Din hija il-Liturgija ta' l-ewwel Hadd ta' l-Avvent ( 2020 ) bi hsibijiet min Joe Rapa.
Il-Knisja tiftaħ is-Sena Liturġika tagħha,
sena oħra, Grazzja oħra, b’kelma qawwija ħierġa minn fomm Kristu nnifsu: “U dak li qiegħed ngħid lilkom, qiegħed
ngħidu għal kulħadd, ishru!” (Mk. 13,
37). Il-Vanġelu li jiftaħ din
is-Sena fih ħames versi biss, imma erba’ darbiet itenni Ġesù din il-kelma: “Ishru”. Aħna niddependu għall-Fidi tagħna minn laqgħa
ma’ Ġesù. Kull Nisrani jaf li l-Fidi,
barra t-tagħlim dwar il-Mulej u l-veritajiet li tħaddan il-Knisja, għandha
bżonn laqgħa ħajja ma’ Kristu. Mingħajr
din, kollox jibqa xott, mejjet, bla sinjal ta’ xi ħaġa ħajja li tgħammar ġewwa
fik. Fid-dinja tal-lum, fejn l-Aħbar ta’
Ġesù Kristu hija ppersegwitata bil-vjolenza, imma anke bil-pulit, in-Nisrani
irid ikollu n-Nar tal-Ispirtu jħeġġeġ ġewwa fih, inkella jinegħleb u jitkaxkar mill-kotra. U dan in-Nar jitqabbad b’laqgħa li
tissorprendi ma’ Kristu.
Kristu huwa Dak li niżel ifittex
lill-bniedem. Huwa jrid jiltaqa’ miegħi
u miegħek, u mhux darba biss. Jekk xi
ħadd jistaqsik l-għala tal-Fidi tiegħek, tweġbux b’xi frażi li tgħallimt
bl-amment meta kont żgħir; tmarrdux b’qabda teoriji fuq il-ħolqien u fuq
in-natura li aħna mdawrin biha, anke jekk dawn ixandru l-Glorja ta’ Alla. Irrakkontalu l-esperjenza tiegħek ta’
Alla! Tparlax fuq kemm taf dwar
Kristu, imma jekk tafux lil Kristu.
Għandek x’tirrakkonta dwar il-Mulej?
Kull bniedem għandu, imma ħafna, ħafna jibqgħu ma jindunawx li f’dak
il-mument X Alla kien għaddej minn quddiemhom u huma ma ndunawx. S. Wistin, li kien wieħed li jishar ħafna, li
dejjem attent għal xi laqgħa ma’ Kristu bħalma kellu fil-ġnien tad-dar fejn
kien joqgħod dak in-nhar li kkonverta, darba qal: “Jien nibża’ li jgħaddi Alla
minn quddiemi u jien ma nindunax!”
Imma biex tishar trid tkun bniedem li qed
tfittex lil Alla, jew aħjar li taf li Alla qed ifittxek. Dan hu d-Dawl li jsebbaħ il-Ħajja. Jekk int konvint li Alla hu Sid Ħajtek, int
allura taf li xejn ma jseħħ b’kumbinazzjoni, imma kull jum huwa ħajta ġdida
fin-nisġa tal-kapolavur enormi tat-tapezzerija li hi l-Istorja tiegħek,
il-Ħajja tiegħek. Kemm hu tal-għaġeb
Alla! Kemm għandna għax inroddulU ħajr
li bagħatilna lil Ibnu Ġesù Kristu li miet u qam mill-mewt biex aħna ngħixu
għal dejjem! Jekk qed tħares lejn
it-tapezzerija tiegħek minn wara, u ma tista’ tifhem xejn, ma qiegħed tara xejn
sabiħ, kollox jidher konfużjni manja u taħwida papali, itlob għal laqgħa ma’
Kristu! Itlob li Alla jħallik tara xi
ftit il-faċċata l-oħra u ħalli s-Sorpriża ta’ Alla taħslek mid-dwejjaq u
d-dnub.
