Din hija il-Liturgija tat-Tletin Hadd matul is-sena ( 2020 ) bi hsibijiet min Joe Rapa.
L-Istorja tad-dinja hija l-istorja
tar-relazzjoni ta’ bejn in-nies li għexu fuq din il-pjaneta. Kull meta l-bnedmin għexu f’ambjent san u
daqu l-paċi, dan seħħ għax kellhom relazzjoni tajba bejniethom, għenu lil
xulxin, ferħu flimkien, bkew flimkien, qasmu ikilhom flimkien, issograw
ħajjithom għal xulxin, ħadmu, qattgħu l-ħin, batew flimkien; għamlu l-festi
flimkien. Mhux ta’ b’xejn li s-Salm
jgħid: “Araw kemm hi
sabiħa, kemm hija ħaġa ħelwa l-imħabba ta’ bejn l-aħwa! Araw kemm hi sabiħa, kemm hija ħaġa ħelwa li
l-aħwa jgħammru flimkien!... (S. 133, 1). Qalb Alla tifraħ meta tara l-bnedmin iħossuhom sewwa ma’
xulxin mingħajr imrar f’qalbhom, għira, qrusa jew mibegħda. Din tkun ġenna fuq
l-art! Mhux l-invenzjonijiet,
il-kumdità, l-avanzi f’kull qasam, mhux dawn, lanqas l-għana, li jibnu l-ġenna
hawn, imma l-paċi sħiħa ta’ bejn l-aħwa meta “aħwa” huwa kulħadd.
Imma l-verità sikwit hi l-kontra ta’ dan. It-traġedja tal-bniedem seħħet fil-ġenesi
tal-Istorja mqallba tiegħu meta fil-Ġnien ix-xewwiex sieket xettel kelmiet
f’moħħ il-Mara. Hu resaq lejha mkebbeb
ma’ siġra, kważi nviżibbli mitluf f’kulur iz-zokk; jitkagħweġ, jiżżerżaq,
b’ħoss senswali, maġiku, li jippnotizzak.
Hu bħal tefa’ fiha l-isperma tal-Gidba u Hi tqalet u tat il-frott li hu
l-Mewt. Fil-bniedem beda jgħammar
id-Dnub, li hu s-suspett dwar l-Imħabba ta’ Alla. “Tassew li Alla qalilkom: ‘La tiklux
mis-siġar kollha tal-ġnien?... U le ma tmutux!
Imma Alla jaf li dakinhar li
tieklu minnu jinfetħu għajnejkom u ssiru bħal allat.” (Ġen. 3, 1w).
Jiġifieri ssiru bħalu... Il-bniedem
beda issa ma jafx x’jaħseb dwar Alla. Hu
Mħabba jew rival? Jinsab hemm, jew
kollox kumbinazzjoni, xorti tajba jew ħażina?
Dan hu l-flaġell tal-bniedem għax malli nqata’
miċ-ċertezza dwar Alla, hu daħal fl-insigurtà, fil-biża’, beda jara l-Mewt
madwaru għax issa m’għadux iktar parti mill-Imħabba li hi l-Ħajja. Beda jaħseb għal rasu għax issa qed iħossu
waħdu. Beda jinduna li kapaċi jasal għal
kollox jekk tmisslu lil ħajtu, jekk theddu, jekk tisraqlu serħan il-moħħ. U dan is-serħan il-moħħ insteraq mill-ewwel u
Adam jitradixxi lil martu mal-ewwel kelma li jlissen wara d-dnub meta waħħal fiha
li kienet hi li ħajritu biex waqa’ fejn waqa’.
Imbotta lilha ’l quddiem biex tħallas hi. Għabet l-Imħabba. Sparixxiet l-għaqda, l-armonija. Minn issa ’l quddiem l-affetti tal-bnedmin
bejniethom ikunu mibnija fuq jekk togħġobnix, fuq jekk tibninix, jekk tgħtinix
pjaċir, fuq jekk tkunx kif nixtieqek jien.
Din hija riċetta għall-inkwiet u għad-dmugħ u naraw kif ftit wara,
il-kbir li wildet Eva, joqtol lil ħuħ għax għer għalih, għax ħassu mhedded minnu.
