Din hija il-Liturgija L-AHHAR HADD MATUL IS-SENA (2020) SOLENNITÀ TA’ SIDNA GESÙ KRISTU SULTAN TAL-HOLQIEN KOLLU ( 2020 ) bi hsibijiet min Joe Rapa.
Fi żmien tant imqalleb u diffiċli li fih
il-bniedem huwa mġiegħel jinduna bid-dgħufija tiegħu minħabba din l-epidemija
tal-Covid-19, il-Knisja bil-kuraġġ u b’ottimiżmu tiċċelebra u tgħix il-Fidi
tagħha fi Kristu bħala s-Sultan ta’ kulma jeżisti u l-Mexxej u Kap tal-Istorja,
mhux biss personali tiegħi u tiegħek, imma tad-dinja kollha, bil-politika,
poteri u setgħat, kulturi u modi tagħha kollha.
Kristu huwa t-Tama tad-dinja; Huwa hu l-qawwa pożittiva li kapaċi toħroġ
ġid enormi mid-dlam tal-qerda u tbatija.
Kristu huwa ż-żerniq ta’ kull problema; Huwa
hu li jdawwar f’Għid glorjuż il-ħakma tal-Mewt għax Hu huwa l-Waħdieni li
rebħilha. U dan kollu jgħodd ukoll għal
dawk li jemmnu fiH, dawk li jemmnu fiH b’Fidi dejjem tikber, għax huma jsiru
parti minnU. Din hija l-Glorja vera
tal-bniedem: li jiġi ngastat, imlaqqam, imsawwar fi Kristu nnifsu, u għalhekk
ir-rebħa ta’ Kristu hija r-rebħa tan-Nisrani.
Mhux ta’ b’xejn li l-Ġemgħa li temmen tkanta, waqt li d-dinja tibża’ minn
dak li għaddej mingħaliha, u l-infern jitriegħed quddiemU.
Naturalment, ħafna dan ma jemmnuhx.
Id-dinja titħawwad quddiem il-frott ta’ dak li temmen fih hi, imma
tibqa’ tgħaddas rasha, bla ma titgħallem, u tkompli tafda f’dak li temmen
hi. Kristu hu stramb għaliha. Hu beka fuq Ġerusalemm u jibki fuq id-dinja
għax Hu miċħud kemm mill-mentalità “reliġjuża” ta’ Ġerusalemm, kif ukoll minn
dik materjalista tad-dinja. Ir-“reliġjuż
jemmen fil-mirakli u s-sinjali u l-“grazzji” ta’ barra minn hawn, waqt li
d-dinja trid tmiss b’idejha u tara b’għajnejha u malli ssemmilha l-Fidi
fil-Misteru li ma jinftiehemx, tidħaq, tgħolli spallejha u titlaq.
Kristu hu Sultan bis-Salib! Kemm hu tqil għalina dan! Kemm hu l-Ispirtu s-Santu li jrid ikun li
jdawwal il-qalb tal-bniedem. Is-Salib
ta’ Kristu huwa s-Salib tagħna.
Bis-Salib tiegħu Kristu għex il-Għid u sab il-Glorja ta’ dejjem, u
bis-Salib tagħna aħna wkoll nimxu warajH u nsaltnu miegħU. Ma tagħtix tort lid-dinja li temmen f’min
joffriha soluzzjoni issa. Ikun jidħaq
biha, imma hi, min-natura tagħha, lil dawn temmen. Id-dinja tiġri wara dawk li jiġbdu l-poplu
warajhom, dawk li jiffuraw il-modi, il-ħsieb, il-kultura ta’ ġenerazzjoni
sħiħa. Il-Ġermanja emmnet f’Ħitler;
ir-Russja ħaddnet magħha l-Komuniżmu; l-Amerika minn dejjem innamrat mal-kapitaliżmu
u l-“business”, u l-popolin għadu bħal fi żmien ir-Rumani: agħtih iċ-ċirku fejn
jiddeverti u l-ħobż, il-flus fil-but, u għamel li trid.
Din hi l-qawwa li tgħammex. Imma mingħajr daqq ta’ trombi, mingħajr
għajjat u reklamar, mingħajr kburija iżda fil-kwiet u fil-ġenb, hemm rejaltà
oħra. Is-slaten tad-dinja kollha
jinbidlu u jmutu. Il-modi u l-ħsibijiet
dominanti wieħed jaqlibha lill-ieħor, iżda r-rejaltà ta’ Kristu tibqa’ hemm
minn ġenerazzjoni għall-oħra. Kull seklu
ħabbar it-tmiem tiegħU, imma kull seklu għadda u twieled ieħor floku u Hu
jibqa’ jiġbed nies għal warajh, nies konvinti li fiH sabu s-sens tal-Ħajja.
