Din hija il- Liturgija tat-Tlieta u Ghoxrin Hadd matul is-sena ( 2020 ) bi hsibijiet min Joe Rapa.
Xbajna nisimgħu li qegħdin ngħixu f’dinja li
qed tinbidel b’ħeffa li taqtagħlek nifsek.
Anke t-temp qed jinbidel, u miegħu l-ġeografija għax fejn kien minn
dejjem moħbi taħt is-silġ issa qed jinkixef u jara x-xemx għall-ewwel darba
waqt li partijiet li darba kienu għammiela u fertili, issa qed isiru
semi-deżert, jew diġa deżert. Is-soċjetà
ilha mis-sittinijiet f’ġirja sfrenata biex tinsa dak li qabel kien instab utli
u tajjeb minn bosta ġenerazzjonijiet u l-għors tagħha hu li tfarrak
l-antik u tigglorifika l-modern... modern li wara ħames snin isir antik hu
wkoll.
Waqgħu ħafna pilastri tal-ħsieb li qabel
kienu jagħtu saħħa u sinsla lis-soċjetà.
Is-sens ta’ familja estiża, ta’ pudur sesswali, ta’ konvinzjoni li
l-ħażen u l-korruzzjoni ma jġibux risq, ta’ ħarsien ta’ normi li dejjem
ikkontrollaw l-aptiti tal-bniedem, u ħafna affarijiet oħra... ħafna affarijiet
oħra, intremew ’il barra mit-tieqa u ma rridux nafu bihom aktar. Il-konfużjoni ssaltan f’moħħ ħafna. Tlifna l-boxla u ninsabu nitgerrbu lejn ħadd
ma jaf fejn. Jekk tistaqsi lil wieħed
liberali li jogħxa jara l-bniedem ikisser l-“ikoni” tal-imġieba ta’ qabel, fejn
se jieqaf dan kollu, jekk jafx fejn jaqta’ linja, jgħidlek li ma jafx. Bla kontroll.
Dak li jimmarka l-aktar il-kultura dominanti
tal-lum hu li huwa l-bniedem, l-individwu, li għandu jiddeċiedi dak li hu
tajjeb jew ħażin għalih. It-tradizzjoni Ġudajka-Kristjana saret iddardar lil
ħafna. Il-bniedem sar “alla” li jagħmel
li jrid hu u dak li għandhu aptit jagħmlu ma jrid lil ħadd itellifulu. Il-kuxjenza għabet, jew aħjar qed tiġi
ffurmata b’tali mod li l-aktar post qaddis għall-bniedem li hu l-ġuf tal-mara,
fejn titrawwem il-meravilja tal-Ħajja, jsir qabar, jew kamp tal-konċentrament
fejn “spare parts” ta’ tarbija jiġu msawra għall-bejgħ.
F’dan l-ambjent... anke fl-ambjent tagħna
tafux, fil-pjazza tagħna, saħansitra madwar il-mejda tal-ikel tagħna, sar ħafna
diffiċli tikkoreġi, teħodha kontra dan il-ġenn.
Anke fl-imgħoddi kien diffiċli, imma fl-imgħoddi il-kultura nfisha
kienet tikkontrolla l-passjonijiet tal-bniedem, li kien iħossu mċanfar
mill-ambjent Nisrani ta’ madwaru. Kemm
propoganda qerrieda kontra dak il-kontroll li kien jaħdem favur il-bniedem u
mhux kontra! Trid tkun tassew bniedem
ta’ Fidi u ta’ kuraġġ li ġej mill-Ispirtu ta’ Alla biex teħodha kontra
l-idolatrija tal-“Jien” modern. “Ħadd ma
jista’ jindaħalli x’nagħmel!” hi l-għajta li issa għandha gozz liġijiet
jiddefenduha.
Imma n-Nisrani jrid jeħodha kontra l-ħażen li
jara madwaru. Hi fin-natura tiegħu li
jagħmlu dan. Imma hawn irridu noqogħdu
attenti! Għax hemm baħar jaqsam bejn
il-Fariżejiżmu u l-Kristjaneżmu. Hu
faċli li wieħed jispiċċa jkun Fariżew li jiġġudika kollox u li mhux imbuttat mill-Imħabba
f’dak li jemmen fih. Hija l-Magħmudija
li tagħmilna Nsara, nies differenti.
Imma l-Magħmudija trid tiġi żviluppata, ikkultivata, msawra tajjeb,
immaturata fi proċess serju ta’ konverżjoni.
Il-Knisja tħares ’l hawn u ’l hinn biex tara fejn huma dawk li hi tista’
sserraħ fuqhom. Mhux Fariżej trid, imma “Nsara” veri.
