Wednesday, 21 October 2020
           
Home
IS-SEBGHA U GHOXRIN HADD MATUL IS-SENA (2020) IL-KNISJA HI GHAZIZA F’GHAJNEJN ALLA. PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Sunday, 04 October 2020

Din hija il-Liturgija tas-Seba' u Ghoxrin Hadd matul is-sena ( 2020 ) bi hsibijiet min Joe Rapa.

haddiema_fl-ghalqa_tad-dwieli.jpg

 

Fejn jista’ wieħed  jara l-Preżenza ta’ Alla fid-dinja?  Hemm ħafna li jarawha fil-Ħolqien majestus li bih aħna mdawrin u li qajla jista’ wieħed jikkonvinċi lilu nnifsu li dan kollu sar b’kumbinazzjoni.  Ix-xjenza tgħid li xejn ma jista’ joħloq lilu nnifsu, u allura, ħafna resqu lejn dan Alla Ħallieq.  Ma jafux min hu imma jafu li Xi Ħadd Kbir wara dan l-univers bil-fors li hemm.

 

Oħrajn, ħafna oħrajn, skoprew lil Alla fl-Istorja personali tagħhom, fl-esperjenza tagħhom.  Iġorru f’qalbhom Memorjal, ġrajja, li fiha huma konvinti li ltaqgħu ma’ Alla li fetaħ triq quddiemhom meta  kollox kien jidher umanament mitluf. 

Iżda oħrajn inġibdu lejn Alla għax messew ma’ Nisrani!  Nies ateji, xettiċi, preġudikati, li dejjem waqqgħu għaż-żufjett il-ħwejjeġ qaddisa tal-Fidi... jagħmluha ma’ Nisrani veru, fuq ix-xogħol, waqt il-mogħdija taż-żmien eċċ. u jibqgħu milquta quddiem id-Diskors tal-Muntanja li dan il-bniedem jgħix donnu bla sforz.  Quddiemhom deher bniedem li nissel f’moħħhom ‘question mark’.  Għax rawh imdawwar bl-inkwiet imma hu bħal kieku kien miexi fuq l-ilmijiet; imdawwar bin-nirien tal-Ħajja imma ma nħaraqx, baqa’ fis-sliem.  U f’qalbu dak li jkun jgħid: “Kieku dan kollu ġara lili, kieku jien iġġennint.  Nixtieq inkun bħalu!” 

 

Imma hawn ma rridux nitkellmu biss dwar bniedem wieħed li jkun xhud ta’ Kristu.  Biex ix-xhieda tkun tassew awtentika irid ikun hemm Ġemgħa, kbira jew żgħira, imma Ġemgħa, Knisja, li tixhed għall-Qawmien mill-Mewt ta’ Kristu u li Hu tassew hu Spirtu li jinagħta lil min jemmen fih, Spirtu ta’ Ħajja ta’ Dejjem.  Għax għal wieħed, tista’ tgħid li dan hu kas speċjali, dak qassis, jew dak fula f’qargħa, wieħed li twieled b’karattru tajjeb.  Imma jekk, minflok, tara grupp ta’ aħwa li huma magħqudin bejniethom, inbidlu tant li jħobbu anke lil min idejjaqhom, dawn jixhdu li fosthom hemm il-Preżenza ta’ Alla.  Din tkun l-Evanġelizzazzjoni vera. 

 

Hu faċli għalina ngħidu li llum ħadd ma jrid jisma’.  Hu veru li hawn aljenazzjoni manja, imma quddiem tant nies li jsibu ruħhom waħedhom fit-twegħir tal-Ħajja, Kristu ma jistax jibqa’ b’idejH marbutin, imma jixtieq li qrib dawn in-nies ikun hemm Knisja ħajja li tagħti sinjali li jagħtu tama lil dak li jkun.  Din hi l-għalqa tad-dwieli li Alla jixtieqha tagħti frott bnin li jisarraf f’inbid tal-Festa li jferraħ qalb in-nies.  Din hi l-Missjoni tal-Knisja: li meta l-imbegħda jarawha jaraw Tama, xaqq ta’ Dawl, jindunaw li anke għalihom teżisti l-Imħabba ta’ Alla.

