Din hija il-Liturgija tad-Disgha u Ghoxrin Hadd matul is-sena ( 2020 ) bi hsibijiet min Joe Rapa.
Fil-pjan ta’ ordni fid-dinja, Alla jagħżel
nies biex jagħtihom kariżma politika, li jaħdmu għall-pajjiż, jistinkaw biex
jiddefenduh, biex ifasslu sistemi ta’ tmexxija skont iż-żmien u l-proċess
politiku li jkun wasal fih in-nazzjon.
Lil ħafna minn dawn, Alla żejjinhom bi mħabba lejn pajjiżhom u
b’altruwiżmu biex jagħmlu l-ġid, l-aktar lil dawk li normalment ma jkollhomx
min jaqbeż għalihom. Fl-Istorja nsibu
nies kbar li baqgħu imfakkra f’qalb ġenshom, jew għax tejbu l-qagħda ekonomika
ta’ kulħadd, jew għax saħansitra offrew ħajjithom fid-difiża tal-pajjiż, billi
kienu mexxejja militari.
Imma kien hemm ukoll dawk li ma wżawx id-doni
li Alla tahom b’risq l-oħrajn, imma ħadmu kemm felħu biex ikabbru l-poter
tagħhom. Kemm slaten ħabbew il-gwerra
iktar mill-paċi! Kemm politiċi (bħal
Hitler, Stalin u oħrajn kemm trid) farrku lil pajjiżhom għax il-poter għamihom
u bdew jaħsbu li huma “alla”. Kemm
moħqrija! Kemm inġustizzja! Kemm uġigħ, tbatija u dmugħ! Imma ħaġa tal-iskantament, dawk li kienu
kiefra u kissru tant nies, kollha waqgħu mis-sema bħall-kwiekeb ġerrejja. Għas-Sultan ta’ Babilonja, il-Kelma ta’ Alla qalet: “Mis-smewwiet kif iġġarraft, int il-kewkba ta’ filgħodu,
bin iż-żerniq! Kif stabatt mal-art, int
li l-ġnus kont tfarrak! U int kont tgħid
f’qalbek: Nitla’ sas-smewwiet, ’il fuq
mill-kwiekeb ta’ Alla it-tron tiegħi ngħolli!”
(Is. 14, 12-13).
Bla ma trid tibqa’ mbellaħ kif, wara tant gwerrer,
assassinji, vendetti u mibegħda, id-dinja għadha wieqfa, speċjalment
fiż-żminijiet tagħna meta numru ta’ pajjiżi għandhom armamenti atomiċi...
pajjiż wieħed immexxi minn “miġnun” kapaċi jtajjar id-dinja u jagħmilha biċċiet
iduru fl-univers. Bniedem wieħed kapaċi
jagħmel lilu nnifsu Sid il-Ħajja, fuq kulħadd!
Imma d-destin tal-bniedem hu salvat minn verità li tgħid li l-ebda
bniedem ma jitħalla jsir Sid il-Ħajja b’dan il-mod għax Sid il-Ħajja u Sid
l-Istorja huwa Alla li ħalaq kollox. Dan
hu li jsalva lid-dinja f’kull ġenerazzjoni.
B’xorti tajba Alla jaħkem fuq dawk li jaħkmu lill-bnedmin
u jużahom Hu bla ma jindunaw. Hu ta
libertà lill-bniedem u jħallih jużaha anke ħażin għax Alla hu Mħabba. Billi hu Mħabba, ma jistax iġiegħel
lill-bniedem iħobbu bil-fors, għax din ma tkun Imħabba xejn. Ħafna, speċjalment mill-mexxejja tal-popli,
ippreferew iħobbu lilhom infushom minflok lil Alla u lill-proxxmu, u l-Mulej
ħallihom imexxu ħajjithom u ħajjet dawk ta’ taħthom kif fettlilhom huma. Imma l-Mulej dejjem jaħdem b’mod misterjuż. “Għax
daqs kemm huma ogħla s-smewwiet mill-art, daqshekk ieħor huma triqati ’il fuq
minn triqatkom, u l-fehmiet tiegħi mill-fehmiet tagħkom. (Is. 55, 9). It-tapezzerija tal-Istorja
tal-bniedem, minn wara tidher koċċ tħarbit, ħjut bla sens, għoqod. Imma meta ddur magħha u tmur quddiemha... xi
spettaklu! Alla jaqta’ għad-dritt
b’toroq imgħawġa. Imma fl-aħħar dejjem
tiegħU tgħaddi.