It-tapezzerija tal-Istorja ta’ Iżrael ukoll
toffri konfużjoni ta’ taqlib, gwerrer, dnubiet, straġijiet... infern sħiħ...
jekk tħares lejha minn wara. Imma jekk
tittawwal min-naħa l-oħra tara l-meravilja tal-Opra tas-Salvazzjoni li Alla
jaħdem fis-skiet għad-dinja kollha. Tara
twelid ta’ tarbija f’għar tal-annimali per eżempju! Tara ġens li nissel f’ġufu Verġni bla tebgħa
li bħall-għollieqa ta’ Mosè ħadnet lil Alla ġo fiha bla ma nħarqet. Bil-fallimenti kollha tiegħu, Iżrael iwelled
lil Alla nniffsu b’risq id-dinja! Ma
kienx fidil, imma f’kull ġenerazzjoni kellu “fdal” li kienu jishru u jgħarrxu
għall-Messija, bħal Xmun u Anna.
Anke Iżrael jgħaddi minn esperjenzi tas-Skiet
ta’ Alla u jokrob: “Erġa’ lura, minħabba
l-qaddejja tiegħek, it-tribujiet li huma wirtek. Mhux li kont iċċarrat is-smewwiet u tinżel
minn hemm!” (Is. 63, 17.19). Din hija Kelma
li toqgħod ħafna tajjeb ma’ dan iż-żmien tal-Avvent li qegħdin nibdew. Hija l-għajta ħerqana ta’ minn mhux aljenat,
ta’ min jaf li l-Ħajja mhix mis-saħħa, lanqas mill-flus, lanqas mis-suċċessi
jew mill-kumditajiet. Din hi l-għajta
ta’ min jixtieq ikollu esperjenza ta’ Alla; li bata’ mis-Skiet tiegħU, li flok
ma kissirlu l-Fidi aktar imlih bil-għatx u l-ġuħ għal dak kollu li hu ta’ Alla. Hieni l-bniedem li għandu ġewwa fih
l-intuwizzjoni li “il-Kollox” jinsab mhux għand id-dinja imma għand Alla u
jista’ jifhem dak li se jgħidilna l-Profeta: “U la widna ma semgħet u la għajn ma rat Alla bħalek, Alla li jħabbrek
għal min jitma’ fih.” (Is. 64, 3).
Bniedem li kien jishar il-ħin kollu għall-mogħdija
tal-Mulej kien is-Salmista. Mhux ta’
b’xejn li l-Knisja, li hi l-Ġemgħa ta’ dawk li jishru, għamlet mis-Salmi
t-Talba uffiċċjali tagħha. Is-Salmi
kollha huma konkreti mmens, imsawrin minn esperjenzi sħan tal-Ħajja, u allura
ta’ Alla. “O Ragħaj ta’ Iżrael, agħti widen!”
(S. 80, 2) jgħid fil-qalba tal-għejja tal-istennija, tas-sahra
tiegħu. “Agħti widen, ismagħni, tibqax
trux għalija, tħallix li nħossni waħdi, iltim!” Għal dan il-bniedem, Alla hu mbiegħed imma
fl-istess ħin hu ħafna qrib tiegħu, kważi jista’ jmissu! “Ħares
mis-sema u ara, u żur lil din id-dielja.”
(S. 80, 15).
Il-Knisja għandha għajta li tgħollija lejn l-Għarus tagħha, Kristu Ġesù:
“Maranatha! Ejja!
Ejja, Mulej Ġesù!”. Ejja waqt
li nkunu nibku. Ejja waqt li nkunu
niżfnu bl-inbid tal-festa. Ejja waqt li
jibda ġej il-mard. Ejja meta l-Mewt
tmissna ħelu ħelu bil-mantar tagħha.
Ejja, Maranatha, fl-aħħar Jum!
