Monday, 30 November 2020
           
Home arrow Home
IT-TLIETA U TLETIN HADD MATUL IS-SENA 2020 IN-NISRANI: IL-BNIEDEM TAT-TALENTI PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 14 November 2020

Din hija il-Liturgija tat-Tlieta u Tletin Hadd matul is-sena ( 2020 ) bi hsibijiet min Joe Rapa.

 003-parable-talents.jpg

 

Il-lingwi kollha tal-pajjiżi b’kultura Nisranija għandhom ħafna kliem u espressjonijiet imnissla mill-Bibbja, u waħda minnhom hija “talent”, kelma Griega li kienet tfisser qjies ta’ toqol u anke ta’ flus.  Talent bħala qjies ta’ flus kien jiswa ħafna, ħafna.  Biżżejjed inżommu f’moħħna li “talent” kien jaqilgħu bniedem tas-sengħa f’disa’ snin xogħol!  Minn xi s-seklu tlettax ’l hawn, din il-kelma bdiet tiġi adottata għal xi kapaċità, sengħa, arti, kariżma li jkollu l-bniedem.  Din il-bidla fit-tifsira tagħha hi konsegwenza tal-parabbola li l-Knisja tpoġġi quddiemna f’dan il-Ħadd ta’ qabel tal-aħħar tas-Sena Liturġika.

 

Kull bniedem hu mżejjen minn Alla b’xi talent jew talenti bl-iskop li kull bniedem jgħin fl-iżvilupp tal-ħolqien.  Għax Alla għandu pjanijiet sbieħ għal kull bniedem u għall-ħolqien kollu, kif tgħid l-Antifona tad-Dħul tal-Ewkaristija għal dan il-Ħadd: “Il-ħsibijiet li għandi għalikom,  igħid il-Mulej, huma ħsibijiet ta’ sliem mhux ta’ ħsara.”  (Ġer. 29, 11).  Għal Alla, il-ħolqien kollu, imma l-aktar il-bniedem, hu opra ta’ arti li tinsab fi proċess lejn il-milja.  Kulma jmiss ma’ Alla hu mimli ottimiżmu, hu pożittiv.  Huwa d-dnub li jtebba’, li jnissel pessimiżmu, li jdallam bil-biża’ ta’ x’jista’ jiġri.  It-tajjeb kollu ġej minn Alla-Ħallieq u hekk kull talent, kapaċita ta’ arti, sengħa, għerf, kollu ġej minn Alla, l-għajn u s-sors ta’ kollox. 

Hemm talenti li jmissu l-ġisem, u dawn huma l-aktar li jidhru.  Imma hem talenti misterjużi li jżejnu l-ispirtu tal-bniedem.   Għax il-bniedem hu ġisem u spirtu u huwa l-ispirtu tal-bniedem li jġagħlu jerfa’ ħarstu ’l fuq lejn viżjoni iktar nobbli, lejn il-misteru tal-eżistenza tiegħu.  Tassew fqir huwa l-bniedem li ħarstu hi dejjem imwaħħla fit-tajn tal-art, fl-affarijiet materjali biss, mingħajr qatt ma joħlom u jħossu mbuttat jikkontempla fil-ħwejjeġ li ma jitħassrux u huma għal dejjem.

 

Dawn it-talenti spiritwali huma rigali tal-Ispirtu s-Santu, u huma bħall-melħ fil-borma li jagħti t-togħma u li mingħajru xejn ma jittiekel, xejn mhu ‘tajjeb’.  Dawn it-talenti huma għotja ta’ Alla, imma huwa l-bniedem li jrid jagħmel użu minnhom.  Bin Sirak igħid li l-bidu tal-għerf hu l-biża’ tal-Mulej, u għal dawk li jemmnu nħalaq magħhom f’ġuf ommhom.  (Sir. 1, 14).  Għalkemm dan ir-rigal ta’ Alla jidher negattiv, huwa immensament pożittiv u hu jgħammar f’kull bniedem, għalkemm f’ħafna hu mnikket u miġjub fix-xejn minn  kuxjenza mħassra. 

 

Dan il-biża’ mhux il-biża’ tal-kastig jekk ma nobdix.  Alla mhux Alla tal-Liġi iżda tal-Imħabba.  Kull bniedem li jrawwem fih iż-żerriegħa tal-biża’ ta’ Alla jaf li dan hu biża’ li jitlef lil Alla għax għaraf li l-Ġmiel ta’ kollox hu Alla.  Hu jibża’ li, għax hu dgħajjef, u l-ħin kollu ttentat għall-ħażen, hu jirvina l-opra ta’ Alla li qed isseħħ fih fi proċess qaddis ta’ perfezzjoni.  Hu jara madwaru proċess il-kontra... proċess lejn it-taħsir u l-mewt u jibża’ li jintelaq mal-kurrent, u għalhekk jiggranfa dejjem aktar mal-għajn tal-Ħajja ta’ Dejjem.  Dan hu l-biża’ ta’ Alla, it-talent li jagħmel mill-bniedem wieħed għaref.