 

Imma jista’ jkun li jiġi żmien meta din l-għalqa ma tagħtix frott!  Jista’ jkun li jiġu nies ifittxu l-inbid tal-Ħajja u minflok isibu għeneb qares, u jxerrduha li dik l-għalqa għeneb qares tagħti, għax ikunu ġew skandalizzati minnha.  Gwaj għall-Knisja meta ma tixhidx għal Kristu, u ara ma jkunx hawn min jaħseb li jien qed nirreferi għall-qassisin tafux!  Mhux il-qassisin biss huma Knisja. Jien u int, aħna lkoll, il-poplu li jgħodd ruħu bħala l-Poplu ta’ Alla, aħna lkoll aħna l-Knisja u Alla żeragħna fl-għalqa tad-dwieli tiegħu biex inkunu l-Inbid tal-Festa għal dinja mifnija bil-vjolenzi, bl-egoiżmi, bin-nuqqas ta’ Fidi, bis-sekulariżmu, bil-qliegħ tal-flus ‘at all costs’...  Tħares ’l hemm u ’l hawn u ma tarax ħlief tensjonijiet, inkwiet u fuq kollox il-biża moħbi u sigriet tal-Mewt.  Dawn huma nies li għandhom bżonn lil Kristu, għandhom bżonn jiltaqgħu ma’ Dak li miet għalihom.  Jekk m’għadhomx jemmnu, kif se nagħmlu biex ngħinuhom jerġgħu iħarsu lejn Kristu?  Billi niġġudikawhom? 

 

Il-Knisja hija dik li tagħti demmha għad-dinja.  U jekk dan ma jseħħx, Alla nnifsu jibgħat l-għawġ fuqha biex tikkonverti.  Il-Liturġija tal-Kelma tal-lum titkellem il-ħin kollu fuq dan.  Il-Knisja hi Ġemgħa ta’ nies li skoprew lil Kristu imma li għandhom bżonn jikkonvertu kuljum!  Jekk iċċiċċi bilqiegħda, Alla jqajjimha u jibagħtha lejn l-Eżilju kif bagħat lil Iżrael. 

 

Alla jitkellem bis-sinjali taż-żminijiet, bis-sinjali tal-Istorja.  Jien jolqotni ħafna dak li Alla għamel b’San Ġorg Preca għall-Knisja ta’ Malta.  Mhux biss għax fetaħ il-Mużew, imma għax hu kien Kelma ta’ Alla għall-Knisja.  Bih, Kristu lill-Knisja ta’ Malta ried jgħidilha li ma kinitx qegħda tieħu ħsieb it-trawwim fil-Fidi taż-żgħar u taż-żgħażagħ. Kienet qegħda tieħu ‘for granted’ il-Fidi ta’ kulħadd għax la twelidna f’Malta, allura kulħadd hu Nisrani!  Iktar milli fundatur ta’ moviment, Dun Ġorg kien Kelma ta’ Alla.

 

Illum Alla wkoll qed ikellem lill-għalqa tad-dwieli tiegħu.  Għax l-Inbid li jintagħsar minn din l-għalqa naqas sew.  Mill-ġdid qed nieħdu ‘for granted’ il-Fidi.  Il-Fidi trid taħdem għaliha u kif.  Alla jagħżaq l-għalqa, iqallibha ta’ taħt fuq, jiżbor id-dwieli li hemm fija, anzi qiegħed jiżborha waħda sew u f’daqqa waħda qed ngħidu: “Hi kemm iċċekkinna!”   Hekk kien jgħid Iżrael ukoll.  Fl-Ewropa sibna ruħna fl-Eżilju, saret kontinent barrani għall-Knisja.  Bħal Iżrael fil-Babilonja.

 

Iżrael mar tajjeb mal-Eżilju!  Kellu bżonnu.  Infatam minn ħafna ħmerijiet li kienu jsaħħnu l-irjus.  Fl-umiljazzjoni hu daq il-Kelma.  Flok it-Tempju, Alla tah is-sinagoga bil-Kelma bħala ċ-ċentru.  Bħalma lil dak l-agħma, Kristu fejqu billi beżaqlu f’għajnejh, anke lill-Knisja, Alla qed jiskomodaha billi jdemmilha bil-Kelma tiegħu, bl-Aħbar it-Tajba.  Il-kotra ma tifhimx kif Kristu hu Aħbar Tajba, Evanġelju.  Kif jista’ jkun dan?  Għalhekk mit-tħabbir tal-Kerigma toħroġ l-enerġija li tagħti l-frott, bħalma mid-demel tieħu l-ħadid is-siġra.