Dak li n-Nisrani
jirċievi mingħand Alla, jidher f’għajnejn l-oħrajn. Huwa dan li jżomm il-Knisja ħajja, għax
f’kull ġenerazzjoni hi tati sinjali ta’ mħabba, ta’ għaqda, ta’ maħfra li
d-dinja ma tarahom imkien iktar. Dawn
huma s-sinjali li jiġbdu nies ta’ rieda tajba lejn il-Ġemgħa Mqaddsa. Dawn il-kwalitajiet jirċevihom min jishar
għall-Ispirtu ta’ Kristu rebbieħ fuq il-Mewt.
F’Korintu kien hemm Ġemgħa bħal din.
Ma kinux perfetti, imma Kristu kien jgħammar fihom u kienu jwettqu
l-Opri li kien iwettaq Hu. Pawlu
jgħidilhom: M’intom neqsin minn ebda
don, intom u tistennew id-dehra ta’ Sidna Ġesù Kristu. (1 Kor. 1, 7). Għax min hu
mimli bi Kristu ma jibżax mill-Mewt imma issa qed jistenna li jinfetaħ il-Bieb
biex jidħol quddiem il-Mulej li ġej biex iħaddnu miegħU; u dan ikun
is-sliem. Xi Grazzja l-Fidi!
Żmien l-Avvent hu żmien liturġiku ħafna sabiħ. Ilkoll nittamaw fil-Ferħ, f’li nkunu ħbieb
ma’ kulħadd, f’li nagħtu u nirċievu, f’li nindmu tassew minn dnubietna. Huwa għalhekk li l-Avvent dejjem
jippreżentalna lil Ġwanni l-Għammiedi, il-leħen jgħajjat fid-deżert biex dan
l-istess deżert isir ġnien imsoqqi tajjeb bin-nixxiegħat tal-Grazzja,
tar-rigali b’xejn ta’ Alla, nixxiegħat li jfawru fil-qalb ta’ min iħobb
lill-Mulej. Ejjew naħtfu ċ-ċans ta’ xi
rigal nieżel mis-sema għalina. “Kunu għajnejkom miftuħa, ishru, għax ma
tafux meta se jasal il-waqt.” (Mk. 13, 33). Min jorqod ma jafx x’qed jiġri madwaru. Jgħaddi Alla biex jagħtik li tara
t-tapezzerija ta’ Ħajtek mill-faċċata, u int tibqa’ stordut bil-passatemp li ma
jsalvakx, bil-flus li ma jsalvawkx, bis-suċċessi li ma jsalvawkx, bl-affetti,
bid-dnubiet, bil-vizzji, bl-allat foloz li ma jsalvawkx. Kun minn dawk li Hu se jismagħhom jgħidulu:
“Maranatha! Ejja, Mulej Ġesù!”
Il-Liturġija tal-Kelma tal-lum:
Qari
I
Mhux li kont iċċarrat is-smewwiet u tinżel!
Is 63, 16b-17.19b; 64, 2-7
Qari mill-Ktieb
tal-Profeta Isaija
Int, Mulej, missierna,
ismek il-Feddej tagħna minn dejjem.
Għaliex, Mulej, iġġegħelna nwarrbu minn
triqatek,
u twebbsilna qalbna biex ma nibżgħux minnek?
Erġa’ lura minħabba l-qaddejja tiegħek,
it-tribujiet li huma wirtek.
Mhux li kont iċċarrat is-smewwiet u tinżel minn hemm!
U jitheżżu l-muntanji quddiemek
meta int tagħmel għeġubijiet li ma konniex nistennew,
u sa mill-qedem qatt ma smajna bihom!
Widna qatt ma semgħet,
għajn qatt ma rat Alla bħalek,
Alla li jħabrek għal min jittama fih.
Int tilqa’ lil min jagħmel is-sewwa bil-ferħ,
lil dawk li jiftakru fi triqatek.