 

Dan il-biża’ ta’ Alla jnissel dixxerniment, il-kapaċità li tara dak li hu moħbi għall-oħrajn.  Id-dixxerniment hu don tal-Ispirtu li jiddistingwi lin-Nisrani mill-bnedmin l-oħra u jagħmel minnu “Profeta”, wieħed li jwassal Kelma ta’ Alla fuq kull sitwazzjoni jew storja li bniedem ieħor ikun għaddej minnhom.  Fuq dan il-bniedem, il-Bibbja tgħid: “Il-Kelma ta’ bniedem b’għajnejh miftuħa, ta’ wieħed jisma’ kliem Alla, u jara dehret Alla li jista’ kollox għax għandu għajnejh mikxufa.”  (Num. 24, 3b-4).  Talent kien jiswa disa’ snin xogħol, għidna, imma dan it-talent tad-dixxerniment, li tkun kapaċi taqra r-rieda ta’ Alla f’dak li jkun qed jiġri, dan ma tixtrihx b’disa’ snin xogħol, imma jew jagħtihulek Alla jew ma jagħtihulekx.  Hu don gratis.

 

Il-biża’ safi ta’ Alla u d-dixxerniment huma wlied il-Fidi li hi l-akbar don għax hi Omm id-doni l-oħra spiritwali.  Hemm Fidi reliġjuża u hemm Fidi Nisranija.  Waħda hi naturali u l-oħra hi sopranaturali.  Aħna ngħidu ħafna xorti fuq il-Fidi, imma l-Fidi hi don ta’ Alla, Grazzja, rigal bla ma hu mistħoqq, talent enormi.  Imma min jirċievi l-Fidi, jirċeviha b’risq ħaddieħor, għax in-Nisrani hu bħall-melħ li diġa semmejna.  Ftit hemm bżonn melħ, u jrid imut, jinħall b’risq il-borma.  Ħadd ma jgħid kemm hu tajjeb il-melħ, imma kulħadd ifaħħar il-borma.  In-Nisrani hu ferħan u kuntent biss b’Alla għax hu sinjal ta’ kontradizzjoni li l-oħrajn ma jifhmuhx, anzi jiġġudikawh u hu ppersegwitat.  Imma ġewwa fih hemm għajn dejjem tnixxi l-ilma tal-Preżenza ta’ Alla u m’għandux bżonn il-prosit u l-applawsi. 

 

Il-Fidi Nisranija hi l-Fidi fil-Misteru tal-Għid ta’ Kristu.  Dan hu kollox.  Dan hu t-Talent il-kbir li Alla jistenna li min jirċevih iħaddmu u permezz tiegħu isalvaw ħafna oħrajn.  Din il-Fidi, wieħed ma jistax jiggostaha għalih waħdu... anzi ma nistax nimmaġina kif jista’ jaħbiha għax hi stess timbuttaħ, mhux kontra qalbu, imma biex minn qalbu jinagħta għall-ieħor għax il-Fidi vera tfejjaqna minn ġewwa u tnixxef l-egoiżmi tagħna.   Mill-Fidi titwieled it-Tama u fuq kollox l-Imħabba.  Għalhekk min jagħmel xi ħaġa, jew ma jagħmilhiex, għax hekk jgħid il-kmandament, għadu żgħir fil-Fidi għax għadu bniedem tal-Liġi u mhux tal-Imħabba.  Qalbu għadha ma ntmessietx u dak it-tajjeb li jagħmel, jagħmlu għax jibża’ mill-konsgwenzi, mill-kastig.

 

Meta u kif nirċevuh dan kollu?  Fil-Magħmudija!  Dan kollu diġa qiegħed għandna, jekk irridu niskopruh.  Rebħu għalina Ġesù Kristu bil-merti tiegħu u mhux tagħna, biex ħadd ma jidneb billi jiftaħar...  Għalhekk jekk nemmnu fi Kristu, nixxennqu li nsiru “ikona” tiegħu, xbieha tiegħu u hekk nisimgħu il-Kliem ħelu tal-Mulej li jgħidilna: “Sewwa, qaddej tajjeb u fidil; int kont fidil fil-ftit, u jien se nafdalek ħafna: idħol fil-hena ta’ sidek.”  (Mt. 25, 30).

 

Il-Liturġija tal-Kelma tal-lum:

 

Qari I

Mara ta’ ħila taħdem minn qalbha b’idejha.

Prov 31, 10-13.19-20.30-31

 

Għeluq tal-Ktieb tal-Proverbi

 

Mara ta’ ħila min isibha?

Tiswa ħafna aktar mill-ġawhar.

Fuqha tistrieħ qalb żewġha,

u dan żgur ikunlu ta’ ġid.

Riżq tajjeb iġġiblu, u mhux ħażin,

il-jiem kollha ta’ ħajjitha.

Tfittex suf u ħjut tal-qoton,

u taħdmu bil-qalb b’idejha.

Tmidd idejha għall-magħżel,

jaqbdu d-dussies idejha.

Tiftaħ mal-fqir idejha,

tmidd idejha lejn l-imsejken.

