Tuesday, 24 November 2020
           
Home arrow News arrow Latest arrow L-AHHAR HADD MATUL IS-SENA (2020) SOLENNITÀ TA’ SIDNA GESÙ KRISTU SULTAN TAL-HOLQIEN KOLLU
L-AHHAR HADD MATUL IS-SENA (2020) SOLENNITÀ TA’ SIDNA GESÙ KRISTU SULTAN TAL-HOLQIEN KOLLU PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 21 November 2020

Din hija il-Liturgija L-AHHAR HADD MATUL IS-SENA (2020) SOLENNITÀ TA’ SIDNA GESÙ KRISTU  SULTAN TAL-HOLQIEN KOLLU ( 2020 ) bi hsibijiet min Joe Rapa.

king.151170761582.jpg  

 

Fi żmien tant imqalleb u diffiċli li fih il-bniedem huwa mġiegħel jinduna bid-dgħufija tiegħu minħabba din l-epidemija tal-Covid-19, il-Knisja bil-kuraġġ u b’ottimiżmu tiċċelebra u tgħix il-Fidi tagħha fi Kristu bħala s-Sultan ta’ kulma jeżisti u l-Mexxej u Kap tal-Istorja, mhux biss personali tiegħi u tiegħek, imma tad-dinja kollha, bil-politika, poteri u setgħat, kulturi u modi tagħha kollha.  Kristu huwa t-Tama tad-dinja; Huwa hu l-qawwa pożittiva li kapaċi toħroġ ġid enormi mid-dlam tal-qerda u tbatija. 

 

Kristu huwa ż-żerniq ta’ kull problema; Huwa hu li jdawwar f’Għid glorjuż il-ħakma tal-Mewt għax Hu huwa l-Waħdieni li rebħilha.  U dan kollu jgħodd ukoll għal dawk li jemmnu fiH, dawk li jemmnu fiH b’Fidi dejjem tikber, għax huma jsiru parti minnU.  Din hija l-Glorja vera tal-bniedem: li jiġi ngastat, imlaqqam, imsawwar fi Kristu nnifsu, u għalhekk ir-rebħa ta’ Kristu hija r-rebħa tan-Nisrani.  Mhux ta’ b’xejn li l-Ġemgħa li temmen tkanta, waqt li d-dinja tibża’ minn dak li għaddej mingħaliha, u l-infern jitriegħed quddiemU. 

Naturalment, ħafna dan ma  jemmnuhx.  Id-dinja titħawwad quddiem il-frott ta’ dak li temmen fih hi, imma tibqa’ tgħaddas rasha, bla ma titgħallem, u tkompli tafda f’dak li temmen hi.  Kristu hu stramb għaliha.  Hu beka fuq Ġerusalemm u jibki fuq id-dinja għax Hu miċħud kemm mill-mentalità “reliġjuża” ta’ Ġerusalemm, kif ukoll minn dik materjalista tad-dinja.  Ir-“reliġjuż jemmen fil-mirakli u s-sinjali u l-“grazzji” ta’ barra minn hawn, waqt li d-dinja trid tmiss b’idejha u tara b’għajnejha u malli ssemmilha l-Fidi fil-Misteru li ma jinftiehemx, tidħaq, tgħolli spallejha u titlaq. 

 

Kristu hu Sultan bis-Salib!  Kemm hu tqil għalina dan!  Kemm hu l-Ispirtu s-Santu li jrid ikun li jdawwal il-qalb tal-bniedem.  Is-Salib ta’ Kristu huwa s-Salib tagħna.  Bis-Salib tiegħu Kristu għex il-Għid u sab il-Glorja ta’ dejjem, u bis-Salib tagħna aħna wkoll nimxu warajH u nsaltnu miegħU.  Ma tagħtix tort lid-dinja li temmen f’min joffriha soluzzjoni issa.  Ikun jidħaq biha, imma hi, min-natura tagħha, lil dawn temmen.  Id-dinja tiġri wara dawk li jiġbdu l-poplu warajhom, dawk li jiffuraw il-modi, il-ħsieb, il-kultura ta’ ġenerazzjoni sħiħa.  Il-Ġermanja emmnet f’Ħitler; ir-Russja ħaddnet magħha l-Komuniżmu; l-Amerika minn dejjem innamrat mal-kapitaliżmu u l-“business”, u l-popolin għadu bħal fi żmien ir-Rumani: agħtih iċ-ċirku fejn jiddeverti u l-ħobż, il-flus fil-but, u għamel li trid.