In-Nisrani veru hu dak li mill-Magħmudija
kiseb tliet karattri li ilna nafu bihom.
Imma narmu ’l hemm it-teoriji għax it-teorija ma tbiddel xejn. Mhux paroli imma fatti! Huwa fatt li l-Magħmudija fil-milja tagħha
tagħmilna: 1. Saċerdoti, għax ninterċiedu għad-dinja, għall-ħolqien
kollu f’Talba ħerqana li titla’ quddiem Alla;
2. Slaten, għax aħna ulied
is-Sultan ta’ kollox u allura għandna l-istess natura tiegħu rebbieħa fuq
il-Mewt u werrieta ta’ dak kollu li hu tiegħU;
3. Profeti, għax
ninagħtraw dixxerniment mill-Ispirtu li nagħrfu dak li hu tajjeb minn dak li hu
ħażin u nipproklamawh lid-dinja bla biża’.
Dawn huma t-tliet karatteristiċi tan-Nisrani. Il-Liturġija tal-Kelma ta’ dan il-Ħadd
tkellimna ħafna dwar din l-aħħar karatteristika.
Lil Eżekjel Alla kellmu ċar dwar li għandu
jitħabat kontra l-kurrent tan-natura mwaqqa’ tal-bniedem. Il-ġimgħa l-oħra Ġeremija qal: “Il-kelma tal-Mulej saret għalija tgħajjir
u tmaqdir kuljum. U jien għidt: ‘Ma
nsemmihx aktar, ma nitkellimx aktar f’ismu.’
Iżda f’qalbi hemm bħal nar jaqbad, magħluq f’għadmi. Għejjejt inżommu, ma niflaħx għalih.” (Ġer. 20, 8-9). Ara xi
ġralu! In-Nisrani hu Profeta bħal
Ġeremija. Hu magħmul hekk
mill-Magħmudija li tgħammar fih. Min ma
jħossx dan in-Nar tal-Kelma jaħarqu f’għadmu għandu jkun jaf li hemm bżonn li
tissawwar il-Magħmudija tiegħu. Għandu
bżonn Proċess.
Kif jista’ n-Nisrani ma jwiddibx? Imma jekk ma jagħmilx dan b’Imħabba, aħjar ma
jwiddeb xejn u jitlob lil Alla jħenn għalih u jagħtih konverżjoni. L-Imħabba hi kollox. Il-Magħmudija għandha s-saħħa li tagħtina,
bil-mod il-mod, l-għarfien ta’ kemm aħna maħbubin minn Alla u dan l-għarfien
inibbet Imħabba reċiproka fina lejn il-Mulej u lejn il-proxxmu. Nispiċċaw ma nissaportux naraw lil min qed
joqtol lilu nnifsu bid-dnub!
Għax id-dnub joqtol, u ma joqtolx biss lil min jagħmlu
imma joqtol il-Ġemgħa, jagħmel ħsara lil-“ġid komuni” kif qed jgħidulu
daż-żmien. Id-dnub individwali, anke
meta magħmul fis-sigriet u li donnu mhu jagħmel ħsara lil ħadd ħlief lil min
jagħmlu, jispiċċa joqtol lill-Knisja, inikket l-Ispirtu ta’ Alla l-Ħaj li
jgħammar fiha. Il-Knisja hi d-Dawl,
il-Melħ, il-Ħmira tad-dinja, imma dan kollu jittappan bid-dnub li nagħmel jien
bla ma jarani ħadd. Id-dnub hu dlam u
għandu konsegwenzi fuq l-oħrajn.
L-Iskrittura titkellem ħafna fuq dan.
Illum qed jippruvaw idarruna nitbissmu quddiem id-dnubiet
soċjali li qabel kienu jaħsdu. Jekk ma
taqbilx, jgħajruk li inti lura, antik, bigott, fundamentalist... Imma, nerġa’ ngħid, l-Imħabba hi kollox. Jekk titħassar lil dak li jkun int tista’
tirriskja li tiġi mgħajjar, għax hi l-Imħabba li timbuttak. Kristu jgħid lilek u lili: “Jekk ħuk jaqa’ f’xi dnub, mur sibu waħdu u
widdbu.” (Mt. 18, 15). Tkun qed issalvah mill-Mewt! Immaġina tara lill ibnek magħluq barra għal
dejjem mis-Saltna!!! Kif jista’ jkun li
noqogħdu bi kwietna meta xi ħadd għażiż għalina qiegħed f’rabta ħażina, jew
telaq mill-Knisja, jew intefa’ jagħmel il-flus b’mod korrott? Kif jista’ jkun li nserrħu l-kuxjenza għax
issa hekk hi l-moda?
