Din hija il- Liturgija tal-Hamsa u Ghoxrin Hadd matul is-sena ( 2020 ) bi hsibijiet min Joe Rapa.
Iż-“żmien” huwa fenomenu misterjuż. Lill-bniedem ibeżżgħu għaliex huwa kejl li
jurina l-ħin kollu li l-Ħajja għaddejja.
Iż-żmien jeżisti biss hawn, f’din il-Ħajja. Fl-eternità ma jeżistix żmien, jiġifieri lil
hemm mill-Mewt. Iż-żmien jeżisti biss
fejn il-Ħajja għandha tmiemha.
Il-bniedem ma jiflaħx għaż-żmien vojt, bla sens. Irid jimlih b’xi ħaġa għax ma jissaportihx u
għalhekk tant aljenazzjoni fid-dinja.
Ilkoll qiesna serbut nemel; kulħadd sejjer ’l hawn jew ’l hinn; kulħadd
għandu x’jagħmel. Għax il-bniedem, iktar
illum mill-bieraħ, m’għadux jissaporti l-ħin għaddej bla ma jagħmel xejn, għax
il-ħin “vojt” iġagħlu joqgħod jaħseb u dan malajr iġibu wiċċ imb’ mal-esseri
tiegħu, wiċċ imb’ wiċċ miegħu innifsu.
Il-Ħajja ssir taqtigħa waħda ta’ kif se nimlew il-ħin vojt biex ma
nħarsux lejn il-vojt li hemm ġewwa fina.
Il-konverżjoni vera u serja hi meta l-bniedem
jimla dan il-vojt etern li hemm fih b’xi ħaġa tant importanti u għażiża li
tagħti sens lil Ħajtu. Xi ħadd, meta
staqsewh min hu l-bniedem, qal li l-bniedem huwa ħallieq tal-idoli. Il-bniedem il-ħin kollu juża l-intelliġenza
tiegħu biex jivvinta allat ġodda li jittama li jimlewlu l-vojt u jagħtu sens
lill-eżistenza. Ħafna affarijiet huma
tajbin: familja, xogħol, trobbija tal-ulied, ħbiberiji, volontarjat... oħrajn
huma anqas tajbin... u ħafna oħrajn huma frott il-korruzzjoni ta’ qalb
il-bniedem.
Imma għalkemm il-bniedem idur għal-ħwejjeġ tajbin
jew għal dawk ħżiena, dawn l-affariiet ilkll huma l-istess meta hu jibda
jagħmilhom alla tiegħu, għax la l-ħwejjeġ tajbin u lanqas dawk ħżiena, minnhom
infushom u waħedhom, ma jistgħu qatt jimlewlu lil Ħajtu u jagħtu sens lil
kollox. Ir-raġuni hi sempliċi: dawn l-affarijiet huma kollha iżgħar
mill-bniedem u l-bniedem għandu bżonn Xi Ħadd, jew Xi Ħaġa li hi bil wisq ikbar
minnu sabiex jispirah, idawwallu d-dlam tiegħu.
Għax il-bniedem hu ħafna ikbar milli naħsbu aħna. Ħafna jaħsbu li l-Ħajja hi li jkollok familja
u ġġib it-tfal, trabbihom sakemm jiżżewġu u jkollhom huma l-familji
tagħhom. Imma mhux din hi wkoll
l-esperjenza tal-annimali? Xi ħaġa ferm
ikbar minn hekk, xi ħaġa ferm ikbar saħansitra mill-familja għandu bżonn
il-bniedem biex jagħtih sens li jispirah tassew. Hu tajjeb li jkollna dawn l-affarijiet sbieħ
immens li taf tagħti l-Ħajja, imma l-bniedem jaf li kollox jindara, kollox
jitlef it-tlellix tal-bidu... kollox hu iżgħar minnu.
