Tuesday, 24 November 2020
           
Home arrow News arrow Latest arrow IT-TNEJN U TLETIN HADD MATUL IS-SENA 2020 L-GHARUS GEJ!
IT-TNEJN U TLETIN HADD MATUL IS-SENA 2020 L-GHARUS GEJ! PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 07 November 2020

Din hija il-Liturgija tat-Tnejn u Tletin Hadd matul is-sena ( 2020 ) bi hsibijiet min Joe Rapa.

l-ghaxar_gharajes.jpeg

 

Meta wieħed jistenna, u jkompli  jistenna, għax xi ħadd, li fih jemmen u jafda, wegħedu xi ħaġa, ikun qed juri fedeltà u lejaltà.  Il-Knisja ta’ Kristu ilha elfejn sena tistenna xi ħaġa li l-Għarus tagħħa, Kristu, kien wegħdha permezz tal-messaġġiera tiegħU meta Hu kien meħud lejn is-sema: “Irġiel tal-Galilija, x’intom tħarsu lejn is-sema?  Dan Ġesù, li kien meħud minn magħkom lejn is-sema, għad jerġa’ jiġi kif rajtuh sejjer.” (Atti 1, 11).  Dan il-kliem, l-Appostli ma nsewh qatt.  Huma għaddewh li ta’ warajhom u hekk baqa’ ġej minn ġenerazzjoni għall-oħra sa ma wasal għandna.  Ġesù stess kien qalilhom: “Għax jekk xi ħadd jistħi minni u minn kliemi, Bin il-bniedem ukoll jistħi minnu meta jiġi fil-glorja tiegħu u tal-Missier u tal-anġli mqaddsa.”  (Lq. 9, 26).  U l-aħħar kelmiet tal-Iskrittura kollha jagħtu xhieda għal din il-Miġja ta’ Kristu fl-aħħar tad-dinja meta Kristu, l-Għarus, iwiegħed: “Iva, jien dalwaqt ġej!” (Apok. 22, 20), u l-Għarusa, il-Knisja, twieġeb: Hekk ikun.  Ejja, Mulej Ġesù!  (Apok. 22, 20). 

 

Din il-Miġja tal-Iben fl-aħħar taż-żmien tissejjaħ “Il-Parousia tal-Mulej”.  Din l-istennija tagħti kulur speċjali lil kif il-Knisja tħares lejn id-dinja u l-Istorja.  Kristu se jerġa’ jiġi rebbieħ u allura Hu Sid ta’ kulma jiġri, Sid l-Istorja, u kollox se jitqiegħed taħt riġlejH.  Dan inissel “Għerf” fin-Nisrani li d-dinja m’għandhiex.  Id-dinja hi ddominata miż-“Żmien”.  Iż-“Żmien” hu arġużin tal-biża’; hu bħal xadin fuq spallejk il-ħin kollu mqabbad m’għonqok iġegħlek tħaffef għax se jgħaddik ħaddieħor, jagħfas fuqek biex titħabat u tistinka iktar, isawtek bit-tensjoni taż-“Żmien” li għaddej.  Iż-“Żmien” jeżisti għax teżisti l-Mewt.  Hija l-Mewt li welldet iż-“Żmien” u bih aħna mhedda kuljum.

Imma l-Għerf tan-Nisrani jagħtih dehra differenti ta’ dak kollu ta’ madwaru u ta’ dak li jgħaddi minnu.  Hu jaf li Dak li jħobbu u miet għalih jiddomina kollox.  Għalhekk il-Fidi timlih b’Sabar Qaddis meta l-affarijiet imorru kontrih.  Hu jistenna, jittama, jgħarrex għas-sinjal ta’ Dak li wegħdu li ma jitilqu qatt.  Din l-istennija tagħti sens lil kulma jiġri.  Tagħtih dixxernment li hu don tal-Ispirtu s-Santu u li bih hu jifhem, jagħraf, jaqra dak li jkun għaddej minnu hu u anke dawk ta’ madwaru. 

