Din hija il-Liturgija tas-Sitta u Ghoxrin Hadd matul is-sena ( 2020 ) bi hsibijiet min Joe Rapa.
|
Hija l-Fidi fl-Aħbar it-Tajba, fl-Evanġelju
ta’ Sidna Ġesù Kristu, li tagħmel minn bniedem “Nisrani”. Ħajja morali tajba hi, naturalment,
imperattiva; m’hemm xejn veru mingħajrha!
Imma wieħed jista’ jgħix moralment ħajja eżemplari ħafna bla ma jkun
Nisrani. Ma tridx tkun Nisrani biex
wieħed jitlob lil Alla. Il-Lhud u
l-Misilmin jitolbu ħafna, u forsi iktar minna wkoll. Ma tridx tkun Nisrani biex tagħti
karità. Hawn min ma jemmen b’xejn u
jħobb jgħin lil min hu batut u jitħabat favur id-drittijiet tal-fqir. M’hemmx għalfejn tkun Nisrani biex tagħmel
penitenza. Hawn nies ta’ reliġjonijiet
oħra li jsumu iktar minna, u saħansitra nies ateji li għandhom kontroll u
dixxiplina qawwija fuqhom infushom. U,
fl-aħħar mill-aħħar, lanqas għandek għalfejn tkun Nisrani biex temmen f’ħajja
oħra wara din, għax anke nies ta’ reliġjonijiet oħra jemmnu u jittamaw f’dan, u
anke nies li ma jipprattikaw l-ebda reliġjon jiddefendulek din l-aħħar tama
tal-bniedem.
Hija l-Fidi f’Ġesù Kristu li tagħmilna
differenti, u ħafna wkoll. Xi jfisser li
temmen f’Ġesù Kristu? Ifisser li temmen
b’qalbek kollha u bi Grazzja mogħtija lilek mis-Sema, li Ġesù ta’ Nazaret,
imwieled minn Marija, huwa Alla nnifsu li libes laħam il-bniedem biex ikun
jista’ jgħix l-esperjenza fenomenali tal-Għid.
U x’inhi din l-esperjenza tal-Għid?
Importanti li nkun ċari u ċerti dwar dan għax hawn qegħda s-Salvazzjoni
tagħna. Il-Misteru tal-Għid huwa il-Passjoni,
il-Mewt u l-Qawmien mill-imwiet ta’ Sidna.
Imma hawn ukoll irridu nenfasizzaw xi ħaġa mportanti. L-Għid jitlob minna li mhux biss nemmnu li
dan seħħ fi Kristu, imma li f’din l-Istorja hemm aħna mdaħħlin ukoll!
Huwa dan li jibdel qalb il-bniedem. Id-differenza bejn il-Ġudajizmu, l-Islam,
ir-reliġjonijiet kollha li sawwar il-bniedem u l-Fidi f’Ġesù l-Iben ta’ Alla hu
li ta’ qabel ipoġġu l-bniedem fiċ-ċentru... isalva skont kemm jistinka hu, kemm
jobdi hu, kemm hu kapaċi hu. Kristu huwa
Aħbar Tajba għall-bniedem dgħajjef li jiskopri li l-Liġi ħadd ma jista’
jobdiha, imma li Alla bagħat lil Ibnu biex jobdiha b’mod sħiħ Hu għalina! Ġesù wettaq l-Għid għalija u għalik! Minfloki u minflokok. Hu inagħta bħal Ħaruf għall-qatla biex ipatti
Hu għax aħna qatt ma stajna npattu għal dnubietna. Hu rebaħ il-Mewt minfloki għax jien qatt u
qatt ma kont se nasal biex nirbħilha lil din l-akbar għadu tiegħi. L-ubbidjenza tiegħu lil Kristu rebħitlu merti
eterni li bihom ilibbes lil kull bniedem li jemmen f’dik is-siegħa tal-għaġeb
li għaliha ġie fid-dinja.
Din hi d-differenza bejn Kristu u
r-reliġjonijiet kollha tad-dinja. Fi
Kristu, Alla niżel biex jieħu fuqu l-konsegwenza tad-dnub ta’ kulħadd, waqt li
r-reliġjon tħalli lill-bniedem jipprova jpatti hu għal dak li wettaq. Fi Kristu, Alla ħa fuqu t-tagħbija tal-ħtija
li jagħfas bħal madad kull bniedem u din it-tagħbija, lil Kristu għattnitu. Imma
din l-Imħabba hi ikbar mid-“Dnub”, ikbar mill-Mewt u rebħitilhom it-tnjen. San
Pawl jiddiskrivi dan kollu xi swielu lil Alla.
Hu jinseġ innu dwar il-Kenosi, in-niżla fix-xejn u l-umiljazzjoni ta’
Alla biex aħna neħilsu “scott free” kif
jgħidu l-Ingliżi. Dan l-innu jinsab
fit-tieni qari tal-lum.
