Din hija il- Liturgija ta' L-Erbgha u Ghoxrin Hadd matul is-sena ( 2020 ) bi hsibijiet min Joe Rapa.
Ir-reliġjonijiet kollha, l-etika ta’ kull
ċiviltà u kultura, l-intuwizzjoni misterjuża li tgħammar f’kull bniedem, dawn
kollha jitkelllmu favur il-bżonn li l-bniedem jaħfer, għax il-Maħfra hi ħelsien
mill-għawġ, mit-tilwim, mill-ġlied, mill-gwerra u finalment, mill-qerda
tal-bniedem. Hija, fuq kollox, fejqan
għall-bniedem minn ġewwa. Għalhekk
bħalma hu naturali li l-bniedem iħoss, isofri, ibati mill-feriti li jaqla’
fir-relazzjoni tiegħu mal-oħrajn, hekk ukoll iħoss il-bżonn tal-fejqan bil-Maħfra. Il-problema hi li hemm tarf għall-kapaċità
tal-bniedem li jaħfer. Din hi problema kbira!
Il-bniedem huwa esseri miġruħ. Fil-profond tiegħu għandu ġerħa li tnixxi
l-Ħajja l-ħin kollu. Dan jagħmlu
dgħajjef u kkundizzjonat lejn l-egoiżmu, li jaħseb għalih innifsu u jiġbed lejh
f’kulma jagħmel. Tant drajna b’dan, tant
drajna bina nfusna fiċ-ċentru tal-univers, li lanqas biss nindunaw. Il-ħin kollu nagħtu raġun lilna nfusna u
kuljum niffirmaw ċertifikat ta’ kondotta tajba biex ikollna ftit ta’ sliem
magħna nfusna. Dan kollu hu parti mis-“survival
instinct” tan-natura tagħna.
Il-ġerħa terribbli li laqqat il-bniedem u li jħalliha
b’wirt lil uliedu minn ġenerazzjoni għall-oħra hi s-suspett dwar l-oriġini
tiegħu, dwar l-“Għajn” li minnha ħareġ, dwar Alla. Il-bniedem għandu bżonn salvazzjoni; għandu
bżonn fejqan; għandu bżonn li jiġi mreġġa’ lura lejn il-bidu, lejn l-oriġini,
lejn il-Ġenna li fiha tpoġġa meta hu kien ċert mill-Imħabba li ħalqitu. Hu kien maħluq xbiha ta’ Alla, iben Alla,
imma nqata’ minnU meta daħal f’moħħu l-ħsieb li hu waħdu, li kollox hu
kumbinazzjoni, li jekk ma jaħsibx hu għalih innifsu ħadd mhu se jaħsiblu. Emmen il-katekeżi tax-xitan, tal-għadu
misterjuż tiegħu li għer għall-ferħ tiegħu, għas-sliem tiegħu, għall-fiduċja u
s-serħan il-moħħ tiegħu u nibbitlu ħaxixa morra fil-ġnien ta’ qalbu: “Hu Alla
magħna jew rival tagħna?”
Minn hawn ’il quddiem il-bniedem beda jġorr fih
dikatomija, firda fih innifsu. Jixtieq
jagħmel it-tajjeb imma maqtugħ mill-fiduċja f’Alla li minnu tiġih il-Ħajja, hu
ferut, mhux kapaċi. Hemm limitu safejn
jista’ jasal. F’din il-qagħda xi ħtija
jew inġustizzja li jirċievi tħallih imbuttat minn qawwa ġewwinija biex ipatti,
biex ma jaħfirx, biex jobgħod. “Għandi
raġun!” jgħidlek. U hekk, minn Kajjin ’l
hawn il-bniedem daħal f’ċirku vizzjus ta’ vjolenza li titpatta bi vjolenza
oħra, tilwima li ġġib tilwima oħra, gwerra li tnissel gwerra oħra.
