Din hija il-Liturgija tat-Tlieta u Tletin Hadd matul is-sena ( 2020 ) bi hsibijiet min Joe Rapa.
Il-lingwi kollha tal-pajjiżi b’kultura
Nisranija għandhom ħafna kliem u espressjonijiet imnissla mill-Bibbja, u waħda
minnhom hija “talent”, kelma Griega
li kienet tfisser qjies ta’ toqol u anke ta’ flus. Talent bħala qjies ta’ flus kien jiswa ħafna,
ħafna. Biżżejjed inżommu f’moħħna li
“talent” kien jaqilgħu bniedem tas-sengħa f’disa’ snin xogħol! Minn xi s-seklu tlettax ’l hawn, din il-kelma
bdiet tiġi adottata għal xi kapaċità, sengħa, arti, kariżma li jkollu
l-bniedem. Din il-bidla fit-tifsira
tagħha hi konsegwenza tal-parabbola li l-Knisja tpoġġi quddiemna f’dan il-Ħadd
ta’ qabel tal-aħħar tas-Sena Liturġika.
Kull bniedem hu mżejjen minn Alla b’xi talent
jew talenti bl-iskop li kull bniedem jgħin fl-iżvilupp tal-ħolqien. Għax Alla għandu pjanijiet sbieħ għal kull
bniedem u għall-ħolqien kollu, kif tgħid l-Antifona tad-Dħul tal-Ewkaristija
għal dan il-Ħadd: “Il-ħsibijiet li
għandi għalikom, igħid il-Mulej, huma
ħsibijiet ta’ sliem mhux ta’ ħsara.”
(Ġer. 29, 11). Għal Alla,
il-ħolqien kollu, imma l-aktar il-bniedem, hu opra ta’ arti li tinsab fi
proċess lejn il-milja. Kulma jmiss ma’
Alla hu mimli ottimiżmu, hu pożittiv.
Huwa d-dnub li jtebba’, li jnissel pessimiżmu, li jdallam bil-biża’ ta’
x’jista’ jiġri. It-tajjeb kollu ġej minn
Alla-Ħallieq u hekk kull talent, kapaċita ta’ arti, sengħa, għerf, kollu ġej
minn Alla, l-għajn u s-sors ta’ kollox.
Hemm talenti li jmissu l-ġisem, u dawn huma
l-aktar li jidhru. Imma hem talenti
misterjużi li jżejnu l-ispirtu tal-bniedem.
Għax il-bniedem hu ġisem u spirtu u huwa l-ispirtu tal-bniedem li
jġagħlu jerfa’ ħarstu ’l fuq lejn viżjoni iktar nobbli, lejn il-misteru
tal-eżistenza tiegħu. Tassew fqir huwa
l-bniedem li ħarstu hi dejjem imwaħħla fit-tajn tal-art, fl-affarijiet
materjali biss, mingħajr qatt ma joħlom u jħossu mbuttat jikkontempla
fil-ħwejjeġ li ma jitħassrux u huma għal dejjem.
Dawn it-talenti spiritwali huma rigali
tal-Ispirtu s-Santu, u huma bħall-melħ fil-borma li jagħti t-togħma u li
mingħajru xejn ma jittiekel, xejn mhu ‘tajjeb’.
Dawn it-talenti huma għotja ta’ Alla, imma huwa l-bniedem li jrid
jagħmel użu minnhom. Bin Sirak igħid li l-bidu tal-għerf hu l-biża’ tal-Mulej, u
għal dawk li jemmnu nħalaq magħhom f’ġuf ommhom. (Sir. 1, 14).
Għalkemm dan ir-rigal ta’ Alla jidher negattiv, huwa immensament
pożittiv u hu jgħammar f’kull bniedem, għalkemm f’ħafna hu mnikket u miġjub
fix-xejn minn kuxjenza mħassra.
Dan il-biża’ mhux il-biża’ tal-kastig jekk ma
nobdix. Alla mhux Alla tal-Liġi iżda
tal-Imħabba. Kull bniedem li jrawwem fih
iż-żerriegħa tal-biża’ ta’ Alla jaf li dan hu biża’ li jitlef lil Alla għax
għaraf li l-Ġmiel ta’ kollox hu Alla. Hu
jibża’ li, għax hu dgħajjef, u l-ħin kollu ttentat għall-ħażen, hu jirvina
l-opra ta’ Alla li qed isseħħ fih fi proċess qaddis ta’ perfezzjoni. Hu jara madwaru proċess il-kontra... proċess
lejn it-taħsir u l-mewt u jibża’ li jintelaq mal-kurrent, u għalhekk jiggranfa
dejjem aktar mal-għajn tal-Ħajja ta’ Dejjem.
Dan hu l-biża’ ta’ Alla, it-talent li jagħmel mill-bniedem wieħed
għaref.
