Friday, 04 December 2020
           
Home arrow Home
IT-TLETIN HADD MATUL IS-SENA (2020) L-IMHABBA LEJN IL-PROXXMU HIJA S-SLIEM TAD-DINJA PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 24 October 2020

Din hija il-Liturgija tat-Tletin Hadd matul is-sena ( 2020 ) bi hsibijiet min Joe Rapa.

the-greatest-commandment-2015-01-01.jpg

 

L-Istorja tad-dinja hija l-istorja tar-relazzjoni ta’ bejn in-nies li għexu fuq din il-pjaneta.  Kull meta l-bnedmin għexu f’ambjent san u daqu l-paċi, dan seħħ għax kellhom relazzjoni tajba bejniethom, għenu lil xulxin, ferħu flimkien, bkew flimkien, qasmu ikilhom flimkien, issograw ħajjithom għal xulxin, ħadmu, qattgħu l-ħin, batew flimkien; għamlu l-festi flimkien.  Mhux ta’ b’xejn li s-Salm jgħid: “Araw kemm hi sabiħa, kemm hija ħaġa ħelwa l-imħabba ta’ bejn l-aħwa!  Araw kemm hi sabiħa, kemm hija ħaġa ħelwa li l-aħwa jgħammru flimkien!...  (S. 133, 1).  Qalb Alla tifraħ meta tara l-bnedmin iħossuhom sewwa ma’ xulxin mingħajr imrar f’qalbhom, għira, qrusa jew mibegħda. Din tkun ġenna fuq l-art!  Mhux l-invenzjonijiet, il-kumdità, l-avanzi f’kull qasam, mhux dawn, lanqas l-għana, li jibnu l-ġenna hawn, imma l-paċi sħiħa ta’ bejn l-aħwa meta “aħwa” huwa kulħadd.

 

Imma l-verità sikwit hi l-kontra ta’ dan.  It-traġedja tal-bniedem seħħet fil-ġenesi tal-Istorja mqallba tiegħu meta fil-Ġnien ix-xewwiex sieket xettel kelmiet f’moħħ il-Mara.  Hu resaq lejha mkebbeb ma’ siġra, kważi nviżibbli mitluf f’kulur iz-zokk; jitkagħweġ, jiżżerżaq, b’ħoss senswali, maġiku, li jippnotizzak.  Hu bħal tefa’ fiha l-isperma tal-Gidba u Hi tqalet u tat il-frott li hu l-Mewt.  Fil-bniedem beda jgħammar id-Dnub, li hu s-suspett dwar l-Imħabba ta’ Alla.  “Tassew li Alla qalilkom: ‘La tiklux mis-siġar kollha tal-ġnien?... U le ma tmutux!  Imma Alla  jaf li dakinhar li tieklu minnu jinfetħu għajnejkom u ssiru bħal allat.”  (Ġen. 3, 1w).  Jiġifieri ssiru bħalu... Il-bniedem beda issa ma jafx x’jaħseb dwar Alla.  Hu Mħabba jew rival?  Jinsab hemm, jew kollox kumbinazzjoni, xorti tajba jew ħażina? 

Dan hu l-flaġell tal-bniedem għax malli nqata’ miċ-ċertezza dwar Alla, hu daħal fl-insigurtà, fil-biża’, beda jara l-Mewt madwaru għax issa m’għadux iktar parti mill-Imħabba li hi l-Ħajja.  Beda jaħseb għal rasu għax issa qed iħossu waħdu.  Beda jinduna li kapaċi jasal għal kollox jekk tmisslu lil ħajtu, jekk theddu, jekk tisraqlu serħan il-moħħ.  U dan is-serħan il-moħħ insteraq mill-ewwel u Adam jitradixxi lil martu mal-ewwel kelma li jlissen wara d-dnub meta waħħal fiha li kienet hi li ħajritu biex waqa’ fejn waqa’.  Imbotta lilha ’l quddiem biex tħallas hi.  Għabet l-Imħabba.  Sparixxiet l-għaqda, l-armonija.  Minn issa ’l quddiem l-affetti tal-bnedmin bejniethom ikunu mibnija fuq jekk togħġobnix, fuq jekk tibninix, jekk tgħtinix pjaċir, fuq jekk tkunx kif nixtieqek jien.  Din hija riċetta għall-inkwiet u għad-dmugħ u naraw kif ftit wara, il-kbir li wildet Eva, joqtol lil ħuħ għax għer għalih, għax ħassu mhedded minnu.