Alla hu Sid ta’ kollox anke fejn tidħol il-Knisja,
naturalment. Kien hemm min qal li jekk
il-Knisja ma farrkuhiex dawk ta’ ġewwa mhux se jirnexxilhom l-għedewwa minn
barra. Kien hemm żmien meta dittaturi u
nies korrotti mexxew il-Knisja universali.
Il-ġid tal-Knisja kien l-aħħar ħsieb li kien jaħbat ma’ moħħhom! Il-profeti ħabbru l-Eżilju ta’ Iżrael minn
snin qabel għax il-Mulej għarrafhom li Hu kien qatagħha li jibgħat dan
il-flaġell fuq il-ġens tiegħU biex isaffiħ, iġeddu, jirriformah. Ġeremija ħabbar li Nabukkodonosor, Sultan
tal-Babilonja, kien se jfarrak lil Ġerusalemm u kien se jieħu l-poplu refuġjat
’il bogħod minn pajjiżu. Tant kien ċert
il-Profeta li beda jħeġġeġ biex iċedu malajr, ma jitqatlux fi gwerra għalxejn
għax is-Sultan ta’ Babel kien se jkun użat minn Alla għall-ġid tal-poplu. Qamu bħal tigri għalih u l-imsejken Ġeremija
kien l-iktar bniedem mibgħud għax ħasbuh li kien qed ixerred propoganda għall-barrani.
Kollox seħħ kif qal hu.
Imma Alla ġab lil Iżrael lura lejn pajjiżu sebgħin sena wara, poplu
ġdid. Dan hu li jsalva lid-dinja:
il-fatt li Alla jikkmanda kollox u dejjem tgħaddi tiegħu, fl-aħħar
mill-aħħar. Il-mod kif jaħdem hu għandu isem:
“Il-Misteru tal-Għid”. Iktar kemm ikun
tal-biża’ d-dlam tal-lejl, min jemmen iktar jistenna b’ħerqa li jibda
jżernaq! U jżernaq żgur u titla’ x-xemx
li tnessi il-waħx ta’ qabel. Meta
Abraham ma kien għad baqagħlu l-ebda tama, hu kompla jittama u wasal il-jum,
Jum iż-Żerniq, Jum il-Mulej, meta tawh f’dirgħajh lil ibnu għadu aħmar bid-demm
tat-twelid. Wara erba’ mitt sena
fil-jasar, Iżrael ra l-baħar jinferaq quddiemu.
L-Għid hu l-mogħdija minn qagħda ta’ bla tama għal
Sorpriża li Alla biss jista’ jwettaq.
Il-Bibbja hi mimlija b’dawn il-waqtiet: ġrajjiet u esperjenzi li
jirrepetu darba wara darba l-Misteru tal-Għid biex il-bnedmin jitgħallmu jemmnu
f’Dak li ma jidhirx. L-ikbar Għid hu ta’
Ġesù, l-Iben ta’ Alla, għax Ġesù huwa ċ-ċentru tal-univers, tal-Istorja; Huwa
biss jagħti sens lill-ħolqien kollu.
Anke din il-pandemija li qed ngħixu hi Storja “maħkuma”
minn Alla... hi Kelma ta’ Alla. Fuq
kollox l-Istorja tiegħi, l-Istorja tiegħek, l-Istorja ta’ kull bniedem, għandha
Sid Wieħed li qed imexxiha lejn tmiem meraviljuż. Imma tibqa’ teżisti l-libertà għax l-Imħabba,
meta hi Mħabba vera, ma ġġiegħelx li tkun maħbuba... lanqas li tkun emmnuta...
Fi żmienu, Ċiru kien Imperatur kbir. Kien pagan.