Dan il-biża’ ta’ Alla jnissel dixxerniment,
il-kapaċità li tara dak li hu moħbi għall-oħrajn. Id-dixxerniment hu don tal-Ispirtu li
jiddistingwi lin-Nisrani mill-bnedmin l-oħra u jagħmel minnu “Profeta”, wieħed
li jwassal Kelma ta’ Alla fuq kull sitwazzjoni jew storja li bniedem ieħor ikun
għaddej minnhom. Fuq dan il-bniedem,
il-Bibbja tgħid: “Il-Kelma ta’ bniedem
b’għajnejh miftuħa, ta’ wieħed jisma’ kliem Alla, u jara dehret Alla li jista’
kollox għax għandu għajnejh mikxufa.”
(Num. 24, 3b-4). Talent kien
jiswa disa’ snin xogħol, għidna, imma dan it-talent tad-dixxerniment, li tkun
kapaċi taqra r-rieda ta’ Alla f’dak li jkun qed jiġri, dan ma tixtrihx b’disa’
snin xogħol, imma jew jagħtihulek Alla jew ma jagħtihulekx. Hu don gratis.
Il-biża’ safi ta’ Alla u d-dixxerniment huma
wlied il-Fidi li hi l-akbar don għax hi Omm id-doni l-oħra spiritwali. Hemm Fidi reliġjuża u hemm Fidi
Nisranija. Waħda hi naturali u l-oħra hi
sopranaturali. Aħna ngħidu ħafna xorti
fuq il-Fidi, imma l-Fidi hi don ta’ Alla, Grazzja, rigal bla ma hu mistħoqq,
talent enormi. Imma min jirċievi l-Fidi,
jirċeviha b’risq ħaddieħor, għax in-Nisrani hu bħall-melħ li diġa
semmejna. Ftit hemm bżonn melħ, u jrid
imut, jinħall b’risq il-borma. Ħadd ma
jgħid kemm hu tajjeb il-melħ, imma kulħadd ifaħħar il-borma. In-Nisrani hu ferħan u kuntent biss b’Alla
għax hu sinjal ta’ kontradizzjoni li l-oħrajn ma jifhmuhx, anzi jiġġudikawh u
hu ppersegwitat. Imma ġewwa fih hemm
għajn dejjem tnixxi l-ilma tal-Preżenza ta’ Alla u m’għandux bżonn il-prosit u
l-applawsi.
Il-Fidi Nisranija hi l-Fidi fil-Misteru
tal-Għid ta’ Kristu. Dan hu kollox. Dan hu t-Talent il-kbir li Alla jistenna li
min jirċevih iħaddmu u permezz tiegħu isalvaw ħafna oħrajn. Din il-Fidi, wieħed ma jistax jiggostaha
għalih waħdu... anzi ma nistax nimmaġina kif jista’ jaħbiha għax hi stess
timbuttaħ, mhux kontra qalbu, imma biex minn qalbu jinagħta għall-ieħor għax
il-Fidi vera tfejjaqna minn ġewwa u tnixxef l-egoiżmi tagħna. Mill-Fidi titwieled it-Tama u fuq kollox
l-Imħabba. Għalhekk min jagħmel xi ħaġa,
jew ma jagħmilhiex, għax hekk jgħid il-kmandament, għadu żgħir fil-Fidi għax
għadu bniedem tal-Liġi u mhux tal-Imħabba.
Qalbu għadha ma ntmessietx u dak it-tajjeb li jagħmel, jagħmlu għax
jibża’ mill-konsgwenzi, mill-kastig.
Meta u kif nirċevuh dan kollu? Fil-Magħmudija! Dan kollu diġa qiegħed għandna, jekk irridu
niskopruh. Rebħu għalina Ġesù Kristu bil-merti
tiegħu u mhux tagħna, biex ħadd ma jidneb billi jiftaħar... Għalhekk jekk nemmnu fi Kristu, nixxennqu li
nsiru “ikona” tiegħu, xbieha tiegħu u hekk nisimgħu il-Kliem ħelu tal-Mulej li
jgħidilna: “Sewwa, qaddej tajjeb u
fidil; int kont fidil fil-ftit, u jien se nafdalek ħafna: idħol fil-hena ta’
sidek.” (Mt. 25, 30).
Il-Liturġija tal-Kelma tal-lum:
Qari
I
Mara ta’ ħila taħdem minn
qalbha b’idejha.
Prov 31, 10-13.19-20.30-31
Għeluq tal-Ktieb tal-Proverbi
Mara ta’ ħila min isibha?
Tiswa ħafna aktar mill-ġawhar.
Fuqha tistrieħ qalb żewġha,
u dan żgur ikunlu ta’ ġid.
Riżq tajjeb iġġiblu, u mhux ħażin,
il-jiem kollha ta’ ħajjitha.
Tfittex suf u ħjut tal-qoton,
u taħdmu bil-qalb b’idejha.
Tmidd idejha għall-magħżel,
jaqbdu d-dussies idejha.
Tiftaħ mal-fqir idejha,
tmidd idejha lejn l-imsejken.
Qarrieqa l-ħlewwa tal-mara, fiergħa sbuħitha;
mara li tibża’ mill-Mulej ta’ min ifaħħarha.
Agħtuha mill-frott ta’ xogħol idejha.