 

Dawn il-misteri, l-Knisja timmeditahom meta s-Sena Liturġika toqrob lejn l-għeluq tagħha.  Hi tfakkarna li aħna li nissejħu “Nsara”, aħna differenti mill-pagani.  Alla ħares li le! Mhux għax aħna aħjar, minna nfusna, imma differenti.  Aħna għandna dawl li l-bqija tal-bnedmin m’għandhomx.  Hemm bżonn li dan jidher!  Hemm bżonn li nkunu sinjal għal dawk li huma mdalllma, biex x’ħin jarawna mimlija tama, anke meta l-lejl hu dlam taqtgħu b’sikkina, huma jistaqsu bejnhom u bejn ruħhom: “X’għandhom dawn in-nies li jien m’għandix?”  Huwa dan li jiġbidhom lejn Kristu.  Din hi l-Evanġelizzazzjoni l-ġdida.  In-nies jinġibdu mis-sinjali li jaraw fina, mhux mill-paroli, anke jekk irid jasal, imbagħad, il-waqt meta jkollna nagħtu xhieda bil-kliem għal Kristu, il-Waħdieni li jdawwalna.

 

Dan id-dawl huwa Għerf.  Il-Bibbja tgħid: “Il-Għerf jiddi, bla ma qatt inemnem; isibuh dawk li jfittxuh, u min jishar għalih jeħles mill-hemm.  (Għerf 6, 12w).  Il-hemm, il-qtigħ il-qalb, id-disprament huma l-madmad ta’ dawk li jaħsbu li huma jridu jkunu biex jirranġaw dak li jkun qed idejjaqhom.  Il-kultura tal-lum poġġiet lill-bniedem fiċ-ċentru ta’ kollox, l-“alla” l-ġdid.  Miskin il-bniedem, x’għamlulu l-filosfi u l-illuministi tas-seklu tmintax.  Illum, il-bniedem huwa għatxan iktar minn qatt qabel għal Alla imma ma jistax isib it-triq lura għal għandu.  Min jaf jekk din il-pandemija hix parti mill-ħidma ta’ Alla biex iħejjilu triq lura bħal dik tal-Iben il-Ħali?  Kemm Imħabba għandu Alla għall-bniedem!  Hu jaf bl-għatx etern li għandna lkoll għaliH.  Kemm se ndumu noħolqu idoli biex jimlew il-post tiegħU?  “O Alla, int Alla tiegħi!  Għalik inbakkar jiena.  Għalik għatxana ruħi, ġismi qed inin għalik, bħal art niexfa, maħruqa bla ilma!”  (S. 62, 1).    Ilkoll għejjejna nteftfu fid-dlam, għomja, nixegħlu msiebaħ li ma jurux it-triq għax sfiq id-dlam mingħajrek!  Maranatha!  Ejja Mulej Ġesù! 

 

Hi t-traġedja umana li tant nies ma jindunaw qatt matul ħajjithom, kemm kbir hu l-wirt li kull wieħed għandu fi Kristu!  Aħna parti minnU bil-Magħmudija fiH.  Tgħammidna fiH u nagħqadna miegħU fil-Misteru tal-Għid li bih Hu salva lid-dinja.  Il-merti tiegħU huma l-merti tagħna; ir-rebħa tiegħU fuq il-Mewt hija r-rebħa tagħna; il-Ħajja għal dejjem li rebaħ hija l-Ħajja għal dejjem tagħna; il-Qdusija tiegħU hija l-Qdusija tagħna!  Kulma għandu Hu hu tagħna għax aħna parti mill-ġisem tiegħu.  Għalhekk, kif Hu rebaħ il-Mewt hekk huma rebbieħa fuqha dawk kollha li ndifnu fit-trab bil-Fidi fiH. 

 

Pawlu jgħidilna biex ma nitniktux (għall-għeżież tagħna li ħallewna) bħal dawk l-oħrajn li ma għandhomx tama.  Jekk aħna nemmnu li Ġesù miet u rxoxta, hekk ukoll Alla għad jiġbor miegħu lil dawk li raqdu f’Ġesù.  (1 Tess. 4, 13-14).  Aħna mistiedna għat-Tieġ ta’ dejjem tal-Mulej u Hu se jżomm l-istedina solenni tiegħU. Hu se jiġi u jdaħħalna miegħU.