Hu,
li għad li kellu n-natura ta’ Alla, ma qagħadx ifittex tiegħu li hu daqs Alla,
imma tneżża’ minn kollox, billi ħa n-natura ta’ lsir, sar jixbah lill-bniedem, u deher minn barra bħal
bniedem; ċekken lilu nnifsu billi obda sal-mewt, anzi sal-mewt tas-salib. (Fil. 2, 6-8). X’ġenn ta’
Mħabba! Kieku nkunu tant hienja, ixxurtjati,
imbierka li nirċievu d-Dawl tal-Ispirtu s-Santu, u jinżel f’qiegħ qalbna
l-għarfien profond ta’ dan kollu, kieku qalbna, minn tal-ġebel issir ratba
kollha Mħabba għal Dak li ħabbna tant u li ħelisna minn konsegwenzi tal-biża’
billi sar donnu dudu tal-art (S. 22, 7) minflokna, li titqażżeż tħares lejh (Is.
53, 3).
Għalhekk waqt li r-“reliġjon” tpoġġi lill-bniedem
fiċ-ċentru, il-Kristjaneżmu jpoġġi lil Alla, lil Kristu u l-Grazzja li rebħilna
Hu fiċ-ċentru tal-Istorja tas-Salvazzjoni. Dan irridu nisħqu fuqu, għax
għalkemm hemm abbiss jaqsam bejn l-Aħbar ta’ Kristu u r-reliġjożità, sikwit
flok Insara nkunu biss “reliġjużi”, nemmnu biss fl-isforzi tagħna, f’dak li
nimmeritaw aħna, u nġibu fix-xejn is-Salib u l-Qawmien ta’ Kristu. Għax jekk dak li nagħmlu aħna hu biżżejjed
biex nirbħu l-Ħajja ta’ Dejjem, x’ġie jagħmel Kristu fid-dinja u x’jiswa
l-Misteru tal-Għid tiegħu?
San Pawl qalilna fil-qari li kkwotajna, li Kristu tneżża’
minn kollox. Dan ifisser tneżża
min-natura ta’ Alla. Fejn qabel ma setax
imut, issa kellu ġisem li jmut. Fejn
qabel ma setax ibati, issa seta’ jiġi mġiegħel ibati. Fejn qabel kien glorjuż u mżejjen b’kull
ġmiel, issa sar hekk dgħajjef li mank sab post diċenti fejn jitwieled, u spiċċa
mejjet fuq l-agħar forka merfugħa għall-kriminali ħorox.
Dan għamlu biex aħna, li nemmnu, ninagħtaw natura ġdida;
għal kollox ġdida. Min jemmen f’dak li
seħħ għalih fuq il-Golgota u meta tgerbet il-ġebla minn wiċċ il-qabar, issa
jirċievi minn hawn stess in-natura ta’ Alla li hi rebbieħa fuq il-Mewt, fuq
l-inkwiet kollu, fuq il-biża’ tax-xjuħija, tal-mard, fuq dak kollu li
normalment itellagħlek is-sħab u jgħattilek ix-xemx tal-kuntentezza
tiegħek. X’wirt enormi rebħilna l-Mulej
Ġesù bl-ubbidjenza tiegħu. Din in-natura
tixbah lil tiegħu li bil-mod il-mod nirċievu, tagħmel li nsiru kapaċi ngħixu
Ħajja li tagħmilna differenti mill-bqija tad-dinja. Kristu hu bil-bosta aqwa minn kull reliġjon
oħra. Infatti, il-Messija deher
fid-dinja biex iġib fi tmiemha l-era tar-reliġjonijiet għax ma baqax iktar sens
għalihom.
San Pawl iwissi li hu mportanti li ngħassu fuqna nfusna
li ma nkunux ingannati dwar il-Fidi li għandna.
Fidi vera u adulta fi Kristu u f’dak li Kristu rebaħ għalina għandha
ġġib fostna “Għaqda” li bħalha m’hemmx fid-dinja egoista. In-natura l-ġdida għandha tnissel fina
Imħabba li mhix naturali imma hi ta’ Alla; Imħabba li tasal biex tagħder,
tifhem u tħobb lill-għadu! Dawn huma
ż-żewġ sinjali li jġagħlu lid-dinja tammetti u tgħid: “Hawn jinsab Alla!” U dan mhux għax l-Insara huma, minnhom
infushom, aħjar mill-oħrajn, imma għax irċivew dan kollu bi Grazzja. Infatti, ħafna drabi Alla jagħżel l-iktar
nies dgħajfa biex id-dinja tistagħġeb iktar u tifhem, li hu Alla li jibdel u jqaddes lin-nies, u
hekk hi tiġi salvata.
Il-Liturġija tal-Kelma tal-lum:
Qari I
Jekk
il-midneb jerġa’ lura mid-dnub, isalva ruħu.