 

Din hi l-qawwa li tgħammex.  Imma mingħajr daqq ta’ trombi, mingħajr għajjat u reklamar, mingħajr kburija iżda fil-kwiet u fil-ġenb, hemm rejaltà oħra.  Is-slaten tad-dinja kollha jinbidlu u jmutu.  Il-modi u l-ħsibijiet dominanti wieħed jaqlibha lill-ieħor, iżda r-rejaltà ta’ Kristu tibqa’ hemm minn ġenerazzjoni għall-oħra.  Kull seklu ħabbar it-tmiem tiegħU, imma kull seklu għadda u twieled ieħor floku u Hu jibqa’ jiġbed nies għal warajh, nies konvinti li fiH sabu s-sens tal-Ħajja.

 

Dan ma ngħiduhx bi triijonfaliżmu.  Allaħares!  Kull min sab lil Kristu sabu bi Grazzja tal-Ispirtu s-Santu u m’għandux biex jiftaħar.  U kull min sabU, min jaf kemm-il darba rvilla kontriH qabel ma ntelaq f’dirgħajh.  Għax Kristu ma jaqbilx man-natura mwaqqa’ ta’ Adam li aħna writtna f’ġuf ommna bla ma hu tort tagħna.  Hu jagħtina natura ġdida li tagħmel ħwejjeġ impossibbli għall-bniedem normali.  Is-simbolu ta’ dan is-Sultan stramb huwa l-Ħaruf u l-bniedem aktar togħġbu s-saħħa tal-iljun.  Kull min qed jaqdiH illum jaf li ħafna drabi pprefera s-saħħa u l-ego... sakemm skopra li l-Ħaruf huwa  l-Imħabba u l-Imħabba tirbaħ lid-dinja.  L-Imħabba tiġi maqtula, imma tqum mill-Mewt darba wara darba.  L-Imħabba biss hija eterna u l-qawwa siekta tagħha biss tagħmel sens, fl-aħħar mill-aħħar. 

 

Kristu huwa l-Ħaruf-Sultan.  Hu sinjal ta’ kontradizzjoni li jħawwad lid-dinja.  Id-dinja tara “dgħufija” li ma tistax tinqered.  Imma din id-dgħufija hi l-ikbar setgħa hi hawn fl-univers.  Il-Ħaruf imur minn rajH qalb l-ilpup imġewħa biex jinagħta bħala ikel għalihom, sabiex waqt li jmut Hu jgħixu huma!  Din l-għotja tifhimha biss l-Omm li tinagħta għal uliedha kuljum.   Jifhimha wkoll il-midneb li skopra li hu maħbub għall-mewt minn Alla li hu offenda ħajtu kollha.  Kristu jmut biex jien u int, li kapaċi nkunu lpup jekk xi ħadd iweġġagħna jew imiss xi ħaġa minn tagħna, ngħixu.  Is-Sultan veru hu l-Waħdieni li għandu s-setgħa li jħobb lill-għadu u jmut għalih.  Huwa l-Waħdieni li skopra li l-“Ħajja” vera tinsab fis-Salib, f’li wieħed jidħol warajH fil-Mewt biex hemm jiskopri li hi gidba.  Min jidħol fit-tbatija f’Isem Ġesù Kristu jinduna b’Għerf ġdid u tal-għaġeb: li fil-Mewt hemm il-Ħajja!  Imma dan ma nistgħux ngħiduh hekk, qisna qed nieklu biċċa ħobż.  Dan il-Kliem hu serju ħafna.  Ngħiduh għax qalu Kristu.

 

Eżekjel għandu qari mill-aqwa għalina.  In-ngħaġ skoprew x’Ragħaj għandhom meta ntilfu u tferrxu għax beżgħu u ħasbu li kienu weħedhom.  “Ara, hawn jien, se nfittex in-ngħaġ tiegħi u nieħu ħsiebhom.  Bħalma r-ragħaj jaħseb fil-merħla tiegħu meta jsib ruħu f’nofs in-ngħaġ tiegħu imferrxa, hekk naħseb jien fin-ngħaġ tiegħi, u nsalvahom minn kull fejn xterdu fi żmien is-sħab u s-swied tal-ajru.”  (Eżek. 34,  12).  Aħna ma rridux kriżijiet u nkwiet, imma hu waqt il-maltemp li l-bniedem jinduna x’Ragħaj għandu u jikber fil-Fidi.  Lil Ġesù, kien l-Ispirtu li ħadu fid-deżert biex ikun imġarrab.  Il-Vanġelu jgħidilna: Imbagħad l-Ispirtu ħa lil Ġesù fid-deżert biex ix-xitan iġarrbu.”  (Mt. 4, 1).  Tidher stramba din, imma l-istess ħadem il-Mulej ma’ Iżrael li ħadu għal erbgħin sena fid-deżert biex hemm jagħraf, wara ħafna waqgħat u rvellijiet, li Sultan wieħed jeżisti u dan hu JHWH, Alla tagħhom.  Bħala bniedem Ġesù kellu jgħaddi mit-tiġrib biex jilħaq il-milja (bħala bniedem) tal-għarfien tal-Missier.  Kemm aktar aħna, in-ngħaġ stupidi tiegħu, għandna bżonn li ma jħalliniex komdi fil-maqjel imma jeħodna fil-beraħ, hemm fejn nistgħu nintilfu jew nispiċċaw vittma tal-lpup, imma hemm ukoll fejn nikbru u nimmaturaw fil-Fidi.