Kellu l-allat ta’ ġensu. Kien
politiku jilħaqlu. Alla ħakmu minn meta
kien żagħżugħ u tah is-setgħa biex jużah sabiex jibgħat lura l-poplu Lhudi li
kien eżiljat fl-Imperu tiegħu. Alla hu
dejjem sorpriża! Sebgħin sena bla Tempju,
bla pajjiż, u fuq kollox mingħajr Ġerusalemm il-belt maħbuba. Isaija jgħid: “Jien wettaqtlu idu l-leminija biex imidd
mal-art il-ġnus.” (Is. 45, 1). Dan hu li qal Alla għal Ċiru. Il-Verġni Marija tgħid: “Hu wera l-qawwa ta’ driegħu, xerred lil dawk li huma mkabbra
f’qalbhom... u għolla ċ-ċkejknin.” (Lq.
1, 51.52).
Anke fl-Istorja tagħna.
Min jaf kemm allat ħlaqna aħna!
Lil wieħed filosofu staqsewh: “Min hu l-bniedem?” Hu wieġeb: “Ħlejqa li l-ħin kollu toħloq
allat ġodda.” Veru. Alla jwieġeb: “Jien hu l-Mulej, u ħadd ma hemm għajri, m’hemmx Alla ieħor ħliefi... barra
minni ma hemm xejn!” (Is. 45, 5).
Hi ħasra li ftit minna (barra l-Presbiteri u r-reliġjiżi)
huma midħla tas-Salmi u tal-lingwaġġ meraviljuż tagħhom. Is-Salmi hi t-Talba tal-Knisja, kif dejjem
kienu t-Talba ta’ Iżrael. Jaqbillu ħafna
minn jindiehes magħhom għax fihom isib l-Istorja tiegħu! Meta l-bniedem jara kif Alla dejjem kellu
raġun anke meta għaddieh minn salib daqshiex, anke meta l-Istorja ġagħlitu jisħet xortih... meta l-bniedem
jifraħ u jogħxa għax Alla tassew li hu Sid l-Istorja tiegħu, hu jħoss ħerqa
kbira kbira li jfaħħru. Salm 96 hu
wieħed mill-ħafna Salmi ta’ tifħir lil Alla.
Ngħidlek li int ma tista’ qatt tivvinta kliem li jesprimi tajjeb
biżżejjed daqs is-Salmi il-gratitudni li jkollok f’qalbek. “Tassew
li l-allat tal-ġnus huma kollha frugħa, iżda l-Mulej għamel is-smewwiet! (S.
96, 5).
Frugħa hi s-saħħa! Frugħa
l-għana! Frugħa l-imħabbiet! Frugħa s-suċċessi! Frugħa l-prosit tan-nies! Frugħa l-passastempi kollha! Frugħa l-politika! Frugħa li jsemmuk fil-ġid! Frugħa kollox barra li int tagħraf il-wisa’ u t-tul, l-għoli u l-fond tal-imħabba ta’ Kristu; tagħrfu kemm
din l-imħabba ta’ Kristu tisboq kull għerf, biex timtlew bil-milja kollha ta’
Alla. (Ef. 3, 18-19).
Slaten iqumu, oħrajn
jitniżżlu, imperi u qawwiet... imma Kristu ma jridniex nintilfu wara dan kollu
u nagħmlu mill-bnedmin allat tagħna.
Għax Alla wieħed hawn u dan deher fid-dinja, jgħix l-istess esperjenzi
tagħna fil-ġisem ta’ Ġesù Nazaret. Huwa
Hu l-Alla tagħna. Huwa Hu li jmexxi
l-Istorja ta’ kollox u ta’ kulħadd.
Il-Liturġija tal-Kelma tal-lum:
Qari I
Jien wettaqt id Ċiru,
biex imidd ma’ l-art il-ġnus quddiemu.
Is 45, 1. 4-6
Qari
mill-Ktieb tal-Profeta Isaija
Dan jgħid il-Mulej dwar il-midluk tiegħu,
dwar Ċiru:
“Lilu qbadt minn idu l-leminija
biex inrażżan il-ġnus quddiemu
u nħoll il-ħżiem ta’ ġenbejn is-slaten;
niftaħ il-bibien quddiemu
u ebda bieb ma jibqa’ magħluq.
Minħabba Ġakobb, il-qaddej tiegħi,
u Iżrael, il-maħtur tiegħi,
jien sejjaħtlek b’ismek.
Tajtek isem ta’ ġieħ għad li lanqas tafni.