Ir-reliġjonijiet kollha jpoġġu quddiem il-bniedem
il-kmandament tal-maħfra għall-ġid komuni, biex il-ħsara ma tibqax tikber, biex
il-bniedem jikkontrolla ruħu, biex forsi jinkiser dak iċ-ċirku vizzjus li
għadna kif semmejna. Iżrael irċieva dan
l-għamar ukoll u l-Ewwel Qari minn Bin Sirak jitkellem b’mod elokwenti fuq
l-għerf li jgħidlek biex ma żżommx f’qalbek għax deni lilek jiswa, biex ma
tivvendikax ruħek għax il-Mulej innifsu jreġġa’ lura għal fuq rasek il-vendetta
tiegħek, u fuq kollox biex taħfer id-dnub ta’ għajrek ħalli mbagħad jinħafer
tiegħek ukoll.
Imma Iżrael għadda minn esperjenza tal-għaġeb fid-deżert
u anke matul l-Istorja tiegħu kollha.
Induna li Alla tah il-Liġi mhux biex jobdiha imma biex jinduna li mhux
kapaċi jobdiha! Alla jaf kollox; Hu jaf
xi ġralu l-bniedem li kien ħalaq; jaf safejn jista’ jasal kemm għat-tajjeb u
kemm għall-ħażin. Jekk il-bniedem sar
mix-xejn iweġġa’, hu inutli tgħidlu biex ma jgħidx “Aħħ!”. Inutli tgħidlu biex ma jirrabjax, biex ma
jimteliex bl-istmellija, biex ma jsaħħanx moħħu bi ħsibijiet ta’ tpattija. Alla, permezz tad-dgħufija tagħna quddiem
il-Liġi, quddiem ix-Shemà qaddisa li tgħid: “Ħobb lill-Mulej Alla tiegħek fuq
kollox u lil għajrek (lill-għadu tiegħek) bħalek innifsek”, irid jikkonvinċina
li għandna bżonn salvazzjoni, Salvatur.
Il-Missier bagħat lil Ibnu fid-dinja biex “kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda
jkollu l-ħajja ta’ dejjem. Għax Alla ma
bagħatx lil Ibnu fid-dinja biex jagħmel ħaqq mid-dinja, imma biex id-dinja
ssalva permezz tiegħu.” (Ġw. 3, 16-17). Din hi l-ġabra
fil-qosor tal-missjoni ta’ Kristu, tal-Aħbar it-tajba tal-Vanġeli. Alla nkarna ruħu f’laħam dgħajjef bħal tagħna
biex jinagħta bħala offerta ta’ tpattija, offerta li tirbaħ Maħfra gratis għal
kull bniedem. Imma din il-Bxara hi bla
saħħa quddiem kuxjenza li ma tagħrafx li hi ħatja! Hi bla saħħa quddiem bniedem li mhux jinduna
li d-dwejjaq tiegħu, it-toqol tal-ħajja, in-nervi, il-korla, il-ħajja bla sens
li qed jgħix, il-fatt li xejn ma jikkuntentah, in-nuqqas ta’ paċi f’qalbu huma
kollha ġejjin minn fatt wieħed: li mhux jagħraf li hu mejjet, li hu jgħammar
ġewwa qabar, li jinsab f’qagħda li għandu bżonn li Xi Ħadd qawwi joħorġu
minnha. Irid jagħraf il-bniedem li hu ma
ġiex maħluq għal ħajja bħal din li qed jgħix, qisu kelb feroċi li ħadd ma
jista’ jlumu, imma hu possibbli li jsir ħaruf manswet, li jaħfer, li jinduna li
anke hu jista’ jonqos lil ħaddieħor, li anke hu għandu bżonn il-maħfra.
Hu possibbli li jitwieled mill-ġdid fi Kristu! Hu
possibbli li jinagħta natura ġdida li taf tħobb anke lil min idejjaqha! Il-Grazzja trid tkun. Kemm hi sabiħa il-Grazzja, meta l-Mulej iżur
il-qalb feruta u muġugħa tal-bniedem li ma jridx jaħfer, u bid-Dawl ħanin
tal-Ispirtu s-Santu jurih li kulħadd jiżbalja u li anke hu għandu xi jrodd lil
ħaddieħor. Kemm hi sabiħa l-Grazzja meta
l-bniedem jinduna li Alla jħobbu hekk kif inhu, li jaf li hu muġugħ, li
jagħdru, li Kristu miet għalih għax kien id-dnub tiegħu li qatel lill-Iben ta’
Alla. Kemm hi sabiħa l-indiema.