 

Hija l-Fidi li ddawwalna u tagħtina li naraw ħwejjeġ moħbija għall-għajnejn tan-natura.  Id-dinja tidħaq bina.  Aħjar!  Tgħidilna: “Ġibu l-provi.”  Min jemmen fi Kristu għandu provi kemm irid għax l-Ispirtu ta’ Alla jkellem lill-ispirtu tiegħu b’mod misterjuż u jagħtih garanzija, kapparra li dak li jemmen hu veru.  Dan l-Ispirtu jixhed flimkien mal-ispirtu tagħna li aħna wlied Alla.  (Rum. 8, 16).  Kemm hu hieni l-bniedem li ġewwa fih l-Ispirtu s-Santu jixhidlu li Kristu huwa s-Sultan il-Kbir u li Ġesù akkwistalu Ħajja għal dejjem, bla tmiem, rebħa fuq il-Mewt. 

 

Meta konna għedewwa tiegħU, Kristu miet għalina biex jakkwistalna tpattija għal dnubietna kollha u Ħajja bla tmiem, li aħna qatt ma konna se nkunu kapaċi nakkwistaw.  Kristu ħabbna meta aħna tajna qima lill-flus, lis-sess, lill-ego tagħna, lill-vizzji tagħna.  Hu ma ġġudikaniex imma miet għalina, dak il-ħin!  Meta ndunajna b’dan, Kristu sar is-Sultan tagħna.  Kemm nies offrewlu kollox meta ltaqgħu tassew mal-Imħabbba ta’ dan is-Sultan.  Din hi l-gratitudni mmensa tal-ilsir meħlus, tal-mejjet imqajjem għal Ħajja ġdida, tal-barrani magħmul iben, tal-ħalliel li seraq il-Ġenna, tal-adultera maħtufa minn ħalq il-Mewt, tal-agħma li beda jara, tat-trux li beda jisma’, tal-paralitiku li qam jiżfen, tal-lebruż li ġismu sar bħal ta’ tarbija tat-twelid!  Dawn kollha huma aħna, kollha għandna minnhom.  Dawn il-grazzji stupendi jinagħtaw lilna fis-Sultan imsallab li rebaħ il-Mewt għalina biex ma nidinbux aktar.

 

U l-frott li se naqtgħu se jkun li aħna nisimgħu il-Kelma tiegħU li ssaħħar f’dak il-Jum: “Ejjew imberkin minn Missieri, ħudu b’wirt tagħkom is-Saltna li thejjiet għalikom sa mill-ħolqien tad-dinja.”  (Mt. 25, 34).

 

Il-Liturġija tal-Kelma:

 

Qari I

Jien nirgħa l-merħla tiegħi bil-ġustizzja.

Eżek 34, 11-12.15-17

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Eżekjel

 

Dan jgħid Sidi l-Mulej: Arawni, hekk jien se nfittex in-nagħaġ tiegħi u nieħu ħsiebhom. Bħalma r-ragħaj jaħseb fil-merħla tiegħu meta jsib ruħu f’nofs in-nagħaġ imxerrda tiegħu, hekk naħseb jien fin-nagħaġ tiegħi, u nsalvahom minn kull fejn xterdu fi żmien is-sħab u s-swied tal-ajru.

 

Jiena stess nirgħa n-nagħaġ tiegħi, u jiena nserraħhom. Oraklu ta’ Sidi l-Mulej. Jiena nfittex il-mitlufa, irreġġa’ lura l-imxerrda, ninfaxxa l-ġrieħi tal-miġrugħa, u nqawwi l-marida. Inħares is-smina u l-qawwija, u nirgħahom bil-ġustizzja.

 

Imma għalik, merħla tiegħi, hekk jgħid Sidi l-Mulej: Ara, jiena nagħmel ħaqq bejn nagħġa u nagħġa, bejn imtaten u bdabad.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 22 (23), 1-2a.2b-3.5-6

 

R/. (1): Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi, xejn ma jonqosni

 

Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi,

xejn ma jonqosni;

f’mergħat kollha ħdura jqegħedni. R/.