 

Id-dinja hi għatxana għall-Imħabba.  Kulħadd ifittixha din l-imbierka Mħabba kullimkien, anke fejn hemm biss il-Mewt.  Ifittxuha fid-dnub, ifittxuha billi jittalbuha mingħand in-nies, ifittxuha fil-flus, fid-droga, fis-sokor... ifittxuha billi jqimu l-idoli li toffri d-dinja.  U x’ħin ma jsibuha mkien, jirrassenjaw ruħhom u jgħidu li s-sliem, il-ferħ, l-Imħabba ma jeżistux.  F’din id-dinja, min jifalħ iħawwel, u daqshekk.

 

Kristu ta Ħajtu biex, maġenb nies bħal dawn, ipoġġi Knisja ħajja li tikkonvinċi bil-fatti li l-Imħabba u s-sliem tassew jeżistu.  Hu miet għall-bdiewa li qatluh (ara Vanġelu tal-lum).  Għalihom ukoll miet. Għal kull bniedem jasal dak il-waqt misterjuż, għotja/sorpriża ta’ Alla, li fih isseħħ il-profezija ta’ Żakkarija fit-Testment il-Qadim:  “U huma jħarsu lejn dak li jkunu nifdu, u jibkuh bħal wieħed li jibki lil ibnu l-waħdieni, u jokorbu għalih bħal min jokrob għal ibnu l-kbir.”  (Żak. 12, 10).

 

    Il-Liturġija tal-Kelma tal-lum:

 

Qari I

L-għalqa tal-Mulej tal-eżerċti hija d-dar ta’ Iżrael.

Is 5, 1-7

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija

 

Ħa ngħanni lill-maħbub tiegħi

l-għanja ta’ mħabbtu għall-għalqa tad-dwieli tiegħu.

Il-maħbub tiegħi kellu għalqa tad-dwieli

fuq għolja għammiela.

Għażaqha u naddafha miż-żrar,

u ħawwel fiha dwieli mill-aħjar;

bena torri f’nofsha,

u wkoll ħaffer magħsar fiha.

Stennieha tagħmel l-għeneb tajjeb,

iżda kull ma għamlet kien għeneb qares.

U issa, intom li tgħammru f’Ġerusalemm,

irġiel ta’ Ġuda,

agħmlu intom ħaqq bejni u bejn l-għalqa tad-dwieli tiegħi.

X’kien fadalli nagħmel għall-għalqa tiegħi

u ma għamiltux?

Stennejtha tagħmel għeneb tajjeb,

u kull ma għamlet kien għeneb qares.

U issa ħa nurikom

x’sejjer nagħmel jien lill-għalqa tiegħi tad-dwieli.

Inneħħilha l-ilqugħ ta’ madwarha, u jħarbtuha;

inġarrfilha l-ħajt,

biex in-nies tgħaffiġha.

Nagħmel minnha xagħra;

ħadd ma jiżborha jew jaħdimha,

u jinbet fiha x-xewk u l-ħurrieq.

Jien ngħid lis-sħab

biex ma jagħmilx xita fuqha!

Għax l-għalqa tad-dwieli tal-Mulej tal-eżerċti

hija d-dar ta’ Iżrael;

u l-irġiel ta’ Ġuda

huma l-mixtla tal-għalqa tiegħu.

Huwa stenna l-ġustizzja,

u araw sab it-tixrid tad-demm,

stenna s-sewwa,

u araw sama’ l-għajat tal-maħqura.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 79 (80), 9.12.13-14.15-16.19-20

 

R/. (Is 5, 7a): Il-għalqa tal-Mulej hija d-dar ta’ Iżrael

 

Inti qlajt dielja mill-Eġittu,

warrabt il-ġnus biex tħawwel lilha.

Meddet sal-baħar il-friegħi tagħha,

sax-xmara ż-żraġen tagħha. R/.