Aħna tant aħna ħlejjaq kbar u tal-għaġeb li
l-vojt tagħna għandu l-forma ta’ Alla u qatt ma nistgħu ingawdu l-Ħajja u
ngħixu għal dejjem jekk dan il-vojt ma jimliħx eżatt Alla! Li naslu għal dan hu l-veru għerf. Dan hu t-tagħlim li tagħtina l-Ħajja nfisha u
mhux l-università. Alla huwa l-Kobor,
Alla huwa l-Ġmiel, Alla huwa l-Qawwa, Alla hu l-Ħallieq, Alla hu l-Imħabba,
Alla hu l-qies waħdieni li lili u lilek jista’ jimlina tassew, li jimla l-vojt
tagħna f’qies eżatt! IppruvaĦ u
tara. Kemm nies, ġemgħa enormi li ma
tistax tgħoddha, ippruvaw dak kollu li tagħti d-dinja u rtiraw lura għax
indunaw li kienu qed jilagħbu man-nar.
Sabu lil Alla u l-ispirtu tagħhom strieħ għax fl-aħħar waslu fejn
kellhom jaslu.
Din it-tfittxija għal Dak li jagħti sens lil
Ħajja, hi ħaġa urġenti u ħafna lanqas biss jissoponuha sal-aħħar jum. Anke jekk lil Alla wieħed ikun għadu ma
sabux, imma t-tfittxija għaliH hi biżżejjed biex ikollu dawl li jurih fejn hu
sejjer. Il-profeta jgħid: “Fittxu l-Mulej sakemm tistgħu issibuh
sejħulu sakemm hu qrib!” (Is. 55,
6). Din hi l-Kelma li qed
jibagħtilna l-Mulej din il-ġimgħa.
Fittex, fittex, fittex. Int se
tiskopri li anke Hu qiegħed ifittxek!
F’Ibnu Ġesù il-Missier ġie jiltaqa’ miegħek u din il-laqgħa se sseħħ
żgur la darba int trid li tinstab minnU.
Alla hu Sorpriża! Importanti, mela le, l-għaġeb
tal-presepju. Importanti li nkunu nies
li jistagħġbu b’Alla, bil-ġenerożità tiegħU.
Dan l-aħħar, l-Isqof Grech qal li tlifna l-kapaċità tal-istagħġib. Fid-dinja xejn m’għandu jġagħalna nistagħġbu
għax kollox jindara, imma Alla iva. Alla
dejjem jissorprendina u jgħaġġibna bil-Ġmiel tiegħU. Dan il-Ġmiel Hu wrih f’Ibnu mdendel ma’ salib
biex ikun tpattija għad-dnubiet kollha tiegħi u tiegħek. FiH aħna salvi. FiH aħna għall-Ġenna, għall-Ħajja ta’
Dejjem. FiH aħna resqin lejn fejn
m’hemmx iktar Mewt, m’hemmx ikta dmugħ, m’hemmx iktar uġigħ, m’hemmx iktar
non-sens, m’hemmx iktar biża’, inkwiet, tħassib, theddid. Hemm, fejn fl-aħħar iż-żmien hu skunġrat għax
lanqas biss jeżisti iktar. Dan
kollu hu miftuħ quddiemna, u tant huma
kbar il-merti li Kristu msallab u
rebbieħ fuq il-Mewt kiseb għal kull wieħed minna, li jekk irridu, jekk irridu
tassew, is-Salvazzjoni tagħna hi ċerta.
Nipperikulaw din is-Salvazzjoni għal dejjem jekk nibdluha, fil-bluha
tagħna, mal-ħmerijiet tad-dinja.
Dak kollu li seta’ jagħmel Alla għalina
għamlu fil-Misteru tal-Għid ta’ Ibnu.
FiH Huwa tana kollox, kollox, kollox; kulma għandu l-Missier
tahulna. Issa, kollox hu tagħna. Kollox hu miktub fil-wirt għalina. Dan biss jagħti sens lil din il-Ħajja fuq
l-art. Hu dan l-għarfien li jagħmel li
naraw is-salib li nġorru, ħelu u mhux saħta.
Kif se tgħix id-Diskors tal-Muntanja?
