Tuesday, 24 November 2020
           
Home
IS-SOLENNITÀ TAL-QADDISIN KOLLHA (2020) QADDISIN GHAL DEJJEM: L-GHAN TAL-EZISTENZA PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 31 October 2020

Din hija il-Liturgija tas-Solennita' tal-Qaddisin Kollha

( 2020 ) bi hsibijiet min Joe Rapa.

  mountain.jpg

 

Alla ta l-pjanta tat-Tempju lil Mosè, u din kienet xbiha tar-rejaltà tal-“Ħajja”.  Dawk li kienu pagani ma setgħux jidħlu fit-Tempju, għax ma kinux jemmnu.  Kienu mniġġsa.  Kienu “mejta”.  Għax il-Ħajja vera tiġi  minn Alla u dawn kienu maqtugħin minnU.  Kien hemm parti għall-barranin, ġentili, li bdew jemmnu.  U kien hemm spazju kbir għal Iżrael, il-poplu ta’ Alla, il-“Magħżul”.  Imma fil-fond kien hemm post, kamra, fejn ħadd ma seta’ jidħol ħlief il-Qassis il-Kbir darba fis-sena.  Kienet tissejjaħ “Il-Qaddis tal-Qaddisin”, it-Tabernaklu tax-Xekinah, tal-Preżenza ta’ Alla fuq l-art.  L-aktar post qaddis.  Għaliex ħadd ma seta’ jidħol?  Għax ħadd ma kien qaddis!  Quddiem il-Liġi kulħadd kien “mejjet”, anke n-nies “tajbin”, għax kulħadd kien midneb... ħadd ma kien għadu ġie midfdi.

 

Din il-pjanta tat-Tempju kienet titkellem waħedha.  Ħadd ma jista’ jidħol fil-Preżenza ta’ Alla, ta’ Dak li hu “Ħaj”, ta’ Dak li hu bla tinġiż, jekk ma  jkollux il-Qdusija tiegħU, in-Natura tiegħU, il-Ħajja ta’ Dejjem li Hu biss għandu.  Din il-kamra misterjuża kienet ix-xbiha tal-oriġini tal-ħolqien meta l-bniedem kien jgħammar fil-“Ġenna tal-Art” fl-innoċenza tiegħu, fil-Preżenza ta’ Alla, għax il-Mulej Alla kien jitlajja fil-ġnien għaż-żiffa tal-jum.  (Ġen. 3, 8). Iżda l-bniedem tkeċċa minn dan il-post tal-“Ħajjin” malli nqata’, bħal fergħa, mis-siġra tal-Ħajja bid-dnub, u ġie kkundannat li jgħix ’il bogħod mill-post li għalih kien maħluq. Mhux ta’ b’xejn li Ġwanni l-Evanġelista infexx jibki kemm jiflaħ meta f’dehra tal-Apokalissi ra l-Ktieb tal-Ħajja li ħadd ma seta jara x’kien fih għax ma nstab ħadd li kien ġust biżżejjed biex jiftħu.

Hekk l-umanità u l-ħolqien kollu għodsu fil-baħħ mudlam tal-biża’ tal-mewt.  Maqtugħ mill-Ħajja, l-bniedem ma setax iħobb għax issa sar dgħajjef, iħossu mhedded, jiddefendi ruħu l-ħin kollu.  L-“ieħor” sar rival: Adam rival ta’ Eva; Kajjin rival ta’ Abel; familja kontra familja; razza kontra razza; saltna kontra saltna...  Imma f’qalb il-bniedem baqgħet in-nostalġija għar-ritorn lura lejn l-oriġini, lejn l-għeruq, lejn il-Post Qaddis, il-Qaddis tal-Qaddisin, fejn il-bniedem jista’ jħares f’Wiċċ Alla u ma jmutx. 