Qalb il-bniedem tħassret għax issa hi feruta. Il-qalb hi kollox. Inutli lill-bniedem tagħmillu liġijiet. L-ewwel tribujiet li tnisslu, malajr indunaw
li jekk ma jkunx hemm liġijiet li
jikkonrollaw lill-bniedem, is-soċjetà tinqered.
Kollha kellhom xi sett ta’ liġijiet, anke l-iktar nies primittivi. Imma x’jiswew il-liġijiet jekk lill-bniedem
ma tbeżżgħux bil-kastig? Għaliex trid
tbeżżgħu lill-bniedem biex joqgħod
kwiet? Għax il-problema hi
l-qalb. Fl-Għeden, qalb il-bniedem
intilfet u ma hemmx tama għalih, Liġi u mhux Liġi, jekk ma tfejjaqlux
qalbu. Hi l-ferita fil-qalb li minnha
jinsab ħiereġ il-gass velenuż li qed
jeqred id-dinja.
Alla bagħat lil Ibnu fid-dinja mhux biex jikkmanda,
jordna, jagħmar lil kulħadd biex iħobbu lil xulxin. Ma kienx hemm bżonn li jiġu Hu għal dan għax
qablu ġie Mosè u falla għax, kif igħid San Pawl, bil-Liġi ma jsalva ħadd għax
il-Liġi Alla tahielna mhux biex issalvana biha għax ħadd ma jista’ jobdiha,
imma biex turina x’inhi l-Qdusija, x’inhi l-Ħajja. Ġie Kristu, il-Waħdieni li għex il-Liġi għax
kien il-Waħdieni li qalbu ma kinitx feruta bid-Dnub, u ġie biex jidħol hemm,
fil-qalb ta’ kull wieħed minnha, biex ifejqilna l-ġerħa li minnha tnixxi u
tinħela l-Ħajja.
L-Imħabba li kienet miċħuda mill-ewwel bnedmin, ġiet
fid-dinja tfittex lil dawk li Mħabba ma kinux jafu x’inhi. Il-bniedem stagħġeb meta ra lill-Imħabba
tinagħta għall-Mewt bi tpattija għad-dnubiet tal-għedewwa tagħha, biex l-ilpup
jieklu l-Ħaruf u jibqgħu ħajjin waqt li jmut Hu. Din hi l-Imħabba, u barra minnha m’hemmx
Imħabba oħra. Din hi l-Ħajja u barra
minnha m’hemmx Ħajja oħra. Flok Imħabba
għandna affetti u flok Ħajja għandna eżistenza ġerrejja lejn il-Mewt.
Meta xandar id-Diskors tal-Muntanja, Kristu kien qed
jagħtina ritratt tad-dixxiplu li jemmen fiH.
Ma ġiex biex jagħtina liġijiet ġodda.
Ġwanni l-Evanġelista
jgħidilna li: “Alla ta l-Liġi permess
ta’ Mosè imma l-Grazzja u l-Verità seħħew permezz ta’ Ġesù Kristu.” (Ġw. 1, 17). B’Ibnu, nirtu l-Grazzja
li tagħmilna nies ġodda, nies imwellda mill-ġdid, Ħolqien ġdid li jmur lura
lejn l-oriġini, il-genesi. Jekk fil-bidu
daħal id-dubju u tgerrxet l-Imħabba, issa min jemmen fl-Opra tal-Għid tal-Iben,
jesperjenzja r-ritorn lura lejn il-Ħajja ta’ Dejjem, il-Ħajja-Dejjem, li tilfu
l-ewwel ġenituri.
F’Ġesù Kristu naraw l-Imħabba li ħalqet kollox u
nindunaw, (oh x’Indiema ħelwa!), kemm konna miżerabbli mingħajr Imħabbtu. Bi kliem misterjuż Hu qal: “Meta nintrefa’ ’l fuq mill-art, jiena
niġbed il-bnedmin kollha lejja.” (Ġw.
12, 32). Min iħares, bi Grazzja, min
iħares b’għajnejn imdawla lejn Wiċċ Kristu fuq is-Salib, u jara hemm dak li
ntilef fil-Ġnien, allura jseħħ fih dak li l-Profeta Żakkarija kien ħabbar ħames
mitt sena qabel. Hu kien ra fiċ-ċpar
mudlam tal-futur xi ħaġa tal-għaġeb li kellha tiġri. Hu qal: “Huma jħarsu lejn dak li jkunu nifdu,
u jibkuh bħal wieħed li jibki lil ibnu l-waħdieni, u jokorbu għalih bħal min
jokrob għal ibnu l-kbir!” (Żak. 12, 10).