Ħa jfaħħruha f’bibien il-belt l-għemejjel tagħha.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm
Responsorjali
Salm 127 (128), 1-2.3.4-5
R/. (1a): Hieni kull min jibża’ mill-Mulej
Hieni kull min jibża’ mill-Mulej,
kull min jimxi fit-triqat tiegħu!
Mix-xogħol ta’ idejk inti tiekol;
hieni int, u riżqek tajjeb! R/.
Martek tkun bħal dielja għammiela
fl-irkejjen ta’ darek;
uliedek bħal xitel taż-żebbuġ
madwar il-mejda tiegħek. R/.
Ara, kif ikun imbierek il-bniedem
li jibża’ mill-Mulej!
Ibierkek il-Mulej minn Sijon!
Jalla tara l-ġid ta’ Ġerusalemm
tul ħajtek kollha!
Jalla tara wlied uliedek! R/.
Qari II
Tħallux li Jum il-Mulej jeħodkom għal għarrieda.
1 Tess 5, 1-6
Qari mill-Ewwel Ittra ta’
San Pawl Appostlu lit-Tessalonkin
Dwar il-ħin u ż-żmien, ħuti, ma għandix bżonn
niktbilkom. Intom tafu sewwa li Jum il-Mulej jiġi għal għarrieda bħal ħalliel
bil-lejl. Meta kulħadd jibda jgħid: “Sliem u mistrieħ”, dak il-ħin stess, bħal-luġigħ fuq mara li tkun
waslet għall-ħlas, tiġi fuqhom għal għarrieda l-qerda u ma jeħilsu b’xejn.
Ħuti, intom m’intomx fid-dlam biex Jum
il-Mulej jeħodkom għal għarrieda bħal ħalliel. Intom ilkoll ulied id-dawl u
wlied il-jum; aħna m’aħniex ulied il-lejl, anqas ulied id-dlam. Għalhekk ma
għandniex norqdu bħall-oħrajn, iżda nishru u ngħixu bil-qjies.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Akklamazzjoni
qabel l-Evanġelju
Ġw 15, 4a.5b
Hallelujah. R/. Hallelujah
Ibqgħu fija, u jiena nibqa’ fikom, jgħid il-Mulej;
min jibqa’ fija u jiena fih, dan jagħmel ħafna frott.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Int kont fidil fil-ftit: idħol fil-hena ta’ sidek.
Mt 25, 14-30
Qari mill-Evanġelju skond San Mattew
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu din il-parabbola: “Wieħed li kien se jsiefer, sejjaħ lill-qaddejja
tiegħu u ħallielhom ġidu f’idejhom. Lil wieħed tah ħames talenti, lil ieħor
tnejn, u lil ieħor wieħed, kull wieħed skond il-ħila tiegħu. U siefer.
Dak li kien ħa l-ħames talenti mar minnufih iħaddimhom u qala’
ħamsa oħra. Hekk ukoll dak li kien ħa tnejn qala’ tnejn oħra. Iżda dak li ħa
wieħed mar ħaffer fl-art u ħeba flus sidu. Wara ħafna, sid dawk il-qaddejja raġa’
lura u beda jagħmel il-kontijiet magħhom. Resaq quddiemu dak li kien ħa ħames
talenti u ġieblu ħames talenti oħra. “Sinjur – qallu – ħames talenti ħallejtli
f’idejja; hawn, ara, qlajt ħamsa oħra”. Qallu s-sinjur: “Sewwa, qaddej tajjeb u
fidil; int kont fidil fil-ftit, u jien se nafdak fuq ħafna; idħol fl-hena ta’
sidek”.
Resaq ukoll dak li kien ħa żewġ talenti, u qallu: “Sinjur, żewġ
talenti ħallejtli f’idejja; hawn, ara, qlajt tnejn oħra”. Qallu s-sinjur:
“Sewwa, qaddej tajjeb u fidil; int kont fidil fil-ftit, u jien se nafdak fuq
ħafna; idħol fl-hena ta’ sidek”.
Iżda resaq ukoll dak li kien ħa talent wieħed, u qal: “Sinjur,
lilek nafek bħala raġel aħrax, taħsad fejn ma żrajtx u tiġbor fejn ma xerridtx.
Bżajt, u mort ħbejt it-talent tiegħek fl-art: hawn, ara, għandek dak li hu
tiegħek”. Qabeż is-sinjur u qallu: “Qaddej ħażin u għażżien, kont taf li jien
naħsad fejn ma żrajtx u niġbor fejn ma xerridtx. Mela kien imissek mort qegħedt
flusi l-bank biex, meta niġi, kont immur niġborhom bl-imgħax. Ħudulu mela
t-talent u agħtuh lil dak li għandu l-għaxar talenti. Għax kull min għandu,
jingħatalu, u jkollu żżejjed ukoll; iżda min ma għandux, jitteħidlu saħansitra dak li għandu. U lil dan il-qaddej bla
fejda itfgħuh ’il barra fid-dlam; hemmhekk ikun hekk il-biki u t-tgħażżiż
tas-snien””.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu
|