Dan ma ngħiduhx bi triijonfaliżmu. Allaħares!
Kull min sab lil Kristu sabu bi Grazzja tal-Ispirtu s-Santu u m’għandux
biex jiftaħar. U kull min sabU, min jaf
kemm-il darba rvilla kontriH qabel ma ntelaq f’dirgħajh. Għax Kristu ma jaqbilx man-natura mwaqqa’ ta’
Adam li aħna writtna f’ġuf ommna bla ma hu tort tagħna. Hu jagħtina natura ġdida li tagħmel ħwejjeġ
impossibbli għall-bniedem normali.
Is-simbolu ta’ dan is-Sultan stramb huwa l-Ħaruf u l-bniedem aktar
togħġbu s-saħħa tal-iljun. Kull min qed
jaqdiH illum jaf li ħafna drabi pprefera s-saħħa u l-ego... sakemm skopra li
l-Ħaruf huwa l-Imħabba u l-Imħabba
tirbaħ lid-dinja. L-Imħabba tiġi
maqtula, imma tqum mill-Mewt darba wara darba.
L-Imħabba biss hija eterna u l-qawwa siekta tagħha biss tagħmel sens,
fl-aħħar mill-aħħar.
Kristu huwa l-Ħaruf-Sultan. Hu sinjal ta’ kontradizzjoni li jħawwad
lid-dinja. Id-dinja tara “dgħufija” li
ma tistax tinqered. Imma din id-dgħufija
hi l-ikbar setgħa hi hawn fl-univers.
Il-Ħaruf imur minn rajH qalb l-ilpup imġewħa biex jinagħta bħala ikel
għalihom, sabiex waqt li jmut Hu jgħixu huma!
Din l-għotja tifhimha biss l-Omm li tinagħta għal uliedha kuljum. Jifhimha wkoll il-midneb li skopra li hu
maħbub għall-mewt minn Alla li hu offenda ħajtu kollha. Kristu jmut biex jien u int, li kapaċi nkunu
lpup jekk xi ħadd iweġġagħna jew imiss xi ħaġa minn tagħna, ngħixu. Is-Sultan veru hu l-Waħdieni li għandu
s-setgħa li jħobb lill-għadu u jmut għalih.
Huwa l-Waħdieni li skopra li l-“Ħajja” vera tinsab fis-Salib, f’li
wieħed jidħol warajH fil-Mewt biex hemm jiskopri li hi gidba. Min jidħol fit-tbatija f’Isem Ġesù Kristu
jinduna b’Għerf ġdid u tal-għaġeb: li fil-Mewt hemm il-Ħajja! Imma dan ma nistgħux ngħiduh hekk, qisna qed
nieklu biċċa ħobż. Dan il-Kliem hu serju
ħafna. Ngħiduh għax qalu Kristu.
Eżekjel għandu qari mill-aqwa għalina. In-ngħaġ skoprew x’Ragħaj għandhom meta
ntilfu u tferrxu għax beżgħu u ħasbu li kienu weħedhom. “Ara,
hawn jien, se nfittex in-ngħaġ tiegħi u nieħu ħsiebhom. Bħalma r-ragħaj jaħseb fil-merħla tiegħu meta
jsib ruħu f’nofs in-ngħaġ tiegħu imferrxa, hekk naħseb jien fin-ngħaġ tiegħi, u
nsalvahom minn kull fejn xterdu fi żmien is-sħab u s-swied tal-ajru.” (Eżek. 34,
12). Aħna ma rridux kriżijiet
u nkwiet, imma hu waqt il-maltemp li l-bniedem jinduna x’Ragħaj għandu u jikber
fil-Fidi. Lil Ġesù, kien l-Ispirtu li
ħadu fid-deżert biex ikun imġarrab.
Il-Vanġelu jgħidilna: Imbagħad
l-Ispirtu ħa lil Ġesù fid-deżert biex ix-xitan iġarrbu.” (Mt. 4, 1).
Tidher stramba din, imma l-istess ħadem il-Mulej ma’ Iżrael li ħadu
għal erbgħin sena fid-deżert biex hemm jagħraf, wara ħafna waqgħat u
rvellijiet, li Sultan wieħed jeżisti u dan hu JHWH, Alla tagħhom. Bħala bniedem Ġesù kellu jgħaddi mit-tiġrib
biex jilħaq il-milja (bħala bniedem) tal-għarfien tal-Missier. Kemm aktar aħna, in-ngħaġ stupidi tiegħu,
għandna bżonn li ma jħalliniex komdi fil-maqjel imma jeħodna fil-beraħ, hemm
fejn nistgħu nintilfu jew nispiċċaw vittma tal-lpup, imma hemm ukoll fejn
nikbru u nimmaturaw fil-Fidi.