 

Hu veru li ż-“Żmien” dejjem għaddej u aħna rridu nistennew u nistennew bħalma stenna Abraham għall-iben li hu xtaq minn martu; bħalma stenna Iżrael għall-ħelsien mill-jasar; u bħalma stennew l-Għaxar Xebbiet mistiedna biex jilqgħu l-Għarus fil-parabbola tal-lum.  Għax fi żmien Kristu, tieġ mhux importanti bejn nies komuni kien isir malajr; il-ġenituri kienu jiftehmu malajr f’isem uliedhom.  Imma jekk it-tieġ hu bejn nies importanti fis-soċjetà, għonja, u għalhekk kien ikun hemm dota kbira u mportanti fin-nofs, in-negozjati fuq iż-Żwieġ kien jieħu fit-tul.  Ix-xebbiet kollha raqdu.  Imma kien hemm min raqad fil-fidi li dan kien se jkun tieġ ta’ barra minn hawn, u kien hemm oħrajn li kkalkulaw li dan kien tieġ tal-ħabba gozz.  Għal tal-ewwel, kienet raqda ta’ mistrieħ biex qamu fuq tagħhom kollhom ħeġġa u ġrew lejn l-Għarus biex jilqgħuh bit-torċi jaqbdu taghhom, waqt li r-raqda tal-oħrajn kienet ir-raqda tal-mewt.

 

Noqogħdu attenti.  Hemm Bieb li jinfetaħ għall-Għarus u l-mistednin tiegħu, biex imbagħad jinagħlaq f’wiċċ min ma stmax ir-relazzjoni tiegħu mal-Mulej.  Din il-parabbola titkellem ħafna fuq il-Ħajja tagħna...

 

Il-Liturġija tal-Kelma tal-lum:

 

Qari I

Il-Għerf isibuh dawk li jfittxuh.

Għerf 6, 12-16

 

Qari mill-Ktieb tal-Għerf

 

L-għerf jiddi, bla qatt ma jnemnem,

malajr jagħrfuh dawk li jħobbuh,

u jsibuh dawk li jfittxuh.

Hu jħabrek biex jidher lil dawk li jixtiquh.

Min ibakkar ifittxu, ma jitħabatx,

għax ħdejn biebu bilqiegħda jsibu.

L-aqwa tal-għaqal hu li taħseb fl-għerf,

u min jishar għalih malajr jeħles mill-inkwiet.

L-għerf idur u jfittex lil dawk li jixirqulu,

kollu ħlewwa jidhrilhom fit-triq,

u jiltaqa’ magħhom f’kull ħsieb tagħhom.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 62 (63), 2.3-4.5-6.7-8

 

R/. (2b): Mulej, Alla tiegħi, ruħi bil-għatx għalik

 

Alla, Alla tiegħi int; lilek ħerqan infittex.

Ruħi bil-għatx għalik,

għalik imxennaq jiena,

bħal art niexfa, maħruqa, bla ilma. R/.

 

Għalhekk ġejt narak fit-tempju mqaddes tiegħek,

biex nitgħaxxaq bis-setgħa u l-glorja tiegħek.

Għax it-tjieba tiegħek aħjar mill-ħajja,

xufftejja jxandru t-tifħir tiegħek. R/.

 

Għalhekk inbierkek tul ħajti kollha;

ngħolli idejja u nsejjaħ ismek.

Bħal b’ikel mill-aħjar li jsemmen nimtela,

u jgħannilek fommi b’xufftejn ferrieħa. R/.

 

Meta, mimdud fuq friexi, fik niftakar,

u naħseb fuqek fis-sahriet tal-lejl.

Għax inti kont għajnuna għalija,

għad-dell ta’ ġwenħajk ngħanni bil-ferħ. R/.