 

Għaliex, mela, ġarraft il-ħitan tagħha,

u kull min jgħaddi jqaċċat minnha?

Iħarbatha l-ħanżir selvaġġ,

il-bhejjem tar-raba’ jirgħu fiha. R/.

 

Erġa’ ejja, Alla tal-eżerċti;

ħares mis-sema, u ara,

u żur ’il din id-dielja.

Ħu ħsieb dak li ħawlet lemintek,

ir-rimja li int kabbart għalik. R/.

 

Aħna ma nitbegħdux minnek;

roddilna l-ħajja, u aħna nsejħu ismek.

Reġġagħna għal li konna, Alla tal-eżerċti;

itfa’ fuqna d-dija ta’ wiċċek, u nkunu salvi. R/.

 

Qari II

Alla tas-sliem ikun magħkom.

Fil 4, 6-9

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Filippin

 

Ħuti, tħabbtu raskom b’xejn. Fit-talb kollu tagħkom itolbu u uru lil Alla xi jkollkom bżonn, u iżżuh ħajr. U s-sliem ta’ Alla, sliem li jgħaddi kull ma l-moħħ jista’ jifhem, iżommilkom qalbkom u moħħkom sħaħ fi Kristu Ġesù.

 

Mill-bqija, ħuti, f’dan għandkom taħsbu: f’kull ma hu veru, f’kull ma hu xieraq, f’kull ma hu ġust, f’kull ma hu safi, f’kull ma jiġbed l-imħabba, f’kull ma jistħoqqlu ġieħ, f’kull ma hu virtù, f’kull ma ħaqqu t-tifħir; f’dan kollu aħsbu.

 

U kull ma tgħallimtu u ħadtu mingħandna, u smajtu u rajtu fina, agħmluh. Alla tas-sliem ikun magħkom.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

ara Ġw 15, 16

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Jien għażilt lilkom biex tmorru tagħmlu l-frott

u l-frott tagħkom jibqa’, jgħid il-Mulej.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Il-għalqa jqabbilha lil bdiewa oħra.

Mt 21, 33-43

 

Qari mill-Evanġelju skond San Mattew

 

F’dak iż-żmien Ġesù qal lill-qassisin il-kbar u lix-xjuħ tal-poplu: “Isimgħu parabbola oħra: Kien hemm wieħed, sid ta’ għalqa, u ħawwilha bid-dwieli; tellgħalha ħajt tas-sejjieħ madwarha, ħaffer magħsar fiha, u bnielha torri; u qabbilha lil xi bdiewa. U siefer f’art oħra.

 

Meta wasal żmien il-frott, bagħat il-qaddejja tiegħu għand dawk il-bdiewa biex jiġbrulu l-frott li kien imissu. Iżda l-bdiewa qabdu lill-qaddejja, u lil wieħed sawtuh, lil ieħor qatluh, u lil ieħor ħaġġruh. Reġa’ bagħtilhom qaddejja oħra, aktar minn qabel, u għamlulhom l-istess.

 

Fl-aħħar bagħtilhom lil ibnu. “Minn ibni jistħu,” qal. Iżda kif raw lil ibnu l-bdiewa bdew jgħidu bejniethom: “Ara l-werriet! Ejjew noqtluh, biex il-wirt tiegħu niħduh aħna”. Qabduh, xeħtuh ’il barra mill-għalqa u qatluh. Issa sid l-għalqa x’jagħmlilhom lil dawk il-bdiewa meta jiġi?”. Qalulu: “Jeqridhom bla ħniena, ta’ ħżiena li huma, u l-għalqa jqabbilha lil bdiewa oħra li jroddulu l-frott fi żmienu”.

 

Qalilhom Ġesù: “Qatt ma qrajtu fl-Iskrittura li:

“Il-ġebla li warrbu l-bennejja saret il-ġebla tax-xewka;

bis-saħħa tal-Mulej seħħ dan: ħaġa tal-għaġeb f’għajnejna?”.

 

Għalhekk ngħidilkom li s-Saltna ta’ Alla tittieħed mingħandkom u tingħata lil ġens li jagħmel il-frott minnha”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu

Last Updated ( Sunday, 04 October 2020 )
 
< Prev   Next >