Din hija il-Liturgija tat-tieni Hadd ta' l-Avvent ( 2020 ) bi hsibijiet min Joe Rapa.
Kull sena, fi Zmien L-Avvent, almenu fl-ewwel
parti tiegħu, tidher tiddomina l-figura unika ta’ Ġwanni l-Battista, il-profeta
li mid-deżert fejn ġie ffurmat fin-nar tat-tiġrib u s-solitudni, jidħol
fil-qalba tal-poplu tiegħu, mgħobbi b’missjoni tqila u serja: li jikkonverti
lil Iżrael. Qablu, Alla kien bagħat
sensiela ta’ Profeti, nies maħruqa minn Nar ġewwieni ta’ ħeġġa għal Alla u
għall-poplu tagħhom, nies li mmarkaw l-Istorja ta’ Iżrael iktar milli mmarkawha
n-nies ta’ setgħa politika, jew dawk li stagħnew u għamlu suċċess materjali
minn ħajjithom. Dawn in-nies ta’ Alla ma
kellhom xejn x’jitilfu, għax ġo fihom kellhom kollox, għana li ħadd ma seta’ jmissulhom
u għalhekk kienu problema għal ħafna, u ta’ faraġ għall-Fdal ta’ Iżrael, dawk
li tassew kienu qed jistennew u jishru għad-dehra ta’ Dak li kien imwiegħed.
Imma Ġwanni kien Profeta partikulari. Kien l-aħħar messaġġier ta’ Alla lil
Iżrael. Kien bħal mara fl-uġigħ tal-ħlas. Hu kien tqil bil-bxara li ġie mibgħut jagħti
u bħal Kristu seta jgħid: “Nar ġejt
inqiegħed fuq l-art, u kemm nixtieq li diġa qabad! Iżda hemm magħmudija li biha għandi
nitgħammed, u x’diqa għandi sa ma dan iseħħ!” Għax Ġwanni
kien jaf li kien se jkun ippersegwitat u li dak li kellu jwassal mhux se jkun
aċċettat minn dawk li kienu qegħdin tajjeb.
U fi żmienu wkoll, bħal fi żmienna, kienet teżisti l-“political
correctness”, jiġifieri ara kif titkellem, tkunx goff, agħmel kompromess, sib
it-triq tan-nofs, ipprova ikkonvinċi bid-diplomazija. Ġwanni ma kienx dan it-tip u kien jaf li ġej
l-għawġ.
Kien l-aħħar messaġġier għax issa mhux Ġwanni biss kien
bħal mara tqila imma anke Iżrael, l-Għarusa ta’ Jahweh, kien waslilha żmienha
biex wara tqala twila sekli, tagħti għad-dinja lil Dak li għaliH u biH inħalaq
kollox. Il-missjoni tal-ġens ta’ Abraham
kienet li jwelled il-Messija, mhux għalih imma għad-dinja. Ġwanni kien “il-Leħen ta’ wieħed jgħajjat fid-deżert” (Mk. 1, 3), kien “il-faraġ tal-poplu li jkellem lill-qalb ta’ Ġerusalemm u jgħidilha li
ntemm il-jasar tagħha. (Is. 40, 1-2), għax il-ħolqien kollu kien f’tensjoni għal Ġrajja li
kellha treġġgħu lura lejn il-bidu, lejn l-oriġini tiegħu, lejn
l-innoċenza.
Dan kollu kien qed iġorru dan l-eremita tad-deżert. Hu kien bħall-Għollieq jaqbad bla ma jinħaraq
li ra Mosè għax kien qed iġorr Kelma li kienet Alla; kien qed iġorr lil Alla
nnifsu, bħalma l-Verġni Marija ġarritu f’ġufha.
Xi grazzja niltaqgħu ma’ Profeta fiż-żminijietna meta l-bniedem li
jfittex lil Alla jħossu mitluf f’labirint ta’ taħwid, ta’ Babel li sikwit
jaħkem lill-Knisja nnifisha. Ninsabu
ngħixu fi żmien ta’ medjokrità ta’ Fidi fejn it-tajjeb sar ħażin u taċ-ċajt,
waqt li d-dnub tajnih ċittadinanza rispettabbli b’ċorma liġijiet li jġennbu
l-kultura Nisranija.