 

Ħdejn l-ilma, fejn nistrieħ, jeħodni;

hemm hu jrejjaqni.

Imexxini fit-triq tas-sewwa

minħabba l-isem tiegħu. R/.

 

Int tħejji mejda għalija

quddiem l-għedewwa tiegħi.

Biż-żejt tidlikli rasi,

u l-kalċi tiegħi tfawwarli. R/.

 

Miegħi, iva, jimxu t-tjieba u l-ħniena

il-jiem kollha ta’ ħajti.

U ngħammar f’dar il-Mulej

sakemm indum ħaj! R/.

 

Qari II

Jerħi s-saltna f’idejn Alla l-Missier, sabiex Alla jkun kollox f’kollox.

1 Kor 15, 20-26.28

 

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin

 

Ħuti, Kristu kien imqajjem tassew mill-imwiet, l-ewwel frott fost dawk li raqdu. Għaliex, jekk permezz ta’ bniedem feġġet il-mewt, bi bniedem ukoll iseħħ il-qawmien mill-imwiet. Għax bħalma l-bnedmin kollha jmutu f’Adam, hekk ilkoll jiksbu l-ħajja fi Kristu. Imma kulħadd skond kif imissu; jibda l-ewwel frott li hu Kristu; wara, dawk li huma ta’ Kristu, f’jum il-miġja tiegħu. Imbagħad it-tmiem, meta Kristu jerħi s-saltna f’idejn Alla l-Missier, wara li jkun qered kull ħakma u kull setgħa u kull qawwa. Għax jeħtieġ li hu jsaltan sa ma jqiegħed l-għedewwa kollha taħt riġlejh. L-aħħar għadu li jinqered tkun il-Mewt.

 

U meta kollox ikun imqiegħed taħtu, imbagħad l-Iben stess jitqiegħed taħt Dak li jkun qegħedlu kollox taħtu, sabiex Alla jkun kollox f’kollox.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Mk 11, 9.10

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Mbierek min ġej f’isem il-Mulej!

Mbierka s-Saltna li ġejja ta’ David missierna!

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Joqgħod fuq it-tron glorjuż tiegħu u jifred il-ġnus minn xulxin.

Mt 25, 31-46

 

Qari mill-Evanġelju skond San Mattew

 

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: Meta jiġi Bin il-bniedem fil-glorja tiegħu u bl-anġli kollha miegħu, imbagħad joqgħod fuq it-tron glorjuż tiegħu. U quddiemu jinġabru l-ġnus kollha, u hu jifridhom minn xulxin, bħalma r-ragħaj jifred in-nagħaġ mill-mogħoż: in-nagħaġ iqegħedhom fuq il-lemin tiegħu u l-mogħoż fuq ix-xellug.

 

Imbagħad is-Sultan jgħid lil dawk ta’ fuq il-lemin tiegħu: “Ejjew, imberkin minn Missieri, ħudu b’wirt tagħkom is-Saltna li tħejjiet għalikom sa mill-ħolqien tad-dinja. Għax jien kont bil-ġuħ u tmajtuni, kont bil-għatx u sqejtuni, kont barrani u lqajtuni, kont għeri u libbistuni, kont marid u ġejtu tarawni, kont fil-ħabs u ġejtu żżuruni”.

 

Imbagħad iweġbuh il-ġusti: “Mulej, meta rajniek bil-ġuħ u tmajniek, jew bil-għatx u sqejniek? Meta rajniek barrani u lqajniek, jew għeri u libbisniek? Meta rajniek marid jew fil-ħabs u ġejna nżuruk?”.

 

U s-Sultan iweġibhom u jgħid: “Tassew, ngħidilkom, kull ma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi”.

 

Imbagħad jgħid ukoll lil dawk ta’ fuq ix-xellug: “Morru minn quddiemi, misħutin, fin-nar ta’ dejjem li tħejja għax-xitan u għall-anġli tiegħu. Għax jien kont bil-ġuħ u ma tmajtunix, kont bil-għatx u ma sqejtunix, kont barrani u ma lqajtunix, kont għeri u ma libbistunix, kont marid u fil-ħabs u ma ġejtux iżżuruni!”.

 

Imbagħad huma wkoll iweġbuh: “Mulej, meta rajniek bil-ġuħ, jew bil-għatx, jew barrani, jew għeri, jew marid, jew fil-ħabs, u aħna ma waqafniex miegħek?”.

 

Iweġibhom imbagħad u jgħidilhom: “Tassew, ngħidilkom, dak li ma għamiltux ma’ wieħed min dawk iż-żgħar, anqas miegħi ma għamiltuh”.

 

U dawn imorru fit-tbatija ta’ dejjem u l-ġusti fil-ħajja ta’ dejjem”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu

 
Next >