 

Il-bniedem ħares f’Wiċċ Alla meta ħares f’Wiċċ Kristu sofferenti fuq il-forka tal-Fidwa.  Ir-risposta tal-Missier għall-agunija tal-bniedem eżiljat mill-Ħajja vera kienet li jwettaq l-Att li għalih kien inħalaq kollox.  L-univers inħalaq biex Alla juri Mħabbtu, jaqsam Imħabbtu, jinagħta f’Imħabbtu.  Hu kien jaf minn qabel li dan il-ħolqien, l-aktar dan il-bniedem, kien ser jiswielu ħafna, ħafna.  La huwa l-Imħabba, Alla kien jaf li kellu jasal il-waqt meta Hu kellu jinagħta totalment, għal kollox għall-maħbub.  Li joħloq il-bniedem kien att kbir ta’ Mħabba, imma mhux biżżejjed għal Alla.  Hu ħoloq il-bniedem xbieha tiegħu, Ħaj għal dejjem, ħieles, imma lanqas dan ma kien biżżejjed.  Kien jaf li l-ħelsien hu rigal li jista’ jissarraf f’għawġ kbir, u hawn kellu jseħħ l-akbar Att ta’ Mħabba. 

 

Kristu mejjel rasu fuq sidru fuq is-Salib bi tpattija għat-taħsir tal-bniedem u l-purtiera li kienet tagħlaq il-Post Qaddis tat-Tempju ċċarrtet!  Kristu qam mill-Mewt għax il-Mewt issa nqasmet, spiċċat il-ħakma tagħha.  Bil-merti ta’ Kristu fil-Misteru tal-Għid kull bniedem tqaddes u l-Ġenna nfetħet beraħ mill-ġdid, u l-Ktieb tal-Ħajja ta’ Dejjem li ra San Ġwann inħall u kulħadd seta’ jaqrah!  Il-bniedem m’għadux itturrufnat u l-ħalliel “it-tajjeb” seta jidħol dritt fis-Saltna għax inxtratlu minn Kristu bi prezz għoli mmens.  Kristu għamilna lkoll qaddisin, mhux bil-merti tagħna imma bil-Merti eterni tiegħU.  Tħarisx lejn żokortok, lejn il-miżerja tiegħek!  Ħares lejn Alla, lejn l-Imħabba rebbieħa fuq il-Mewt.  Ara kemm tiswa int għal Alla!  Kristu lilek iġġustifikak, għamlek qaddis.  Wirtek hija l-Ġenna, is-Sema, is-Saltna ta’ Alla, il-Ħajja għal dejjem!  Għalhekk int għandek id-dritt (mhux miksub minnek imma minn Kristu) li tirċievi lil Alla nnifsu fl-intimità ta’ barra minn hawn tal-Ewkaristija. 

 

Il-Knisja tiċċelebra l-ħin kollu, kull minuta ta’ kull ġurnata, dan l-att ta’ Mħabba tal-Missier f’Ibnu Ġesù bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, f’kull Quddiesa li tiġi ċċelebrata madwar id-dinja.  Ma tgħaddix minuta li l-Knisja  mhix tagħmel Ewkaristija/festa x’imkien, għax tal-għaġeb hi din l-Opra ta’ Alla.  Mit-tajn tal-art Hu għamel xogħol ta’ arti li hu n-Nisrani.  Mill-midneb hu għamel qaddis li jista’ jidħol quddiemu fl-aktar post sagru.  Minn qalb iebsa daqs blata hu jagħmel “il-Blata” li tant tnixxi ilma li tfawwar u jixorbu minnha ħafna nies.  Dan hu n-Nisrani.

 

Imma dan kollu jitlob kundizzjoni waħda, u fuq dan li tassew nistgħu nkunu ġġudikati.  X’jiswa jekk wieħed li ma tafux ħallielek il-biljuni fil-bank, jekk x’ħin tawk din l-aħbar, int bdejt tidħaq, ma emmintx, dawwart dahrek u tlaqt ’l hemm?  X’jiswa?  X’jiswielu l-bniedem li favur tiegħu hemm il-pjagi ta’ Kristu jgħajtu quddiem Alla, jekk għalih il-ġandar tad-dinja jtiehem aħjar?  “X’taħbil il-moħħ!” jgħidlek.  Din hi l-qalb maqsuma ta’ Alla, tal-Imħabba.  Għax meta l-Imħabba wriet ruħha, ħafna ma fehmuhiex, ma emmnuhiex.  Addirittura, ħafna jitmeżmżu minnha għax jissuspettaw li l-Imħabba li mietet għalihom trid teħdilhom xi ħaġa!!!  “Id-Dawl ġie fid-dinja, imma l-bnedmin ħabbew id-dlam aktar mid-dawl.”  (Ġw. 3, 19).

