu miġbura f’ismi hemm inkun jien f’nofshom”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu

 

 
< Prev   Next >