Huma n-nies li jaraw din “il-Qalba tal-Ġmiel li ssalva
d-dinja”, kif isejħilha Dostoevsky, li jibdew iħobbu lill-proxxmu għax il-ġerħa
tal-gidma ta’ Satana tkun fieqet.
Fil-Vanġelu, l-Fariżej riedu jilagħbu lil Kristu meta staqsewH liema hu
l-ikbar kmandament. Mistoqsija
banali. Anke t-tfal kienu jgħidulek
bl-amment l-istqarrija tal-Fidi Ġudajka: “Isma’,
o Iżrael: Alla tagħna l-Mulej, il-Mulej waħdu.
Ħobb, mela, lill-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha u
b’saħħtek kollha, u l-proxxmu tiegħek bħalek innfsek.” (Dewt. 6, 4-5). L-aħħar frażi dwar l-Imħabba tal-proxxmu,
Iżrael żiedha iktar tard meta għaraf iktar ċar it-tifsir tal-Liġi.
Imma ġenerazzjonijiet ta’ rabbini għorrief kienu qattgħu
n-nokkli mal-ġnub ta’ rashom jitħassbu u jargumentaw fuq min kien il-proxxmu?
Għalhekk il-Fariżew qabeż malajr malajr, għax ħaseb li kien poġġa lil Ġesù dahru mal-ħajt: “U
l-proxxmu tiegħi min hu?” (Lq. 10, 29). Kien hemm min
jaħseb li kien dawk ta’ ġewwa. Oħrajn li
kienu dawk in-nies li inti taf fil-belt tiegħek. Oħrajn li kienu dawk li għamlulek
il-ġid. Jerġa’ oħrajn kienu jgħidu li
l-proxxmu huma n-nies ta’ ġensek. U
Kristu jfarrak l-argumenti kollha bil-parabbola tas-“Samaritan it-Tajjeb”. Il-proxxmu hu l-għadu tiegħek, li jista’ jkun
ġo darek stess. Il-proxxmu hu kull min
jheddek, idejqek, iġagħlek tbati, itellagħlek is-sħab li jgħattilek ix-xemx.
Issa quddiem dan kollu, l-iktar servizz ikraħ u ħażin li
nistgħu nagħmlu lil Kristu hu li llibsuH il-libsa tqila tal-Liġi u ngħidu li hu
qal ħobb lill-għadu, inkella ma tkunx Nisrani u tmur l-infern! Din x’Aħbar Tajba hi? Ma obdewx lil Mosè, li qatt ma qal lil-Lhud
biex iħobbu lill-għadu, se jobdu lil Kristu li hu erba’ darbiet itqal?
Dawn l-affarijiet jagħmluhom dawk li jitwieldu mill-ġdid
bil-Fidi fil-merti ta’ Kristu. Hu biss
għex il-Liġi kollha miġbura fix-Shemà. U
ngħixu x-Shemà jekk ikollna lilU għax jekk ma nfiqux mill-egoiżmi li twelidna
bihom, dan kollu hu għoli wisq għalina.
San Pawl jifraħ fil-Qari tal-lum meta sema’ li dawk li hu kkonverta
ġewwa t-Tessalonika, kienu nies li fiequ fi Kristu u kienu qed jinħabbu
bejniethom u jħobbu anke lil dawk li kienu jippersegwitawhom. Kienu skoprew li Kristu tassew li hu l-blata
tal-bniedem kif jistqarr Salm17.
Iħobb min jaf l-uġigħ f’qalb l-għadu tiegħu. Kif qal xi ħadd: “Kif tista’ tħobbni, jekk ma
tafx x’inhu dak li qed jifnili qalbi?”
Mhux li kien li l-Mlej jagħtina għajnejn ġodda biex naraw l-uġigħ
tal-proxxmu u nħennu għalih.
Il-Liturġija tal-Kelma tal-lum:
Qari I
Jekk taħqru l-armla u l-iltim,
il-qilla tiegħi tixgħel għalikom.