Min ikollu laqgħa bħal din ma’ Kristu ma jistax ikun li
ma jaħfirx. Ma jaħfirx min għadu qatt ma
ltaqa’ ma’ Kristu. Hi ħaġa tal-għaġeb
dak li tirrakkonta l-parabbola tal-lum. Meta
jien u int nindunaw kemm kbir hu d-dejn li għandna ma’ Alla, mal-Imħabba li
ħalqitna... kemm ma jista’ qatt jitħallas dan id-dejn għax hu kbir wisq (għaxart
elef talent. Ġesù jesaġera għal
tal-apposta biex juri li l-bniedem qatt ma jista’ jifdi dejnu ma’ Alla. Għaxart elef talent = 340 tunnellata
deheb! Mitt dinar = daqs nofs kilo
fidda.). Imma li fl-istess ħin dan id-dejn kollu nħafer għax tgħabba bih Kristu
l-inoċenti... allura, kif jista’ jkun li ma naħfrux il-ħmerijiet ta’ ħutna
l-bnedmin?
Għalhekk il-Maħfra mhix sempliċi kmandament. Jekk int tħossok maħfur minn Kristu, inti
taħfer. Jekk il-maħfriet ta’ Kristu
għalik ifissru ftit u int ma tantx tistmahom, hemm kemm hemm kmandamenti, inti
m’intix se taħfer. Għax il-Maħfra
titwieled fil-bniedem mhux minnu nnifsu imma minn Kristu msallab għalina u
minflokna. Nitolbu l-Grazzja li nħarsu
lejn il-Kurċifiss b’għajnejn ġodda u hemm naraw il-Maħfra għalina li lil Alla
swietlu tant. Huwa dan id-Dawl li
jagħtina qalb ġdida li taħfer l-offiżi tal-oħrajn.
Il-Liturġija tal-Kelma tal-lum:
Qari I
Aħfer il-proxxmu
dnubietu, u mbagħad dnubietek jinħafrulek.
Sir 27, 30 – 28, 7
Qari
mill-Ktieb ta’ Bin Sirak
Għadab u qilla, dawn ukoll ta’ min
jistmerrhom,
u l-bniedem midneb mimli bihom.
Min ifittex jitħallas b’idejh, isib ħlasu mingħand il-Mulej,
li jifli sewwa dnubietu.
Aħfer il-proxxmu dnubietu,
u mbagħad titlob u dnubietek jinħafrulek.
Bniedem irawwem għadab għal ieħor,
u mbagħad se jfittex fejqan mingħand
il-Mulej?
Minn bniedem bħalu m’għandux ħniena,
u mbagħad se jitlob għal dnubietu?
Jekk bniedem jibqa’ mgħaddab,
min se jpattilu għal dnubietu?
Ftakar fl-aħħar ta’ ħajtek, u ieqaf
mill-mibegħda;
ftakar fit-taħsir u l-mewt,
u oqgħod għall-kmandamenti.
Ftakar fil-kmandamenti u tobgħodx il-proxxmu;
ftakar fil-patt tal-Għoli u agħlaq għajnejk
għall-offiża.
Il-Kelma
tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 102 (103), 1-2.3-4.9-10.11-12
R/. (8): Ħanin u twajjeb il-Mulej
Bierek, ruħ tiegħi, il-Mulej!
B’qalbi kollha nbierek l-isem qaddis tiegħu.
Bierek, ruħ tiegħi, il-Mulej,
u la tinsiex il-ġid kollu li għamel miegħek.
R/.