 

Qari II

Alla għad jiġbor miegħu lil dawk li raqdu f’Ġesù.

1 Tes 4, 13-18

 

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lit-Tessalonkin

 

Ma rridux li ma tkunux tafu, ħuti, fuq il-mejtin biex ma ssewdux qalbkom bħall-oħrajn li ma għandhomx tama. Jekk aħna nemmnu li Ġesù miet u qam mill-imwiet, hekk ukoll Alla jiġbor miegħu lil dawk li raqdu f’Ġesù.

 

Dan ngħidulkom fuq il-kelma tal-Mulej, jiġifieri li aħna li nkunu għadna hawn ħajjin għall-miġja tal-Mulej, ma mmorrux qabel dawk li jkunu raqdu. Għaliex il-Mulej innifsu mal-kmand, mal-leħen ta’ l-arkanġlu u t-tromba ta’ Alla, jinżel mis-sema, u dawk li jkunu mietu fi Kristu jqumu l-ewwel. Imbagħad aħna li nkunu ħajjin, li nkunu għadna hawn, ninħatfu magħhom fis-sħab biex niltaqgħu mal-Mulej fl-ajru. Hekk inkunu dejjem mal-Mulej.

 

Agħmlu l-qalb lil xulxin b’dan il-kliem.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Jew il-forma l-qasira

 

Qari II

Alla għad jiġbor miegħu lil dawk li raqdu f’Ġesù.

1 Tes 4, 13-14

 

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lit-Tessalonkin

 

Ma rridux li ma tkunux tafu, ħuti, fuq il-mejtin biex ma ssewdux qalbkom bħall-oħrajn li ma għandhomx tama. Jekk aħna nemmnu li Ġesù miet u qam mill-imwiet, hekk ukoll Alla jiġbor miegħu lil dawk li raqdu f’Ġesù.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Mt 24, 42a.44

 

Hallalujah. R/. Hallelujah

Ishru, mela, u kunu lesti,

għax qatt ma tistgħu tobsru s-siegħa li fiha jiġi Bin il-bniedem.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Ara l-għarus! Oħorġu ilqgħuh!

Mt 25, 1-13

 

Qari mill-Evanġelju skond San Mattew

 

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu din il-parabbola: “Is-Saltna tas-Smewwiet ixebbhuha ma’ għaxar xebbiet li ħarġu bl-imsiebaħ tagħhom biex jilqgħu l-għarus. Ħamsa minnhom kienu boloh u ħamsa għaqlin, il-boloh ħadu l-imsiebaħ imma ma ħadux żejt magħhom, waqt li l-għaqlin ħadu mhux biss l-imsiebaħ iżda wkoll iż-żejt fil-kwies. L-għarus iddawwar ma ġie, u għalhekk ilkoll ħadhom in-ngħas u raqdu.

 

Imbagħad f’nofs ta’ lejl instama’ min jgħajjat: “Ara l-għarus! Oħorġu ilqgħuh!”. Dawk ix-xebbiet qamu lkoll u ħejjew l-imsiebaħ tagħhom. Iżda l-boloh qalu lill-għaqlin: “Agħtuna ftit żejt minn tagħkom, għax l-imsiebaħ tagħna jintfew”. Qabżu l-għaqlin u qalu: “Għandu mnejn ma jibqax biżżejjed, la għalina u lanqas għalikom! L-aħjar morru għand tal-ħanut u ixtru għalikom”.

 

Xħin dawk marru biex jixtru jiġi l-għarus; dawk li kienu lesti daħlu miegħu għall-festa tat-tieġ, u l-bieb ingħalaq. Saflaħħar waslu wkoll ix-xebbiet l-oħra, u bdew jgħidu: “Sinjur, Sinjur, iftħilna!”. Iżda hu weġibhom u qal: “Tassew, ngħidilkom, lilkom ma nafkomx”.

 

Ishru, mela, għaliex la tafu l-jum u lanqas is-siegħa”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu

 

Last Updated ( Saturday, 07 November 2020 )
 
< Prev   Next >