 

Qalb il-bniedem tħassret għax issa hi feruta.  Il-qalb hi kollox.  Inutli lill-bniedem tagħmillu liġijiet.  L-ewwel tribujiet li tnisslu, malajr indunaw li jekk ma  jkunx hemm liġijiet li jikkonrollaw lill-bniedem, is-soċjetà tinqered.  Kollha kellhom xi sett ta’ liġijiet, anke l-iktar nies primittivi.  Imma x’jiswew il-liġijiet jekk lill-bniedem ma tbeżżgħux bil-kastig?  Għaliex trid tbeżżgħu lill-bniedem biex joqgħod  kwiet?  Għax il-problema hi l-qalb.  Fl-Għeden, qalb il-bniedem intilfet u ma hemmx tama għalih, Liġi u mhux Liġi, jekk ma tfejjaqlux qalbu.  Hi l-ferita fil-qalb li minnha jinsab ħiereġ il-gass velenuż li qed  jeqred id-dinja. 

 

Alla bagħat lil Ibnu fid-dinja mhux biex jikkmanda, jordna, jagħmar lil kulħadd biex iħobbu lil xulxin.  Ma kienx hemm bżonn li jiġu Hu għal dan għax qablu ġie Mosè u falla għax, kif igħid San Pawl, bil-Liġi ma jsalva ħadd għax il-Liġi Alla tahielna mhux biex issalvana biha għax ħadd ma jista’ jobdiha, imma biex turina x’inhi l-Qdusija, x’inhi l-Ħajja.  Ġie Kristu, il-Waħdieni li għex il-Liġi għax kien il-Waħdieni li qalbu ma kinitx feruta bid-Dnub, u ġie biex jidħol hemm, fil-qalb ta’ kull wieħed minnha, biex ifejqilna l-ġerħa li minnha tnixxi u tinħela l-Ħajja. 

 

L-Imħabba li kienet miċħuda mill-ewwel bnedmin, ġiet fid-dinja tfittex lil dawk li Mħabba ma kinux jafu x’inhi.  Il-bniedem stagħġeb meta ra lill-Imħabba tinagħta għall-Mewt bi tpattija għad-dnubiet tal-għedewwa tagħha, biex l-ilpup jieklu l-Ħaruf u jibqgħu ħajjin waqt li jmut Hu.  Din hi l-Imħabba, u barra minnha m’hemmx Imħabba oħra.  Din hi l-Ħajja u barra minnha m’hemmx Ħajja oħra.  Flok Imħabba għandna affetti u flok Ħajja għandna eżistenza ġerrejja lejn il-Mewt.

 

Meta xandar id-Diskors tal-Muntanja, Kristu kien qed jagħtina ritratt tad-dixxiplu li jemmen fiH.  Ma ġiex biex jagħtina liġijiet ġodda.  Ġwanni l-Evanġelista jgħidilna li: “Alla ta l-Liġi permess ta’ Mosè imma l-Grazzja u l-Verità seħħew permezz ta’ Ġesù Kristu.”  (Ġw. 1, 17). B’Ibnu, nirtu l-Grazzja li tagħmilna nies ġodda, nies imwellda mill-ġdid, Ħolqien ġdid li jmur lura lejn l-oriġini, il-genesi.  Jekk fil-bidu daħal id-dubju u tgerrxet l-Imħabba, issa min jemmen fl-Opra tal-Għid tal-Iben, jesperjenzja r-ritorn lura lejn il-Ħajja ta’ Dejjem, il-Ħajja-Dejjem, li tilfu l-ewwel ġenituri.

 

F’Ġesù Kristu naraw l-Imħabba li ħalqet kollox u nindunaw, (oh x’Indiema ħelwa!), kemm konna miżerabbli mingħajr Imħabbtu.  Bi kliem misterjuż Hu qal: “Meta nintrefa’ ’l fuq mill-art, jiena niġbed il-bnedmin kollha lejja.”  (Ġw. 12, 32).  Min iħares, bi Grazzja, min iħares b’għajnejn imdawla lejn Wiċċ Kristu fuq is-Salib, u jara hemm dak li ntilef fil-Ġnien, allura jseħħ fih dak li l-Profeta Żakkarija kien ħabbar ħames mitt sena qabel.  Hu kien ra fiċ-ċpar mudlam tal-futur xi ħaġa tal-għaġeb li kellha tiġri.  Hu qal: “Huma jħarsu lejn dak li jkunu nifdu, u jibkuh bħal wieħed li jibki lil ibnu l-waħdieni, u jokorbu għalih bħal min jokrob għal ibnu l-kbir!”  (Żak. 12, 10).