Hu jaħfer dnubietek kollha;
ifejjaq il-mard tiegħek kollu;
jifdi lil ħajtek mill-qabar;
iħaddnek bit-tjieba u l-ħniena. R/.
Ma joqgħodx jitlewwem magħna,
u anqas jinkorla għal dejjem.
Ma mexiex magħna skond ma ħaqqhom ħtijietna;
ma ħallasniex skond ma ħaqqha ħżunitna. R/.
Daqskemm huma s-smewwiet ’il fuq mill-art,
hekk hi kbira tjubitu ma’ min jibża’ minnu;
daqs kemm hu mbiegħed il-Lvant mill-Punent,
hekk hu jbiegħed minna ħtijietna. R/.
Qari II
Sew
jekk ngħixu, sew jekk immutu, aħna tal-Mulej.
Rum 14, 7-9
Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani
Ħuti, ħadd minna ma jgħix għalih innifsu, u ħadd ma jmut
għalih innifsu. Jekk ngħixu, ngħixu għall-Mulej; jekk immutu, immutu
għall-Mulej. Sew jekk ngħixu, mela, sew jekk immutu, aħna tal-Mulej. Kristu
għalhekk miet u rxoxta, biex ikun Sid kemm tal-ħajjin u kemm tal-mejtin.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Ġw 13, 34
Hallelujah. R/. Hallelujah
Nagħtikom kmandament ġdid,
jgħid il-Mulej;
li tħobbu lil xulxin bħalma
ħabbejtkom jien.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Ma
ngħidlekx taħfer sa seba’ darbiet, imma sa sebgħa u sebgħin darba.
Mt 18, 21-35
Qari mill-Evanġelju
skond San Mattew
F’dak iż-żmien, Pietru
resaq lejn Ġesù u qallu: “Mulej, xi kemm-il darba jrid jonqosni ħija biex jiena
naħfirlu? Sa seba’ darbiet?”. Wieġbu
Ġesù: “Ma ngħidlekx sa seba’
darbiet, imma sa sebgħa u sebgħin darba. Għalhekk is-Saltna tas-Smewwiet
nistgħu nxebbhuha ma’ wieħed sultan, li ried jagħmel il-kontijiet mal-qaddejja
tiegħu. Kif beda jagħmel dan, ħadulu quddiemu wieħed li kellu jagħtih għaxart
elef talent. Billi ma kellux minn fejn irroddhomlu, is-sinjur ordna li
jinbiegħu hu, martu, uliedu u kull ma kellu, ħalli b’hekk jitħallas id-dejn.
Imma l-qaddej inxteħet quddiemu jitolbu u jgħidlu:
“Sinjur, stabar ftit bija, kollox irroddlok”. Is-sinjur ġietu ħasra minn dak
il-qaddej, bagħtu u ħafirlu dejnu.
Mela dak il-qaddej joħroġ, u jiltaqa’ ma’ wieħed minn
sħabu, li kellu jagħtih mitt dinar; qabdu minn għonqu u beda jagħfsu. “Ħallas
dejnek,” qallu. Il-qaddej sieħbu nxteħet quddiemu jitolbu bil-ħniena u jgħidlu:
“Stabar ftit bija u rroddlok”. Imma dak ma riedx jaf, mar u xeħtu l-ħabs sa ma
jrodd kull ma kellu jagħtih.
Sħabu l-qaddejja raw il-ġrajja kollha u sewdu qalbhom
ħafna; marru għand is-sinjur tagħhom u tarrfulu kull ma kien ġara.
Imbagħad is-sinjur bagħat għalih u qallu: “Ja qaddej
ħażin, meta jiena ħfirtlek dak id-dejn kollu wara li tlabtni bil-ħniena, ma
kienx imissek int ukoll tħenn għal sieħbek kif ħennejt jien għalik?”. U
saħan bl-aħrax is-sinjur għalih, u tah f’idejn min jaħqru sa ma jrodd kull ma
kellu jagħti.
Hekk jagħmel lilkom Missieri li hu fis-Smewwiet jekk ma
taħfrux lil xulxin minn qalbkom”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu
|