Hija
l-Fidi li ddawwalna u tagħtina li naraw ħwejjeġ moħbija għall-għajnejn
tan-natura. Id-dinja tidħaq bina. Aħjar!
Tgħidilna: “Ġibu l-provi.” Min
jemmen fi Kristu għandu provi kemm irid għax l-Ispirtu ta’ Alla jkellem
lill-ispirtu tiegħu b’mod misterjuż u jagħtih garanzija, kapparra li dak li
jemmen hu veru. Dan l-Ispirtu jixhed flimkien mal-ispirtu tagħna li aħna wlied Alla. (Rum. 8, 16).
Kemm hu hieni l-bniedem li ġewwa fih l-Ispirtu s-Santu jixhidlu li
Kristu huwa s-Sultan il-Kbir u li Ġesù akkwistalu Ħajja għal dejjem, bla tmiem,
rebħa fuq il-Mewt.
Meta konna għedewwa tiegħU, Kristu miet
għalina biex jakkwistalna tpattija għal dnubietna kollha u Ħajja bla tmiem, li
aħna qatt ma konna se nkunu kapaċi nakkwistaw.
Kristu ħabbna meta aħna tajna qima lill-flus, lis-sess, lill-ego tagħna,
lill-vizzji tagħna. Hu ma ġġudikaniex
imma miet għalina, dak il-ħin! Meta
ndunajna b’dan, Kristu sar is-Sultan tagħna.
Kemm nies offrewlu kollox meta ltaqgħu tassew mal-Imħabbba ta’ dan
is-Sultan. Din hi l-gratitudni mmensa
tal-ilsir meħlus, tal-mejjet imqajjem għal Ħajja ġdida, tal-barrani magħmul
iben, tal-ħalliel li seraq il-Ġenna, tal-adultera maħtufa minn ħalq il-Mewt,
tal-agħma li beda jara, tat-trux li beda jisma’, tal-paralitiku li qam jiżfen,
tal-lebruż li ġismu sar bħal ta’ tarbija tat-twelid! Dawn kollha huma aħna, kollha għandna minnhom. Dawn il-grazzji stupendi jinagħtaw lilna
fis-Sultan imsallab li rebaħ il-Mewt għalina biex ma nidinbux aktar.
U l-frott li se naqtgħu se jkun li aħna
nisimgħu il-Kelma tiegħU li ssaħħar f’dak il-Jum: “Ejjew imberkin minn Missieri, ħudu b’wirt tagħkom is-Saltna li
thejjiet għalikom sa mill-ħolqien tad-dinja.”
(Mt. 25, 34).
Il-Liturġija tal-Kelma:
Qari I
Jien nirgħa l-merħla
tiegħi bil-ġustizzja.
Eżek 34, 11-12.15-17
Qari
mill-Ktieb tal-Profeta Eżekjel
Dan
jgħid Sidi l-Mulej: Arawni, hekk jien se nfittex in-nagħaġ tiegħi u nieħu ħsiebhom.
Bħalma r-ragħaj jaħseb fil-merħla tiegħu meta jsib ruħu f’nofs in-nagħaġ
imxerrda tiegħu, hekk naħseb jien fin-nagħaġ tiegħi, u nsalvahom minn kull fejn
xterdu fi żmien is-sħab u s-swied tal-ajru.
Jiena
stess nirgħa n-nagħaġ tiegħi, u jiena nserraħhom. Oraklu ta’ Sidi l-Mulej.
Jiena nfittex il-mitlufa, irreġġa’ lura l-imxerrda, ninfaxxa l-ġrieħi
tal-miġrugħa, u nqawwi l-marida. Inħares is-smina u l-qawwija, u nirgħahom
bil-ġustizzja.
Imma
għalik, merħla tiegħi, hekk jgħid Sidi l-Mulej: Ara, jiena nagħmel ħaqq bejn
nagħġa u nagħġa, bejn imtaten u bdabad.
Il-Kelma
tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 22 (23), 1-2a.2b-3.5-6
R/. (1): Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi, xejn ma
jonqosni
Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi,
xejn ma jonqosni;
f’mergħat kollha ħdura jqegħedni. R/.
Ħdejn l-ilma, fejn nistrieħ, jeħodni;
hemm hu jrejjaqni.
Imexxini fit-triq tas-sewwa
minħabba l-isem tiegħu. R/.
Int tħejji mejda għalija
quddiem l-għedewwa tiegħi.
Biż-żejt tidlikli rasi,
u l-kalċi tiegħi tfawwarli. R/.