Imma fl-istess ħin attenzjoni! Timmaġinax li int aħjar. Tista’ tkun int. Jekk Alla jneħħi idu minn fuqna, ilkoll
nagħmlu ħwejjeġ li jiskandaliżżaw lil ħaddieħor. Aħna lkoll midinbin, imma midinbin mifdija
minn Kristu b’Demmu u dan għandu jqabbad dak in-Nar ta’ Ġeremija ġewwa fina li
ma jħalliniex kwieti la quddiem id-dnub tagħna lanqas dak ta’ ħaddieħor.
Il-Liturġija tal-Kelma tal-lum:
Qari I
Jekk
ma twiddibx lill-midneb, demmu nfittxu minn idejk.
Eżek 33, 7-9
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Eżekjel
Dan jgħid il-Mulej: “Lilek,
o bniedem, qegħedtek għassies ta’ dar Iżrael. Meta tisma’ minn fommi xi kelma, għandek
twiddibhom f’ismi. Jekk jien ngħid lill-midneb: “Int tmut żgur,” u int ma
tkellmux u ma twiddbux biex jitlaq triqtu, hu, il-midneb, imut fi ħżunitu, imma
demmu nfittxu minn idejk.
Imma jekk inti twiddeb il-midneb dwar triqtu biex jerġa’
lura minnha u ma jerġax, hu jmut fi dnubu, imma int tkun salvajt ħajtek”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 94 (95), 1-2.6-7.8-9
R/. (8): Isimgħu leħen
il-Mulej u la twebbsux qalbkom
Ejjew, ħa nfaħħru bl-hena
l-Mulej,
ħa ngħajtu bil-ferħ
lill-blata tas-salvazzjoni tagħna!
Nersqu quddiemu b’għana ta’
radd il-ħajr,
ngħannulu b’għajat ta’
ferħ. R/.
Ejjew inqimuh u ninxteħtu
quddiemu,
għarkubbtejna quddiem
il-Mulej li ħalaqna!
Għaliex hu Alla tagħna,
u aħna l-poplu tal-mergħa
tiegħu u n-nagħaġ tiegħu. R/.
Mhux li kontu illum
tisimgħu leħnu!
“La twebbsux qalbkom bħal
f’Meriba,
bħal dakinhar f’Massa, fid-deżert,
meta ġarrbuni u ttantawni
missirijietkom,
għalkemm raw dak li jien
għamilt”. R/.
Qari II
L-imħabba
hija l-milja tal-liġi.
Rum 13, 8-10
Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani
Ħuti, tkunu obbligati lejn ħadd ħlief li tħobbu lil
xulxin. Kull min iħobb ikun iħares il-bqija tal-Liġi. Għax il-kmandamenti: “La
tagħmilx adulterju, la toqtolx, la tisraqx, la tkunx rgħib”, u kull preċett
ieħor, hu liema hu, kollha jinġabru f’kelma waħda: “Ħobb il-proxxmu tiegħek
bħalek innifsek”. L-imħabba ma tagħmilx deni lill-proxxmu; mela l-imħabba hi
l-milja tal-Liġi.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
2 Kor 5, 19
Hallelujah. R/. Hallelujah
Alla kien li ħabbeb
il-ħolqien miegħu nnifsu permezz ta’ Kristu,
u fdalna l-ministeru ta’
din il-ħbiberija.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Jekk
jisma’ minnek, tkun irbaħt ’il ħuk.
Mt 18, 15-20
Qari mill-Evanġelju
skond San Mattew
F’dak iż-żmien, Ġesù qal
lid-dixxipli tiegħu: “Jekk ħuk jaqa’ f’xi dnub, mur sibu waħdu u widdbu. Jekk jisma’
minnek, tkun irbaħt lura lil ħuk. Jekk ma jismax, erġa’ mur u ħu miegħek wieħed
jew tnejn oħra, biex kull ma jingħad jissaħħaħ bil-kelma ta’ żewġ xhieda jew
tlieta. Jekk imbagħad anqas minnhom ma jkun irid jisma’, mur għid lill-knisja.
U jekk anqas mill-knisja ma jkun irid jisma’ żommu b’wieħed pagan jew
pubblikan.
Tassew ngħidilkom, li
kull ma torbtu fuq l-art ikun marbut fis-sema, u kull ma tħollu fuq l-art ikun
maħlul fis-sema. Ngħidilkom ukoll li jekk tnejn minnkom fuq l-art jgħollu
leħinhom flimkien biex jitolbu xi ħaġa, Missieri li hu fis-smewwiet,
jagħtihielhom. Għax fejn tnejn jew tlieta jkunu miġbura f’ismi hemm inkun jien
f’nofshom”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu
|