Eż 22, 20-26
Qari
mill-Ktieb tal-Eżodu
Dan jgħid il-Mulej:
“La taħqarx il-barrani, u la tgħakksux, għax intom ukoll
kontu barranin fl-art tal-Eġittu. La taħqrux l-armla jew l-iltim, għax jekk
taħqruhom, u huma jsejħuli, jien żgur nismagħha l-għajta tagħhom; u l-qilla
tiegħi tixgħel, neqridkom bix-xabla; u n-nisa tagħkom jormlu u wliedkom jisfaw
iltiema.
Jekk inti tislef lil xi fqir mill-poplu tiegħi, iġġibx
ruħek miegħu bħal wieħed sellief, u teħodlux imgħax.
Jekk lil għajrek teħodlu l-libsa tiegħu b’rahan,
agħtihielu lura qabel inżul ix-xemx; għax hu dik biss għandu biex jitgħatta,
dik biss l-għata ta’ ġismu; inkella fiex tridu jorqod? Għax jekk isejjaħli,
jiena nisimgħu, għax jien ħanin”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 17 (18),
2-3a.3bc-4.47.51ab
R/. (2): Inħobbok,
Mulej, qawwa tiegħi
Inħobbok, Mulej, qawwa
tiegħi!
Il-Mulej
blata tiegħi,
fortizza
u ħellies tiegħi. R/.
Alla
tiegħi, sur tal-kenn tiegħi u tarka tiegħi,
qawwa
tas-salvazzjoni tiegħi u kenn tiegħi!
Insejjaħ
lill-Mulej, li hu ta’ min ifaħħru,
u nkun meħlus
mill-għedewwa tiegħi. R/.
Ħaj
il-Mulej! Imbierek hu, il-blata tiegħi!
Ikun
imfaħħar Alla tas-salvazzjoni tiegħi!
Hu jkabbar ir-rebħ
lis-sultan tiegħu,
juri mħabbtu mal-midluk
tiegħu. R/.
Qari II
Intom dortu lejn Alla
mill-idoli, biex taqdu lil Alla u tistennew lil Ibnu.
1 Tess 1, 5c-10
Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu
lit-Tessalonkin
Ħuti, intom tafu kif ġibna ruħna meta
konna fostkom għall-ġid tagħkom. Intom sirtu tixbhu lilna u l-Mulej, billi lqajtu l-kelma fost
ħafna taħbit bil-ferħ tal-Ispirtu s-Santu. Hekk intom sirtu mudell għal dawk
kollha li emmnu fil-Maċedonja u l-Akaja. Mhux biss il-kelma tal-Mulej ħarġet
minn għandkom u xterdet fil-Maċedonja u l-Akaja, imma l-fidi li għandkom f’Alla
xterdet ma’ kullimkien b’mod li aħna ma għandna għalfejn ngħidu xejn. Huma
stess jgħidu x’laqgħa kellna għandkom, u kif dortu lejn Alla u tlaqtu l-idoli
biex taqdu lil Alla ħaj u veru u tistennew ġej mis-sema lil Ibnu, li hu qajjem
mill-imwiet, Ġesù li ħelisna mill-korla li ġejja.
Il-Kelma
tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Akklamazzjoni qabel
l-Evanġelju
Ġw 14, 23
Hallelujah.
R/. Hallelujah
Jekk
xi ħadd iħobbni, iħares kelmti, jgħid il-Mulej
u
Missieri jħobbu,
u
aħna niġu u ngħammru għandu.
R/.
Hallelujah
Evanġelju
Ħobb lill-Mulej, Alla
tiegħek, u lil għajrek bħalek nnifsek.
Mt 22, 34-40
Qari mill-Evanġelju
skond San Mattew
F’dak iż-żmien,
il-Fariżej, meta semgħu kif lis-Sadduċej kien saddilhom ħalqhom, inġabru
madwaru, u wieħed minnhom, għaref fil-Liġi, għamillu din il-mistoqsija biex
iġarrbu: “Mgħallem, liema hu l-kmandament il-kbir, fil-Liġi?”. Qallu Ġesù: ““Ħobb
lill-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, u b’moħħok kollu”.
Dan hu l-kmandament il-kbir u l-ewwel wieħed. U t-tieni jixbhu: “Ħobb lil
għajrek bħalek innifsek”. Dawn iż-żewġ kmandamenti huma l-qofol tal-Liġi kollha
u tal-Profeti”.
Il-Kelma
tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu
|