Eżek 18, 25-28
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Eżekjel
Dan jgħid il-Mulej: “Intom
tgħidu: “M’hijiex sewwa l-imġiba tal-Mulej!”. Issa isimgħu, dar
Iżrael: Forsi l-imġiba tiegħi m’hijiex sewwa? Mhux l-imġiba tagħkom li m’hijiex
sewwa?
Jekk wieħed ġust jitbiegħed
mill-ġustizzja tiegħu u jagħmel il-ħażen, u jmut minħabba dan, minħabba ħżunitu
jkun miet. Imma jekk il-midneb jerġa’ lura mid-dnub li jkun għamel, u jagħmel
il-ħaqq u l-ġustizzja, hu jsalva ruħu. Għax ikun intebaħ u reġa’ lura
mid-dnubiet kollha li jkun għamel, u jibqa’ ħaj u ma jmutx”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 24 (25), 4-5.6-7.8-9
R/. (6a): Ftakar fil-ħniena
u t-tjieba tiegħek, Mulej
Triqatek, Mulej, għarrafni,
il-mogħdijiet tiegħek
għallimni.
Mexxini fis-sewwa tiegħek u
għallimni,
għax int Alla
tas-salvazzjoni tiegħi.
Għalik nixxennaq il-jum
kollu. R/.
Ftakar fil-ħniena u fit-tjieba tiegħek,
għax huma minn dejjem, Mulej.
Tiftakarx fil-ħtijiet u fid-dnubiet ta’ żgħożiti:
inti tajjeb, Mulej;
ftakar fija skond it-tjieba tiegħek. R/.
Tajjeb u sewwa l-Mulej;
għalhekk juri triqtu lill-ħatja.
Imexxi l-imsejkna fis-sewwa,
jgħallem lill-fqajrin it-triq tiegħu. R/.
Qari
II
Aħsbu bħalma kien jaħseb Kristu Ġesù.
Fil 2, 1-11
Qari mill-Ittra ta’ San
Pawl Appostlu lill-Filippin
Ħuti, jekk hemm fikom xi faraġ fi Kristu; jekk hemm xi kelma ta’
ħlewwa fl-imħabba; jekk hemm xi xirka fl-Ispirtu; jekk hemm xi ħniena u
mogħdrija; kunu fehma waħda u mlewni bil-ferħ! Ħa jkollkom l-istess imħabba, u
ruħ waħda u ħsieb wieħed.
Tagħmlu xejn b’pika ta’ partit, anqas għall-ftaħir fieragħ; imma
kunu umli u kull wieħed minnkom iqis lill-ieħor aħjar minnu. Ħadd minnkom ma
għandu jfittex li jaqbillu, imma li jaqbel lil ħaddieħor.
Aħsbu bħalma kien jaħseb Kristu Ġesù:
hu li għad li kellu
n-natura ta’ Alla,
ma qagħadx ifittex tiegħu
li hu daqs Alla,
iżda xejjen lilu nnifsu
billi ħa n-natura ta’ lsir;
sar jixbah lill-bnedmin, u
deher minn barra bħala bniedem;
ċekken lilu nnifsu, billi
obda sal-mewt,
anzi sal-mewt tas-salib.
Għalhekk Alla għollieh
sas-smewwiet u
żejnu bl-isem li hu fuq kull isem,
biex fl-isem ta’ Ġesù
– fis-sema, fl-art u f’qiegħ l-art –
il-ħlejjaq kollha jinżlu għarkubbtejhom,
u kull ilsien jistqarr:
“Ġesù Kristu hu l-Mulej”,
għall-glorja ta’ Alla
l-Missier.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Ġw 10, 27
Hallelujah. R/. Hallelujah
In-nagħaġ tiegħi jisimgħu
leħni,
u jiena nagħrafhom, u huma
jimxu warajja.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Il-pubblikani
jaslu qabilkom fis-Saltna ta’ Alla.
Mt 21, 28-32
Qari mill-Evanġelju
skond San Mattew
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lill-qassisin il-kbar u lix-xjuħ
tal-poplu: “Intom x’jidhrilkom? Kien hemm raġel li kellu żewġ ulied. Resaq fuq
il-kbir u qallu: “Ibni, illum mur aħdem l-għalqa tad-dwieli”.
U dak qallu: “Ma rridx”.
Iżda mbagħad biddel il-fehma u mar. Resaq fuq l-ieħor u qallu l-istess. “Arani
sejjer, sidi,” qallu dan, u ma mar xejn. Min minnhom it-tnejn għamel kif ried
il-missier?”. “L-ewwel wieħed”, weġbuh. U qalilhom
Ġesù: “Tassew, ngħidilkom, li l-pubblikani u n-nisa tat-triq deħlin qabilkom
fis-Saltna ta’ Alla. Għax Ġwanni ġie għandkom miexi fit-triq tal-ġustizzja, u
intom ma emmintuhx iżda l-pubblikani u n-nisa tat-triq emmnuh; u għalkemm intom
rajtu dan kollu, bqajtu sa la ħħar ma biddiltux il-fehma tagħkom, u ma
emmintuhx”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu
|