Bħala Kmandament? Bl-isforzi
tiegħek? Bit-tqanżiħ tiegħek? Ma jirnexxilekx. Imma iktar kemm tagħraf lil Alla,
lill-ġenerożità tiegħU, int tinbidel fiH u Hu jagħtik in-natura oħra, natura
mifdija li, bi Grazzja, twettaq dawk l-Opri li bniedem “Ħaj” tassew biss kapaċi
jwettaq. Min minna jista jgħid li hu
jobb lill-għadu tiegħU? Mamma mia! Imma dan hu r-ritratt tan-Nisrani adult. Mhux għax hu aħjar minn ħaddieħor, imma għax
il-vojt tiegħu ġie mimli minn Kristu li jgħammar fih.
Dan il-bniedem ma jibżax iktar miż-żmien għax
il-Mewt hi mirbuħa fi Kristu. Hu jsir
parti minn Kristu li hu ħaj għal dejjem.
Din hi l-Knisja: il-ġemgħa ta’ dawk li saru parti minn Kristu, parti
mill-Ġisem Mistiku tiegħu jekk Kristu hu ħaj għal dejjem, allura anke huma huma
ħajjin għal dejjem, u jekk għadhom hawn jafu li huma resqin lejn din
il-meravilja kollha.
Għalhekk il-Mulej jgħid: “Il-fehmiet tiegħi mhumiex fehmietkom, u t-triqat tiegħi humiex
triqatkom.” (Is. 55, 8). Għax aħna
nittalbu mingħandu ħwejjeġ li għalina jidhru mportanti imma għaliH mhuma
xejn. Bħal wieħed li jmur għand it-tabib
u jaf li għandu xi ħaġa serja imma lit-tabib jurih subgħajh iż-żgħir ta’ saqajh
għax laqtu ma’ ġebla. Jagħtih ftit dlik
u jibagħtu ’l barra. Subgħajh ifiq imma
hu qiegħed imut. Nitolbu mingħand Alla
l-miraklu tal-konverżjoni u nħalluh jagħmel bina dak li jrid Hu għax wara
kollox ismu hu “Imħabba”.
Alla hu dak li ma jaħsibhiex bħalna (Isaija). Alla hu dak li hu qrib lejn dak li jsejjaħlu
(Salm 145). Alla hu dak li jirbaħ
il-Mewt fil-bniedem bħalma għamel f’Pawlu li jiġi jaqa’ u jqum jekk jibqax hawn
jew jitlaq issa stess għal ħdejn il-Mulej (Filippin). Alla hu dak li lil tal-aħħar jagħtihom bħal
dawk li huma tal-ewwel, xejn inqas, xejn iżjed, għax Hu ħabb lil Ġuda sal-aħħar
u baqa’ sal-aħħar jitqabad sabiex isalvah.
( ara: Mattew 1w).
Il-Liturġija tal-Kelma tal-lum:
Qari I
Il-fehmiet tiegħi ma
humiex fehmietkom.
Is 55, 6-9
Qari
mill-Ktieb tal-Profeta Isaija
Fittxu l-Mulej sakemm tistgħu ssibuh,
sejħulu sakemm hu fil-qrib!
Ħa jħalli triqtu l-midneb,
u l-bniedem il-ħażin fehmietu;
ħa jerġa’ lura għand il-Mulej u jħenn għalih,
għand Alla tagħna għax hu jaħfer ħafna.
Il-fehmiet tiegħi m’humiex fehmietkom,
u t-triqat tiegħi m’humiex triqatkom. Oraklu tal-Mulej.
Għax daqs kemm huma ogħla s-smewwiet mill-art,
daqshekk ieħor huma triqati ’l fuq minn triqatkom,
u l-fehmiet tiegħi mill-fehmiet tagħkom.
Il-Kelma
tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 144 (145), 2-3.8-9.17-18
R/. (18a): Qrib il-Mulej lejn kull min
isejjaħlu
Kuljum irrid inbierkek,
u nfaħħar ismek għal dejjem ta’ dejjem.
Kbir il-Mulej, ta’ min ifaħħru bil-bosta,
bla tarf il-kobor tiegħu. R/.
Twajjeb u ħanin il-Mulej,
idum biex jagħdab u kollu tjieba,
Twajjeb ma’ kulħadd il-Mulej,
tjubitu fuq kull ma għamel. R/.