Qarrieqa l-ħlewwa tal-mara, fiergħa sbuħitha;

mara li tibża’ mill-Mulej ta’ min ifaħħarha.

Agħtuha mill-frott ta’ xogħol idejha.

Ħa jfaħħruha f’bibien il-belt l-għemejjel tagħha.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 127 (128), 1-2.3.4-5

 

R/. (1a): Hieni kull min jibża’ mill-Mulej

 

Hieni kull min jibża’ mill-Mulej,

kull min jimxi fit-triqat tiegħu!

Mix-xogħol ta’ idejk inti tiekol;

hieni int, u riżqek tajjeb! R/.

 

Martek tkun bħal dielja għammiela

fl-irkejjen ta’ darek;

uliedek bħal xitel taż-żebbuġ

madwar il-mejda tiegħek. R/.

 

Ara, kif ikun imbierek il-bniedem

li jibża’ mill-Mulej!

Ibierkek il-Mulej minn Sijon!

Jalla tara l-ġid ta’ Ġerusalemm

tul ħajtek kollha!

 

Jalla tara wlied uliedek! R/.

 

Qari II

Tħallux li Jum il-Mulej jeħodkom għal għarrieda.

1 Tess 5, 1-6

 

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lit-Tessalonkin

 

Dwar il-ħin u ż-żmien, ħuti, ma għandix bżonn niktbilkom. Intom tafu sewwa li Jum il-Mulej jiġi għal għarrieda bħal ħalliel bil-lejl. Meta kulħadd jibda jgħid: “Sliem u mistrieħ”, dak il-ħin stess, bħal-luġigħ fuq mara li tkun waslet għall-ħlas, tiġi fuqhom għal għarrieda l-qerda u ma jeħilsu b’xejn.

 

Ħuti, intom m’intomx fid-dlam biex Jum il-Mulej jeħodkom għal għarrieda bħal ħalliel. Intom ilkoll ulied id-dawl u wlied il-jum; aħna m’aħniex ulied il-lejl, anqas ulied id-dlam. Għalhekk ma għandniex norqdu bħall-oħrajn, iżda nishru u ngħixu bil-qjies.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Ġw 15, 4a.5b

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Ibqgħu fija, u jiena nibqa’ fikom, jgħid il-Mulej;

min jibqa’ fija u jiena fih, dan jagħmel ħafna frott.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Int kont fidil fil-ftit: idħol fil-hena ta’ sidek.

Mt 25, 14-30

 

Qari mill-Evanġelju skond San Mattew

 

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu din il-parabbola: “Wieħed li kien se jsiefer, sejjaħ lill-qaddejja tiegħu u ħallielhom ġidu f’idejhom. Lil wieħed tah ħames talenti, lil ieħor tnejn, u lil ieħor wieħed, kull wieħed skond il-ħila tiegħu. U siefer.

 

Dak li kien ħa l-ħames talenti mar minnufih iħaddimhom u qala’ ħamsa oħra. Hekk ukoll dak li kien ħa tnejn qala’ tnejn oħra. Iżda dak li ħa wieħed mar ħaffer fl-art u ħeba flus sidu. Wara ħafna, sid dawk il-qaddejja raġa’ lura u beda jagħmel il-kontijiet magħhom. Resaq quddiemu dak li kien ħa ħames talenti u ġieblu ħames talenti oħra. “Sinjur – qallu – ħames talenti ħallejtli f’idejja; hawn, ara, qlajt ħamsa oħra”. Qallu s-sinjur: “Sewwa, qaddej tajjeb u fidil; int kont fidil fil-ftit, u jien se nafdak fuq ħafna; idħol fl-hena ta’ sidek”.

 

Resaq ukoll dak li kien ħa żewġ talenti, u qallu: “Sinjur, żewġ talenti ħallejtli f’idejja; hawn, ara, qlajt tnejn oħra”. Qallu s-sinjur: “Sewwa, qaddej tajjeb u fidil; int kont fidil fil-ftit, u jien se nafdak fuq ħafna; idħol fl-hena ta’ sidek”.

 

Iżda resaq ukoll dak li kien ħa talent wieħed, u qal: “Sinjur, lilek nafek bħala raġel aħrax, taħsad fejn ma żrajtx u tiġbor fejn ma xerridtx. Bżajt, u mort ħbejt it-talent tiegħek fl-art: hawn, ara, għandek dak li hu tiegħek”. Qabeż is-sinjur u qallu: “Qaddej ħażin u għażżien, kont taf li jien naħsad fejn ma żrajtx u niġbor fejn ma xerridtx. Mela kien imissek mort qegħedt flusi l-bank biex, meta niġi, kont immur niġborhom bl-imgħax. Ħudulu mela t-talent u agħtuh lil dak li għandu l-għaxar talenti. Għax kull min għandu, jingħatalu, u jkollu żżejjed ukoll; iżda min ma għandux, jitteħidlu saħansitra dak li għandu. U lil dan il-qaddej bla fejda itfgħuh ’il barra fid-dlam; hemmhekk ikun hekk il-biki u t-tgħażżiż tas-snien”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu

 

 
< Prev   Next >