Din hija il-Liturgija tat-Tmienja u Ghoxrin Hadd matul is-sena ( 2020 ) bi hsibijiet min Joe Rapa.
Kemm drabi, jaħasra, naqgħu f’viżjoni negattiva ta’ min
hu Alla u min hi l-Knisja. Kemm drabi
f’ħajjitna, wettaqna obbligi, atti ta’ ubbidjenza kontra qalbna, qisu hemm Xi
Ħadd jgħasses fuqna. Kemm drabi pruvajna
nagħmlu biċċa negozju ma’ Alla u allura tqanżaħna biex nogħġbuH u
nimpressjonawH, biex, min-naħa tiegħU jagħtina dak li ma nistgħux nakkwistaw
aħna. Kemm drabi ibbisna kontrih meta ma
qlajniex dak li stennejna u ħriġna ddiżappuntati biH. Kemm drabi ma fhimniex lil Alla fl-Istorja
tagħna u tad-dinja. Kemm preġudizzji
kontra l-Knisja.
Għal kuntrarju, Alla hu Għarus li jrid jidħol f’rabta
eterna ta’ żwieġ miegħi, miegħek, mal-Ġemgħa sħiħa li tagħmel Knisja. Alla hu dak li l-aktar li jaf jinnamra! Hu l-iktar għannej sensittiv, romantiku li
joħloq għalik, għalija, għall-Knisja l-isbaħ għanja ta’ Mħabba li qatt tlissnet: “Ejja
mil-Libanu, għarusa tiegħi; ejja mil-Libanu ejja! Se jkollok b’kuruna il-qċaċet
tal-muntanji, l-ogħla trufien tal-Ħermon.
Inti graħtli lil qalbi, ja oħti, għarusa tiegħi. Ejja mil-Libanu, għarusa tiegħi; ejja
mil-Libanu ejja!” (Għanja 4, 8w)
Kristu hu l-Maħbub li għażel għaliH tfajla mitluqa,
imċerċra, maħmuġa, li waqgħet fi lsien in-nies.
Din hi l-Knisja! Din hija ruħi,
ruħek. Imma lil din il-Knisja, lili,
lilek, l-Għarus irid jiġbidna mil-Libanu, mit-tlellix vojt tad-dinja li
tgħaddi, inaddafna, jaħsilna, jlibbisna l-libsa tat-tieġ, imsielet,
brazzuletti, iċ-ċurkett tar-rabta. Fuq
kollox irid iġeddidilna żogħżitna għax xjaħna nfittux l-Imħabba ’l hawn u ’l
hinn. Iridna ninsew is-snin li qattajna
nirgħu il-qżieqeż. Hu jħares lejna b’għajnejn
misterjużi għax mhux jarana hekk kif
aħna llum, imma qed jara dak li għandu f’moħħU li jagħmel minna. L-Imħabba tagħlaqlu għajnejh għall-ħmieġ u
l-intiena tal-maqjel minn fejn qalagħna, u jikkontempla s-sbuħija tal-Għarusa,
sbuħija li rebaħ Hu għaliha bil-Mewt u l-Qawmien tiegħU.
Ejjew niċċelebraw l-Imħabba tal-Għarus
għall-Għarusa. Hu jogħxa jitbaxxa,
jitbaxxa, jitbaxxa biex jinżel ħdejha.
JogħġbuH l-inħawi moqżieża, maħmuġa, għax hemm ċans akbar li jiltaqa’
ma’ Mħabbtu hemm! Hu ħalla s-Sema u
niżel fix-Xegħol ifittixha lill-ħarufa għażiża tiegħu u meta sabha
qalilha: “Maħbuba tiegħi, qum, ejja, sabiħa tiegħi! Għax, ara, għaddiet ix-xitwa, spiċċat
ix-xita, marret. Fuq l-art ġa deher
il-ward, iż-żmien tal-għana wasal u fuq artna nstema’ leħen il-gamiem!” (Għanja 2, 10-12).
Kont qed naqra dwar Lourdes u għidt: Kos, Alla dejjem
l-istess! Massabielle, fejn dehret
il-Madonna, kien post il-qżież. Hemm
kienu jarmu ż-żibel ta’ Lourdes, il-ħmieġ, il-fdal tal-ikel, fuq kollox
is-sintina li kien jibqagħlhom mill-isptar... faxex bid-demm u l-materja,
partijiet ta’ iġsma maqtugħa u l-bqija!