Ara! Int kont mgħaddab għalina, u aħna dnibna.
Domna fi dnubna, u kontrik qomna għal ħafna żmien.
Tniġġisna lkoll kemm aħna,
bħal ċarruta maħmuġa l-aħjar għemejjel tagħna;
bħal werqa lkoll dbilna
u ħżunijietna bħal riħ ġarrewna.
Ħadd ma hawn li jsejjaħ ismek,
li jitħarrek biex iżomm miegħek.
Għax int ħbejt wiċċek minna, u rħejtna
f’idejn ħżunijietna.
Madankollu, Mulej, int missierna;
aħna t-tafal, u inti l-fuħħari;
aħna lkoll għemil idejk.
Il-Kelma
tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
Salm Responsorjali
Salm 79 (80), 2aċ.3b.15-16.18-19
R/. (4): Reġġagħna għal li konna, Alla
tal-eżerċti;
itfa’ fuqna d-dija ta’ wiċċek, u nkunu salvi
O Ragħaj ta’ Iżrael, agħti widen,
Int li qiegħed fuq il-kerubini, iddi:
Qajjem il-qawwa tiegħek,
u ejja ħa ssalvana. R/.
Erġa’ ejja, Alla tal-eżerċti;
ħares mis-sema, u ara,
u żur ’il din id-dielja.
Ħu ħsieb dak li ħawlet lemintek,
ir-rimja li int kabbart għalik. R/.
Ħa tkun idek fuq il-bniedem ta’ lemintek,
fuq il-bniedem li int saħħaħt għalik.
Aħna ma nitbegħdux minnek;
roddilna l-ħajja, u aħna nsejħu ismek. R/.
Qari II
Nistennew id-dehra ta’
Sidna Ġesù Kristu.
1 Kor 1, 3-9
Qari
mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin
Ħuti:
Grazzja u sliem mingħand Alla Missierna u l-Mulej Ġesù Kristu!
Jiena
niżżi ħajr dejjem lil Alla tiegħi minħabba fikom għall-grazzja li Alla takom,
lilkom fi Kristu Ġesù; fih intom stagħnejtu f’kollox, f’kull kelma, f’kull
għerf daqs kemm ix-xhieda ta’ Kristu kienet imwettqa fikom.
Għalhekk
m’intom nieqsa minn ebda don, intom u tistennew id-dehra ta’ Sidna Ġesù Kristu.
Huwa hu li jwettaqkom sal-aħħar biex tkunu bla ħtija fil-jum ta’ Sidna Ġesù
Kristu. Alla jżomm kelmtu, minnu kontu msejħin biex tidħlu fix-xirka ta’ Ibnu
Sidna Ġesù Kristu.
Il-Kelma
tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Salm 84 (85), 8
Hallelujah. R/. Hallelujah
Uri lilna, Mulej, it-tjieba tiegħek,
u s-salvazzjoni tiegħek agħtina.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Ishru għax ma tafux meta
jerġa’ jiġi sid id-dar.
Mk 13, 33-37
Qari mill-Evanġelju
skont San Mark
F’dak iż-żmien, Ġesù qal
lid-dixxipli tiegħu: “Kunu għajnejkom miftuħa, ishru, għax ma tafux meta se jasal
il-waqt. Jiġri bħal meta bniedem ikun siefer u telaq mid-dar, iħalli kollox
f’idejn il-qaddejja tiegħu, kull wieħed fuq xogħlu, u lil tal-bieb jordnalu
biex jibqa’ jishar.
Mela ishru, għax ma
tafux meta jiġi Sid id-dar, jekk hux filgħaxija, jew f’nofsillejl, jew xħin
jidden is-serduk, jew inkella mas-sebħ, li ma jmurx jiġi għal għarrieda u
jsibkom reqdin.
U dak li qiegħed ngħid
lilkom, qiegħed ngħidu għal kulħadd: ishru!”.
Il-Kelma
tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek Kristu
|