Imma Alla jibqa’ jibgħat il-Profeti tiegħu li jwasslu
kelma ta’ faraġ għal dawk li għandhom widnejn biex jisimgħu. Imma l-ewwel ħaġa li l-Profeta veru jgħidilna
hi li għandna bżonn nikkonvertu, infiequ.
Widnejn ma jisimgħux, għajnejn ma jarawx għandna, aħna lkoll. Għandna widnejn u għajnejn tajbin
għall-ħwejjeġ materjali imma torox u għomja għall-ħwejjeġ tal-Ispirtu li huma
l-ħwejjeġ tal-Ħajja vera. Ġwanni
l-Battista jxandar il-Miġja tal-Ħajja!
Ħafna, malli ssemmilhom lil Alla, jagħmlu pass lura għax jemmnu li Alla
qiegħed hemm biss biex jeħdilhom, ixekkilhom, jillimitahom... dejjem kontra
r-rieda u l-pjanijiet tagħhom. Kemm hi
iebsa l-ħajja tal-Profeta!
Ġeremija, prototip ta’ Ġwanni, darba lil Alla qallu: “Ma
nxandarx iktar!” Imma hu stess jgħid: “F’qalbi
hemm bħal nar jaqbad magħluq f’għadmi.
Għejjejt inżommu magħluq ġo fija.”
(Ġer. 20, 9). Għax Alla
jħobbu lill-midneb u jrid jurih li l-ħajja li qed jgħix mhix Ħajja, li hu possibbli li l-ilma
li għandu, bla togħma, jiġi mibdul f’inbid tal-festa, f’inbid tal-Ħajja
vera. Alla dejjem jagħti, jagħti,
jagħti... u l-Profeta hawn jasal dejjem: li jxandar li Alla sar Ħaruf
għall-midneb; Ħaruf li jinqatel biex il-lupu jgħix! X’għaġeb; x’meravilja.
Ġwanni deher biex ixandar il-Wasla tal-Ħaruf, it-tqaċċit
ta’ għerq il-ħażen u l-egoiżmu minn qalb il-bniedem. Bil-mewt tiegħu, il-Ħaruf jixtri l-Ħajja vera
għal-lupu! Din l-Aħbar twieldet f’għar
tal-annimali ġewwa belt ta’ Iżrael. Min se
jismagħha din l-Aħbar? Min se jaraha din
il-Ġrajja? Min għandu widnejh u għajnejh
imfejqa minn Alla permezz tal-konverżjoni.
Li wieħed jikkonverti jfisser li jagħraf lilu nnifsu. Jinduna li hu mhux dak li kien jaħseb li hu
imma xi ħadd ieħor. Ġwanni ġie
jippriedka din l-indiema.
Din mhix indiema xogħol il-bniedem. Il-marid ma jfejjaqx lilu nnifsu, lanqas ma
jista’ l-mejjet iqajjem lilu nnifsu.
Erfa’ għajnejk u stenna ħwejjeġ kbar mingħand il-Mulej li jħobbok hekk
kif int, imma jrid jerfgħek mix-xejn li int issejjaħlu “ħajja”. Il-konverżjoni li jħabbar il-Profeta hi
GRAZZJA. Din hi kelma li neżżgħajniha
mill-qawwa tagħha. Ġej il-Mulej imlibbes
bil-kobor biex iwettaq dak li d-dinja ilha tixtieq u tivvinta u tiġri biex
issib fi ħwejjeġ oħra. Kemm ġiri wara
r-riħ!
Ġwanni kien sinjal ta’ faraġ għal poplu li kien ilu
jistenna li Alla jikser is-skiet tiegħU.