Ġust il-Mulej fl-imġiba tiegħu kollha,
twajjeb f’dak kollu li għamel.
Qrib il-Mulej lejn kull min isejjaħlu
lejn kull min isejjaħlu fis-sewwa. R/.
Qari
II
Għalija l-ħajja hi Kristu.
Fil 1, 20c-24.27a
Qari mill-Ittra ta’ San
Pawl Appostlu lill-Filippin
Ħuti, Kristu jkun
imsebbaħ fil-ġisem tiegħi, sew jekk ngħix u sew jekk immut. Għax għalija
l-ħajja hi Kristu, u l-mewt hi rebħ. Jekk għandi nibqa’ ħaj fil-ġisem, dan
ifisser li għandi nagħti l-frott tax-xogħol tiegħi. X’naqbad nagħmel ma nafx;
ninsab bejn ħaltejn. Min-naħa l-waħda, nixtieq nintemm u nkun ma’ Kristu, li
jkun ħafna aħjar għalija; min-naħa l-oħra, jekk nibqa’ ngħix fil-ġisem, ikun
ħafna aħjar għalikom. Ħaġa waħda ngħidilkom: ġibu ruħkom kif jixraq
lill-Evanġelju ta’ Kristu.
Il-Kelma
tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
ara Atti 16, 14b
Hallelujah. R/. Hallelujah
Mulej iftħilna qalbna
biex nifhmu l-kliem ta’ Ibnek Ġesù Kristu.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Qiegħed tgħir għax jien qalbi tajba?
Mt 20, 1-16
Qari mill-Evanġelju
skond San Mattew
F’dak iż-żmien, Ġesù qal
lid-dixxipli tiegħu din il-parabbola: “Is-Saltna tas-Smewwiet
tixbah lil wieħed sid li ħareġ filgħodu kmieni ħafna biex isib nies tax-xogħol
u jħaddimhom fl-għalqa tiegħu tad-dwieli. Ftiehem ma’ xi ħaddiema b’dinar kull
jum u bagħathom l-għalqa. Ħareġ ukoll madwar it-tielet siegħa, ra oħrajn
qegħdin fil-pjazza, bla xogħol, u qalilhom: “Morru intom ukoll l-għalqa, u
nagħtikom li jkun ħaqqkom”. U marru.
Raġa’ ħareġ għal xi
s-sitt siegħa u mbagħad għal xi d-disgħa siegħa, u għamel l-istess. Għall-ħabta
tal-ħdax-il siegħa raġa’ ħareġ u sab oħrajn qiegħda, u qalilhom: “Għaliex
qegħdin hawn il-jum kollu ma tagħmlu xejn?”. Qalulu: “Għax ħadd
ma qabbadna”. Qalilhom: “Morru intom ukoll l-għalqa”.
Għal fil-għaxija mbagħad
sid l-għalqa qal lill-prokuratur tiegħu: “Sejjaħ lill-ħaddiema u ħallashom,
ibda minn dawk li ġew l-aħħar u spiċċa b’dawk tal-ewwel”. Ġew dawk li daħlu
għax-xogħol fil-ħdax-il siegħa u ħadu dinar kull wieħed. Ġew tal-ewwel, u
stennew li kienu se jirċievu iktar, iżda huma wkoll ħadu dinar kull wieħed. Huma
u jitħallsu qabdu jgemgmu kontra s-sid u jgħidu: “Dawn tal-aħħar siegħa waħda
għamlu, u int qisthom bħalna li tgħabbejna bil-piż tal-jum u s-sħana!”.
Qabeż is-sid u qal lil
wieħed minnhom: “Ħabib, minn xejn ma nqastek jien; mhux b’dinar ftehemt miegħi?
Ħu li jmissek u itlaq. Lil dan tal-aħħar irrid nagħtih daqs kemm tajt lilek. Ma
nistax nagħmel li rrid bi ħwejġi jien? Jew qiegħed tgħir għax jien qalbi
tajba?”. Hekk tal-aħħar jiġu l-ewwel, u tal-ewwel jiġu l-aħħar”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu
|