Miegħi, iva, jimxu t-tjieba u l-ħniena
il-jiem kollha ta’ ħajti.
U ngħammar f’dar il-Mulej
sakemm indum ħaj! R/.
Qari II
Jerħi s-saltna f’idejn
Alla l-Missier, sabiex Alla jkun kollox f’kollox.
1 Kor 15, 20-26.28
Qari
mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin
Ħuti,
Kristu kien imqajjem tassew mill-imwiet, l-ewwel frott fost dawk li raqdu.
Għaliex, jekk permezz ta’ bniedem feġġet il-mewt, bi bniedem ukoll iseħħ
il-qawmien mill-imwiet. Għax bħalma l-bnedmin kollha jmutu f’Adam, hekk ilkoll
jiksbu l-ħajja fi Kristu. Imma kulħadd skond kif imissu; jibda l-ewwel frott li
hu Kristu; wara, dawk li huma ta’ Kristu, f’jum il-miġja tiegħu. Imbagħad
it-tmiem, meta Kristu jerħi s-saltna f’idejn Alla l-Missier, wara li jkun qered
kull ħakma u kull setgħa u kull qawwa. Għax jeħtieġ li hu jsaltan sa ma
jqiegħed l-għedewwa kollha taħt riġlejh. L-aħħar għadu li jinqered tkun
il-Mewt.
U
meta kollox ikun imqiegħed taħtu, imbagħad l-Iben stess jitqiegħed taħt Dak li
jkun qegħedlu kollox taħtu, sabiex Alla jkun kollox f’kollox.
Il-Kelma
tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Mk 11, 9.10
Hallelujah. R/. Hallelujah
Mbierek min ġej f’isem il-Mulej!
Mbierka s-Saltna li ġejja ta’ David
missierna!
R/. Hallelujah
Evanġelju
Joqgħod fuq it-tron glorjuż tiegħu u jifred il-ġnus minn xulxin.
Mt 25, 31-46
Qari mill-Evanġelju
skond San Mattew
F’dak iż-żmien, Ġesù qal
lid-dixxipli tiegħu: “Meta jiġi Bin il-bniedem fil-glorja tiegħu u bl-anġli kollha
miegħu, imbagħad joqgħod fuq it-tron glorjuż tiegħu. U quddiemu jinġabru l-ġnus
kollha, u hu jifridhom minn xulxin, bħalma r-ragħaj jifred in-nagħaġ
mill-mogħoż: in-nagħaġ iqegħedhom fuq il-lemin tiegħu u l-mogħoż fuq ix-xellug.
Imbagħad is-Sultan jgħid
lil dawk ta’ fuq il-lemin tiegħu: “Ejjew, imberkin minn Missieri, ħudu b’wirt
tagħkom is-Saltna li tħejjiet għalikom sa mill-ħolqien tad-dinja. Għax jien
kont bil-ġuħ u tmajtuni, kont bil-għatx u sqejtuni, kont barrani u lqajtuni,
kont għeri u libbistuni, kont marid u ġejtu tarawni, kont fil-ħabs u ġejtu
żżuruni”.
Imbagħad iweġbuh
il-ġusti: “Mulej, meta rajniek bil-ġuħ u tmajniek, jew bil-għatx u sqejniek?
Meta rajniek barrani u lqajniek, jew għeri u libbisniek? Meta rajniek marid jew
fil-ħabs u ġejna nżuruk?”.
U s-Sultan iweġibhom u
jgħid: “Tassew, ngħidilkom, kull ma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn
ħuti, għamiltuh miegħi”.
Imbagħad jgħid ukoll lil
dawk ta’ fuq ix-xellug: “Morru minn quddiemi, misħutin, fin-nar ta’ dejjem li
tħejja għax-xitan u għall-anġli tiegħu. Għax jien kont bil-ġuħ u ma tmajtunix,
kont bil-għatx u ma sqejtunix, kont barrani u ma lqajtunix, kont għeri u ma
libbistunix, kont marid u fil-ħabs u ma ġejtux iżżuruni!”.
Imbagħad huma wkoll
iweġbuh: “Mulej, meta rajniek bil-ġuħ, jew bil-għatx, jew barrani, jew għeri,
jew marid, jew fil-ħabs, u aħna ma waqafniex miegħek?”.
Iweġibhom imbagħad u
jgħidilhom: “Tassew, ngħidilkom, dak li ma għamiltux ma’ wieħed min dawk
iż-żgħar, anqas miegħi ma għamiltuh”.
U dawn imorru fit-tbatija ta’ dejjem u l-ġusti fil-ħajja ta’
dejjem”.
Il-Kelma
tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu
|