Jien il-Mulej, m’hemmx ieħor ħliefi,
m’hemmx Alla ieħor għajri.
Jien ħażżimtek għad li lanqas tafni,
biex mnejn titla’ x-xemx safejn tinżel,
il-bnedmin jagħrfu li m‘hemm ħadd ħliefi.
Jiena l-Mulej, m’hemmx ieħor ħliefi. “
Il-Kelma
tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 95 (96), 1.3.4-5.7-8.9-10a.c
R/. (7b): Agħtu lill-Mulej sebħ u qawwa
Għannu lill-Mulej għanja ġdida;
għannu lill-Mulej fl-art kollha!
Xandru fost il-ġnus is-sebħ tiegħu,
fost il-popli kollha l-għeġubijiet tiegħu. R/.
Għax kbir il-Mulej, ta’ min ifaħħru ħafna,
tal-biża’ aktar mill-allat kollha.
Għax kollha frugħa l-allat tal-popli;
Jaħweh hu li għamel is-smewwiet! R/.
Agħtu lill-Mulej, familji tal-popli,
agħtu lill-Mulej sebħ u qawwa;
agħtu lill-Mulej is-sebħ ta’ ismu!
Ġibulu l-offerti, u idħlu fil-btieħi
tat-tempju tiegħu. R/.
Inxteħtu quddiem il-Mulej b’tiżjin qaddis,
triegħdu quddiemu, nies kollha tal-art!
Għidu fost il-ġnus: “Il-Mulej isaltan!”.
Hu li jiġġudika l-popli bis-sewwa. R/.
Qari II
Niftakru fil-fidi u
fl-imħabba u fit-tama tagħkom.
1 Tess 1, 1-5b
Bidu
tal-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lit-Tessalonkin
Pawlu
u Silvanu u Timotju lill-knisja ta’ Tessalonika f’Alla l-Missier u l-Mulej Ġesù
Kristu: grazzja lilkom u sliem. Aħna kull ħin niżżu ħajr lil Alla minħabba
fikom ilkoll, u niftakru fikom dejjem meta nitolbu. Niftakru fil-ħidma li hi
ġejja mill-fidi tagħkom u fit-taħbit li ħiereġ minn imħabbitkom; niftakru
fil-qawwa tat-tama tagħkom f’Sidna Ġesù Kristu quddiem Alla Missierna. Aħna
nafu, ħuti, li Alla jħobbkom u għażilkom. Għax l-Evanġelju tagħna lilkom ma
kienx biss bil-kliem, imma wkoll bil-qawwa, bl-Ispirtu s-Santu u b’persważjoni
sħiħa.
Il-Kelma
tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Fil 2, 15d.16a
Hallelujah. R/. Hallelujah
Intom għandkom tiddu fid-dinja bħal kwiekeb,
u żżommu sħiħ il-kelma tal-ħajja.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Agħtu lil Ċesari dak li hu ta’ Ċesari, u lil Alla dak li hu ta’
Alla.
Mt 22, 15-21
Qari mill-Evanġelju
skond San Mattew
F’dak iż-żmien,
il-Fariżej marru u bdew jiftiehmu bejniethom biex jaraw kif jonsbuh b’xi kelma.
U bagħtulu d-dixxipli tagħhom ma’ xi Erodjani u qalulu: “Mgħallem, aħna nafu li
int raġel tħobb is-sewwa, u li t-triq ta’ Alla tgħallimha kif tassew hi, bla ma
tħabbel rasek minn ħadd, għax int lejn wiċċ ħadd ma tħares. Għidilna ħaġa,
mela: Int x’jidhirlek? Sewwa jew le li wieħed iħallas it-taxxa lil Ċesari?”.
Imma Ġesù għaraf
il-ħażen ta’ moħħhom, u qalilhom: “Għaliex tridu ġġarrbuni, ja wċuħ b’oħra?
Uruni l-munita tax-taxxa”. Urewh dinar, u Ġesù staqsiehom: “Ta’ min huma dan
il-wiċċ u din il-kitba?”. Qalulu: “Ta’ Ċesari!”. Imbagħad qalilhom: “Mela agħtu lil
Ċesari dak li hu ta’ Ċesari, u lil Alla dak li hu ta’ Alla”.
Il-Kelma
tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu
|