Dan il-post għażel Hu għall-Verġni Marija biex jagħmel minnu “Ġmiel”,
kalamita ta’ tama għall-kotra marida u muġugħa, post qaddis u bieb tas-Sema!” Wara kollox, l-għar ta’ Betlehem ftit kien
aħjar; u l-istess post il-forka fejn kellu jispiċċa.
Huwa f’postijiet bħal dawn li l-Imħabba tinagħta. Imma dawn il-postijiet mhumiex l-aħħar
kelma. Għax l-Għarus jiġbed lill-Għarusa
lejn is-sebħ u l-glorja tiegħU. Isaija
jiddiskrivi l-Ikla tat-Tieġ li Alla jħejji għal kull wieħed u waħda minna li
ngħidu “Iva!” għall-Imħabba tiegħu.
L-ikel huwa l-Kelma tal-Bxara t-Tajba li biha hu jaqta’ l-ġuħ
għall-Imħabba li l-Għarusa kellha. Qatt
iktar mhi se tfittex ħbieb oħra, għax barra l-ikel, issa għandha wkoll l-inbid
tal-festa, l-Ispirtu s-Santu. Qabel
kienet mejta, imma issa hi Ħajja, u Ħajja għal dejjem, għax l-Għarus ċarrat minn fuq din il-muntanja il-velu li kien igħatti l-verità (ara
Is. 25, 7), u l-verità hi din: il-Mewt hi mirbuħa! L-Għarus mar jitqabad magħha u hi belegħtu
imma Hu kien il-Mewt tagħha għax Hu qam mill-Mewt! L-Imħabba kienet aqwa mill-għadu u l-Għarusa
rat id-dmugħ tat-tbatijiet tagħha ixxuttati għal dejjem mill-Maħbub. Hi ħajja għal dejjem għax hi maħbuba għal
dejjem!
Li l-Mewt hi mirbuħa hi l-għajta tal-Kristjaneżmu. Ir-Ragħaj mar jiġġildilhom l-ilpup għax
il-merħla twerwret quddiemhom, il-biża’ pparaliżża lin-nagħaġ li kienu qishom
bla saħħa meħudha għall-Mewt. Imma
r-Ragħaj ta ħajtu għalihom. Huma baqgħu
skantati għax rawH ġej lura b’ilbiesu ħomor bħal ta’ dak li jisħaq
l-għeneb. Hu niżel fil-ħawt tal-għeneb,
jgħid Isaija band’oħra, u waħdu saħaq
lill-għedewwa u għalhekk ilbiesu saru ħomor nar. (Is. 63, 3). Għalhekk
in-ngħaġ jemmnu b’qalbhom kollha fl-Imħabba tar-Ragħaj tagħhom, u b’moħħu
mistrieħ, dak li ġarrab dan f’laħmu, fl-Istorja tiegħu, jgħid: Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi, xejn ma
jonqosni. F’mergħat kollhom ħdura
jqegħedni, ħdejn l-ilma fejn nistrieħ jeħodni; hu jrejjaqni. (S. 23, 1-2).
Hu jaf mill-esperjenza tiegħu li hu maħbub minn Kristu, r-Ragħaj
tiegħu u mqar jekk nimxi f’wied mudlam, (u
kemm toffrilna widien mudlama l-Ħajja!), ma
nibżax mill-ħsara, għax inti miegħi.
Il-ħatar u l-għasluġ tiegħek (li bihom igerrex lill-għadu), huma jwennsuni. Għax bl-għasluġ Hu jsawwat lil dak li
jobogħdna, imma lilna jmissna bih, bħal donnu jrid jgħidilna: “Jien hawn! Tibżax!”
Fid-dlam imissna, jfarraġna, iwennisna.
Din il-Fidi fil-Mulej li jikkonvinċina li se ngħammru għal dejjem f’dar il-Mulej (S.
23, 6), jiġifieri se ngħixu għal dejjem, iċċekken il-problemi ta’
did-dinja. Il-problema li qabel dehret
muntanja, issa tidher dik li hi: żrara!
San Pawl jiġi jaqa’ u jqum minn jekk hux fqir jew sinjur. Hu jgħid: “Naf ngħix fil-għaks, u naf ngħix fil-ġid; kollox drajt: ix-xaba’ u
l-ġuħ, il-ġid u l-għaks. Għal kollox
niflaħ bis-saħħa ta’ Dak li jqawwini.