 

Huma n-nies li jaraw din “il-Qalba tal-Ġmiel li ssalva d-dinja”, kif isejħilha Dostoevsky, li jibdew iħobbu lill-proxxmu għax il-ġerħa tal-gidma ta’ Satana tkun fieqet.  Fil-Vanġelu, l-Fariżej riedu jilagħbu lil Kristu meta staqsewH liema hu l-ikbar kmandament.  Mistoqsija banali.  Anke t-tfal kienu jgħidulek bl-amment l-istqarrija tal-Fidi Ġudajka: “Isma’, o Iżrael: Alla tagħna l-Mulej, il-Mulej waħdu.  Ħobb, mela, lill-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha u b’saħħtek kollha, u l-proxxmu tiegħek bħalek innfsek.”  (Dewt. 6, 4-5).  L-aħħar frażi dwar l-Imħabba tal-proxxmu, Iżrael żiedha iktar tard meta għaraf iktar ċar it-tifsir tal-Liġi.

 

Imma ġenerazzjonijiet ta’ rabbini għorrief kienu qattgħu n-nokkli mal-ġnub ta’ rashom jitħassbu u jargumentaw fuq min kien il-proxxmu? Għalhekk il-Fariżew qabeż malajr malajr, għax ħaseb li kien poġġa  lil Ġesù dahru mal-ħajt:  “U l-proxxmu tiegħi min hu?”  (Lq. 10, 29).  Kien hemm min jaħseb li kien dawk ta’ ġewwa.  Oħrajn li kienu dawk in-nies li inti taf fil-belt tiegħek.  Oħrajn li kienu dawk li għamlulek il-ġid.  Jerġa’ oħrajn kienu jgħidu li l-proxxmu huma n-nies ta’ ġensek.  U Kristu jfarrak l-argumenti kollha bil-parabbola tas-“Samaritan it-Tajjeb”.  Il-proxxmu hu l-għadu tiegħek, li jista’ jkun ġo darek stess.  Il-proxxmu hu kull min jheddek, idejqek, iġagħlek tbati, itellagħlek is-sħab li jgħattilek ix-xemx.

 

Issa quddiem dan kollu, l-iktar servizz ikraħ u ħażin li nistgħu nagħmlu lil Kristu hu li llibsuH il-libsa tqila tal-Liġi u ngħidu li hu qal ħobb lill-għadu, inkella ma tkunx Nisrani u tmur l-infern!  Din x’Aħbar Tajba hi?  Ma obdewx lil Mosè, li qatt ma qal lil-Lhud biex iħobbu lill-għadu, se jobdu lil Kristu li hu erba’ darbiet itqal? 

 

Dawn l-affarijiet jagħmluhom dawk li jitwieldu mill-ġdid bil-Fidi fil-merti ta’ Kristu.  Hu biss għex il-Liġi kollha miġbura fix-Shemà.  U ngħixu x-Shemà jekk ikollna lilU għax jekk ma nfiqux mill-egoiżmi li twelidna bihom, dan kollu hu għoli wisq għalina.  San Pawl jifraħ fil-Qari tal-lum meta sema’ li dawk li hu kkonverta ġewwa t-Tessalonika, kienu nies li fiequ fi Kristu u kienu qed jinħabbu bejniethom u jħobbu anke lil dawk li kienu jippersegwitawhom.  Kienu skoprew li Kristu tassew li hu l-blata tal-bniedem kif jistqarr Salm17. 

 

Iħobb min jaf l-uġigħ f’qalb l-għadu tiegħu.  Kif qal xi ħadd: “Kif tista’ tħobbni, jekk ma tafx x’inhu dak li qed jifnili qalbi?”  Mhux li kien li l-Mlej jagħtina għajnejn ġodda biex naraw l-uġigħ tal-proxxmu u nħennu għalih.

 

Il-Liturġija tal-Kelma tal-lum:

 

Qari I

Jekk taħqru l-armla u l-iltim, il-qilla tiegħi tixgħel għalikom.