 

Għalhekk San Ġwann (għal darb’oħra!) jgħid kliem imprezzabbli fuq dawk li emmnu lill-Imħabba, u din welldithom mill-ġdid, tathom in-natura stess ta’ Alla u huma bdew iwettqu l-opri ta’ Alla fost il-bnedmin l-oħra.  Hu jgħid: Imma lil dawk li laqgħuh tahom is-setgħa li jsiru wlied Alla, dawk li jemmnu f’ismu, li twieldu mhux mid-demm, anqas mill-ġibda tal-ġisem, u anqas mir-rieda tal-bniedem, iżda minn Alla. (Ġw. 1, 12-13).  Hemm nies magħżulin biex ikunu Nsara, biex ikun Qaddisin.  Dawn huma dawk li mhux għax huma minnhom infushom aħjar mill-oħrajn, imma magħżulin mill-Missier ġa minn qabel il-ħolqien tad-dinja biex il-Grazzja neċessarja biex ixerrdu l-Misteru tal-Iben fost l-oħrajn u hekk ikunu servizz għad-dinja.  Tista’ tkun waħda mara li ssaggrifikat ħafna minn għomorha d-dar, iddur b’żewġha marid, fis-skiet, f’Imħabba li hi iktar minn umana, bla trombi, b’martirju li jqanqal il-qalb ta’ Alla.  Jista’ jkun raġel komuni li joqogħdlok quddiem Ġesù sagramentat kuljum, iħares lejH għax jaf li Hu qed iħares lejh ukoll.  Jew dik is-soru li tgħaddi siekta minn quddiem in-nies ipaċpċu fuq elf ħmerija, u tagħmel preżenti lil Alla nnifsu għax meta jarawha jiftakru fiH.  Jew dak li qed jixrob il-birra maġenbek il-każin.

 

Dawn huma l-Qaddisin ta’ Alla.  Nies komuni.  Hemm oħrajn li mmarkaw id-dinja aktar.  Imma lkoll huma “differenti”.  Aħna wkoll nistgħu inkunu minn dawn illum stess, nies “differenti”.  Il-Ġenna hi miftuħa!  Aħna se ngħixu għal dejjem!  Kristu miet għalina u l-prezz tal-Qdusija tħallas għalina minnU.  Quddiem il-Missier aħna Qaddisin anke jekk dgħajfa.  Jekk tidher quddiemU llum, inti tista’ tgħid lill-Missier: “Jiena midneb, imma Ibnek miet għalija!  Halleluja!”

 

Għandha raġun tagħmel il-Festa u tifraħ illum il-Knisja, għax hija il-Ġemgħa tal-Qaddisin, ta’ dawk li jemmnu f’Iben il-Missier.

 

Il-Liturġija tal-Kelma għal-lum.

 

Qari I

Apok 7:2-4,9-14

 

Qari mill-Ktieb tal-Apokalissi ta’ San Ġwann Appostlu

 

Jiena, Ġwanni, rajt Anġlu ieħor tiela’ bis-siġill ta’ Alla l-ħaj min-naħa tal-Lvant, u b’leħen għoli għajjat lill-erba’ Anġli li lilhom kienet ingħatat is-setgħa li jagħmlu l-ħsara lill-art u lill-baħar, u qalilhom: “Tagħmlulhomx ħsara lill-art u lill-baħar, anqas lis-siġar, qabel ma nkunu stampajna s-siġill fuq il-ġbin tal-qaddejja ta’ Alla tagħna”. Imbagħad smajt x’kien il-għadd tal-issiġillati: mija u erbgħa u erbgħin elf issiġillat minn kull tribù ta’ wlied Israel.

 

Wara dan, ħarist, u ara, kien hemm kotra kbira li ħadd ma jista’ jgħoddha, minn kull ġens u tribù, minn kull poplu u lsien, weqfin quddiem it-tron u quddiem il-Ħaruf, lebsin ilbiesi twal bojod, u bil-friegħi tal-palm f’idejhom. U għollew leħinhom u bdew jgħidu: “Is-salvazzjoni nafuha lil Alla tagħna li qiegħed fuq it-tron, u lill-Ħaruf”.