(Fil. 4, 12). Pawlu jgħaffeġ fuq il-problemi li
jiltaqa’ magħhom għax konvint li hu Ħaj għal dejjem, għax Dak li jemmen fiH
rebaħ għalih Ħajja li ma tispiċċax, u xejn minn dak li jinqalagħlu fid-dinja ma
seta jisraqlu din il-konvinzjoni li kien iġorr ġo sidru. Din hi l-Fidi! Rebħa fuq il-Mewt!
X’qed jitlob mingħandna l-Għarus? Xejn!
X’se jeħdilna? Xejn! X’nistgħu nagħtuh ħdejn ir-rigal li ma
jinxtarax ta’ rebħa fuq il-Mewt, ta’ Ħajja għal dejjem? Imma tgħid veru? Din donnha xi teorija meraviljuża, imma tgħid
vera? Inutli li wieħed joqgħod
jiddiskuti dwar il-Fidi. Il-Fidi hi
ċertezza li hi don tal-Ispirtu s-Santu. Min
għandu dan id-don u min m’għandux. Huwa
l-Ispirtu s-Santu li jixhed lill-ispirtu tagħna li dan li qed ngħidu hu
veru. Tant, li meta l-Fidi tilħaq
il-milja tagħha, in-Nisrani jkun ġa qiegħed fil-Ħajja ta’ dejjem waqt li għadu
hawn. Din il-Ħajja trid tidher fin-nies
biex ikunu xhieda għad-dinja li l-Mewt hi gidba ta’ satana li bil-biża’ tagħha
jġagħalna nagħmlu r-rieda tiegħu.
Dan hu li xxandar il-Knisja. Ilha xxandar dan elfejn sena. Tafu għaliex m’għejjietx? Għax hi tgħixha din il-Ħajja ta’ Dejjem. Fiha
hemm dan l-Ispirtu Qaddis ta’ rebħa fuq il-Mewt. Mhix ixxandar teorija, imma qegħda
tipproklama dak li hi stess tinsab iġġarrab sena wara sena, seklu wara
seklu. Hi tistieden lin-nies biex
ikollhom l-istess esperjenza tagħha.
Imma kemm ftit jemmnuha! Għal
bosta hu iktar importanti x-xogħol (flus), il-karriera, il-passatemp,
ix-xalar. Taf min laqa’ l-istedina
fil-parabbola tal-Ikla tat-Tieg? Dawk li
l-Ħajja għaddiethom mill-uġigħ, mill-fallimenti, mill-istmerrija. Dawk li għexu rashom baxxuta għax ma kinux
“bravi” bħall-oħrajn. Dawn huma li se
jidħlu għall-Ikla tat-Tieġ tas-Sultan u l-oħrajn jindunaw tard wisq u jsibu
l-bieb magħluq f’wiċċhom.
Il-Liturġija tal-Qari tal-lum.
Qari I
Jagħmel il-Mulej mejda
b’ikel fin, u jixxotta d-dmugħ minn fuq kull wiċċ.
Is 25, 6-10a
Qari
mill-Ktieb tal-Profeta Isaija
Jagħmel il-Mulej tal-eżerċti
għall-popli kollha fuq din il-muntanja,
mejda b’ikel fin, mejda bi nbejjed ħelwa,
b’laħam imsemmen bil-mudullun, u nbejjed fini.
U jċarrat minn fuq din il-muntanja
il-velu li kien jgħatti wiċċ il-popli kollha,
għata li kien jaħbi kollha kemm huma l-ġnus.
Jeqred il-mewt għal dejjem,
jixxotta Sidi l-Mulej id-dmugħ minn fuq kull
wiċċ,
u jħassar l-għajb tal-poplu tiegħu minn wiċċ
l-art kollha:
għax il-Mulej tkellem.
U dakinhar jgħidu: “Dan hu Alla tagħna:
fih ittamajna li jsalvana;
dan hu l-Mulej li fih ittamajna:
nifirħu u nithennew bis-salvazzjoni tiegħu.
Għax id il-Mulej tinżel fuq din il-muntanja”.
Il-Kelma
tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 22 (23), 1-3a.3b-4.5-6
R/. (6cd) Ngħammar f’dar il-Mulej sakemm
indum ħaj!
Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi,
xejn ma jonqosni;
f’mergħat kollha ħdura jqegħedni.
Ħdejn l-ilma, fejn nistrieħ, jeħodni;
hemm hu jrejjaqni. R/.
Imexxini fit-triq tas-sewwa
minħabba l-isem tiegħu.
Imqar jekk nimxi f’wied mudlam,
ma nibżax mill-ħsara, għax inti miegħi.
Il-ħatar tiegħek u l-għasluġ tiegħek,
huma jwennsuni. R/.
Int tħejji mejda għalija
quddiem l-għedewwa tiegħi.
Biż-żejt tidlikli rasi,
u l-kalċi tiegħi tfawwarli. R/.
Miegħi, iva, jimxu t-tjieba u l-ħniena
il-jiem kollha ta’ ħajti.
U ngħammar f’dar il-Mulej
sakemm indum ħaj! R/.
Qari II
Għal kollox niflaħ
bis-saħħa ta’ dak li jqawwini.
Fil 4, 12-14.19-20
Qari
mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Filippin
Ħuti,
naf ngħix fl-għaks; u naf ngħix fil-ġid; kollox drajt u noqgħod għal kollox:
ix-xaba’ u l-ġuħ, il-ġid u l-għaks. Għal kollox niflaħ bis-saħħa ta’ dak li
jqawwini. Għamiltu sewwa ħafna meta qsamtu miegħi tbatijieti.
Jimliekom
Alla tiegħi b’kull ġid fil-ħtieġa tagħkom, skond l-għana tal-glorja fi Kristu
Ġesù. Lil dan Alla u Missierna, glorja għal dejjem ta’ dejjem. Amen.
Il-Kelma
tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
ara Efes 1, 17-18
Hallelujah. R/. Hallelujah
Alla ta’ Sidna Ġesù Kristu, il-Missier
tal-glorja,
jagħtikom spirtu ta’ għerf
biex tagħrfu x’inhi t-tama tas-sejħa tagħkom.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Sejħu għall-festa lil kull min issibu.
Mt 22, 1-14
Qari mill-Evanġelju
skond San Mattew
F’dak iż-żmien,
lill-qassisin il-kbar u lix-xjuħ tal-poplu Ġesù raġa’ qabad ikellimhom
bil-parabboli u qalilhom: “Is-saltna tas-smewwiet tixbah lil wieħed sultan li għamel festa
għat-tieġ ta’ ibnu. U bagħat għall-mistednin mal-qaddejja tiegħu biex jiġu għall-festa;
imma dawk ma ridux jiġu.
U reġa’ bagħat qaddejja
oħra, u qalilhom: “Għidu lill-mistednin: Ara, il-mejda tiegħi lesta; il-barrin
u l-għoġiela msemmna diġa’ maqtula u kollox lest; ejjew għall-festa”. Iżda dawk
ma tawx kas; min mar l-għalqa, min għan-negozju tiegħu, u l-bqija qabdu
lill-qaddejja tas-sultan, żebilħuhom u qatluhom. Is-sultan inkorla ħafna, u
bagħat is-suldati tiegħu, qered lil dawk il-qattiela, u ħarqilhom il-belt
tagħhom.
Imbagħad qal
lill-qaddejja tiegħu: “Il-festa mħejjija, imma lil dawk ma kienx ta’ min
jistedinhom għaliha. Mela morru f’salib it-toroq u sejħu għall-festa lil kull
min issibu”. Dawk il-qaddejja ħarġu fit-triqat u ġabru lil kull min sabu,
ħżiena u tajba, u s-sala mtliet bin-nies għall-mejda. Mela jidħol is-sultan
ħalli jara min kien hemm fuq il-mejda, u hemmhekk lemaħ wieħed li ma kienx
liebes għall-festa tat-tieġ; u qallu: “Ħabib, dan kif dħalt hawn m’intix liebes
għall-festa?”. Dak tbikkem. Imbagħad is-sultan qal
lil dawk li kienu qegħdin iservu: “Orbtulu riġlejh u idejh u waddbuh ’il barra
fid-dlam; hemmhekk ikun hemm il-biki u t-tgħażżiż tas-snien!”. Għax ħafna huma l-imsejħin,
imma ftit il-magħżulin!”.
Il-Kelma
tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu
|