Eż 22, 20-26

 Qari mill-Ktieb tal-Eżodu

 Dan jgħid il-Mulej:

“La taħqarx il-barrani, u la tgħakksux, għax intom ukoll kontu barranin fl-art tal-Eġittu. La taħqrux l-armla jew l-iltim, għax jekk taħqruhom, u huma jsejħuli, jien żgur nismagħha l-għajta tagħhom; u l-qilla tiegħi tixgħel, neqridkom bix-xabla; u n-nisa tagħkom jormlu u wliedkom jisfaw iltiema.

 

Jekk inti tislef lil xi fqir mill-poplu tiegħi, iġġibx ruħek miegħu bħal wieħed sellief, u teħodlux imgħax.

 

Jekk lil għajrek teħodlu l-libsa tiegħu b’rahan, agħtihielu lura qabel inżul ix-xemx; għax hu dik biss għandu biex jitgħatta, dik biss l-għata ta’ ġismu; inkella fiex tridu jorqod? Għax jekk isejjaħli, jiena nisimgħu, għax jien ħanin”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 17 (18), 2-3a.3bc-4.47.51ab

 

R/. (2): Inħobbok, Mulej, qawwa tiegħi

 

Inħobbok, Mulej, qawwa tiegħi!

Il-Mulej blata tiegħi,

fortizza u ħellies tiegħi. R/.

 

Alla tiegħi, sur tal-kenn tiegħi u tarka tiegħi,

qawwa tas-salvazzjoni tiegħi u kenn tiegħi!

Insejjaħ lill-Mulej, li hu ta’ min ifaħħru,

u nkun meħlus mill-għedewwa tiegħi. R/.

 

Ħaj il-Mulej! Imbierek hu, il-blata tiegħi!

Ikun imfaħħar Alla tas-salvazzjoni tiegħi!

Hu jkabbar ir-rebħ lis-sultan tiegħu,

juri mħabbtu mal-midluk tiegħu. R/.

 

Qari II

Intom dortu lejn Alla mill-idoli, biex taqdu lil Alla u tistennew lil Ibnu.

1 Tess 1, 5c-10

 Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lit-Tessalonkin

 Ħuti, intom tafu kif ġibna ruħna meta konna fostkom għall-ġid tagħkom. Intom sirtu tixbhu lilna u l-Mulej, billi lqajtu l-kelma fost ħafna taħbit bil-ferħ tal-Ispirtu s-Santu. Hekk intom sirtu mudell għal dawk kollha li emmnu fil-Maċedonja u l-Akaja. Mhux biss il-kelma tal-Mulej ħarġet minn għandkom u xterdet fil-Maċedonja u l-Akaja, imma l-fidi li għandkom f’Alla xterdet ma’ kullimkien b’mod li aħna ma għandna għalfejn ngħidu xejn. Huma stess jgħidu x’laqgħa kellna għandkom, u kif dortu lejn Alla u tlaqtu l-idoli biex taqdu lil Alla ħaj u veru u tistennew ġej mis-sema lil Ibnu, li hu qajjem mill-imwiet, Ġesù li ħelisna mill-korla li ġejja.

 Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

    Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Ġw 14, 23

Hallelujah. R/. Hallelujah

Jekk xi ħadd iħobbni, iħares kelmti, jgħid il-Mulej

u Missieri jħobbu,

u aħna niġu u ngħammru għandu.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Ħobb lill-Mulej, Alla tiegħek, u lil għajrek bħalek nnifsek.

Mt 22, 34-40

Qari mill-Evanġelju skond San Mattew

 F’dak iż-żmien, il-Fariżej, meta semgħu kif lis-Sadduċej kien saddilhom ħalqhom, inġabru madwaru, u wieħed minnhom, għaref fil-Liġi, għamillu din il-mistoqsija biex iġarrbu: Mgħallem, liema hu l-kmandament il-kbir, fil-Liġi?”. Qallu Ġesù: ““Ħobb lill-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, u b’moħħok kollu”. Dan hu l-kmandament il-kbir u l-ewwel wieħed. U t-tieni jixbhu: “Ħobb lil għajrek bħalek innifsek”. Dawn iż-żewġ kmandamenti huma l-qofol tal-Liġi kollha u tal-Profeti”.

 Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu

 
< Prev   Next >