 

L-Anġli kollha kienu qegħdin madwar it-tron u madwar ix-Xjuħ u l-erba’ Ħlejjaq Ħajjin, u waqgħu wiċċhom fl-art quddiem it-tron jagħtu qima lil Alla u jgħidu: “Ammen. It-tifħir u l-glorja, il-għerf, ir-radd ta’ ħajr u l-ġieħ, il-qawwa u s-saħħa lil Alla tagħna, għal dejjem ta’ dejjem! Ammen”.

 

Imbagħad wieħed mix-Xjuħ qabad u staqsieni: “Dawn li għandhom l-ilbiesi twal bojod fuqhom min huma, u minn fejn ġejjin?”. “Inti taf, sinjur,” għidtlu jien. Imbagħad qalli: “Dawn huma dawk li ġejjin mit-taħbit il-kbir, u l-ilbiesi tagħhom ħasluhom u bajduhom fid-demm tal-Ħaruf”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 23 (24), 1-2.3-4ab.5-6

 

R/. (ara 6): Dan hu n-nisel ta’ dawk li jfittxu wiċċek, Mulej.

 

Tal-Mulej hi l-art u kulma fiha,

id-dinja u kulma jgħix fiha.

Għax hu fuq l-ibħra waqqafha,

u fuq ix-xmajjar wettaqha. R/.

 

Min jista’ jitla’ fuq l-għolja tal-Mulej,

min joqgħod fil-post imqaddes tiegħu?

Min għandu jdejh indaf u qalbu safja,

min ma tax ruħu għall-frugħa. R/.

 

Dan ikollu barka mingħand il-Mulej,

u l-ħlas li ħaqqu minn Alla, is-Salvatur tiegħu.

Dan hu n-nisel ta’ dawk li jfittxuh;

li jfittxu ’l wiċċek, Alla ta’ Ġakobb. R/.

 

Qari II

1 Ġw 3:1-3

 

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Ġwann Appostlu

 

Għeżież: Araw b’liema mħabba ħabbna l-Missier: nistgħu nissejħu wlied Alla, u tassew aħna. Għalhekk id-dinja ma tagħrafniex, għax ma għarfitx lilu.

 

Għeżież, issa nafu li aħna wlied Alla, imma x’sa nkunu ’l quddiem mhux muri lilna.

 

Madankollu nafu li, meta hu jidher, aħna nkunu bħalu, għax narawh kif inhu. Kull min għandu din it-tama fih, isir safi bħalma safi huwa Kristu.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Mt 11: 28

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin,

u jiena nserraħkom, jgħid il-Mulej.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Mt 5:1-12a

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

 

F’dak iż-żmien: Ġesù kif ra l-folol, tela’ fuq il-muntanja, u wara li qagħad bilqiegħda, resqu lejh id-dixxipli tiegħu.

 

U hu fetaħ fommu u qabad ikellimhom u jgħid: “Henjin il-fqar fl-ispirtu, għax tagħhom hija s-saltna tas-Smewwiet. Henjin l-imnikkta, għax huma jkunu mfarrġa. Henjin ta’ qalbhom ħelwa, għax huma jkollhom l-art bħala wirt. Henjin dawk li huma bil-ġuħ u l-għatx tal-ġustizzja, għax huma jkunu mxebbgħa. Henjin dawk li jħennu, għax huma jisbu ħniena. Henjin dawk li huma safja f’qalbhom, għax huma jaraw ’l Alla. Henjin dawk li jġibu l-paċi, għax huma jissejħu wlied Alla. Henjin dawk li huma ppersegwitati minħabba fil-ġustizzja, għax tagħhom hija s-Saltna tas-smewwiet. Henjin intom, meta jgħajrukom u jippersegwitawkom u jgħidu kull deni fuqkom bil-gideb minħabba fija. Ifirħu u thennew, għax ħlaskom kbir fis-smewwiet”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu

 

Last Updated ( Saturday, 31 October 2020 )
 
< Prev   Next >