Leħen jgħajjat: “Ħejju t-triq
għall-Mulej fid-deżert, wittu għal Alla tagħna mogħdija fix-xagħri... U tfiġġ
il-glorja tal-Mulej u l-bnedmin jarawha kollha f’daqqa, għax fomm il-Mulej
tkellem.” (Is. 40, 3w). Hu ħafna probabbli li anke int li qed
taqra dawn il-versi, u jien miegħek, ninsabu għaddejjin minn nixfa
spiritwali. din il-pandemija hija ħofra
ta’ dippressjoni li kienet qegħda tistenniena fit-triq tal-Ħajja tagħna. Se jkun il-vaċċin il-faraġ li għandna
bżonn? Jew, bħalma qed ibassru xi wħud,
il-Covid-19 hu biss il-“prekursur” (sic!) ta’ pandemiiji oħra li għad jitnisslu
minn natura li ilha l-vittma ta’ vjolenza ambjentali minn bniedem miklub
għall-flus?
Il-Mulej jaf li għandna bżonn il-faraġ tal-Kelma ħallieqa
tiegħU, li toħloq poplu ġdid għall-Mulej.
Hemm bżonn tinbidel il-qalb. Għax
aħna lkoll tlaqna lilu, l-għajn tal-ilma
ġieri, biex ħaffirna bjar għalina, bjar miksura li ma jżommux ilma. (Ġer. 2, 13).
Mejtin bil-għatx morna nfittxu l-ilma tal-Ħajja u ma sibniex. Għandna bżonn nikkonvertu, u ma nimlewx rasna
bil-“Quddiesa tal-Ħadd” għax anke Iżrael inganna ruħu bit-Tempju, u mhux darba
u tnejn Alla nnifsu ħalla li dan jiġi meqrud.
Iżda t-tweġiba ta’ Alla għad-dnub u l-ġiri wara r-riħ
tagħna dejem hi ħniena fehma (“understanding”), mogħdrija. Hu jerħi lil Ibnu f’idejna biex noqtluH, iżda
Hu jdawwar id-dnub tagħna fi Grazzja u l-mewt ta’ Ibnu dejjem tiftaħ għarar ta’
konverżjoni, indiema, tiġdid ritorn lura.
“Xi ħtija hienja”, tkanta
l-Knisja, “li stħaqqilha Feddej kbir bħal
dan! Xi ħtija hienja!” (mill-Prekonju Paskwali).
Il-Liturġija tal-Kelma tal-lum:
Qari
I
Ħejju t-triq għall-Mulej.
Is 40, 1-5.9-11
Qari mill-Ktieb tal-Profeta
Isaija
“Farrġu, farrġu l-poplu tiegħi
– jgħid Alla tagħkom.
Kellmu lil qalb Ġerusalemm u għidulha
li ntemm il-jasar tagħha,
tħallset ħżunitha,
ħadet mingħand il-Mulej
darbtejn għal dnubietha kollha”.
Leħen jgħajjat:
“Ħejju t-triq għall-Mulej fid-deżert,
wittu għal Alla tagħna mogħdija fix-xagħri.
Jintradam kull wied,
u jitniżżlu l-muntanji u l-għoljiet;
kull art imħattba titwitta,
kull art imħarbta ssir maqgħad.
U tfiġġ il-glorja tal-Mulej,
u l-bnedmin jarawha lkoll f’daqqa,
għax fomm il-Mulej tkellem”.
Itla’ fuq il-muntanja għolja,
int li ġġib il-bxara t-tajba lil Sijon;
għolli leħnek bil-qawwa kollha,
int li tagħti l-aħbar it-tajba lil Ġerusalemm;
għajjat, la tibżax.
Għid lill-ibliet ta’ Ġuda:
“Hawn hu Alla tagħkom!
Hawn hu Sidi l-Mulej, li ġej bil-qawwa,
u jaħkem bil-qawwa ta’ driegħu.
Hawn hu bi ħlasu miegħu,
u r-rebħa tiegħu quddiemu.
Bħal ragħaj li jirgħa l-merħla tiegħu;
bi driegħu jiġmagħha,
u l-ħrief fi ħdanu jerfagħhom;
u n-nagħaġ ireddgħu bil-mod imexxihom”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 84 (85), 8-9ab.10-14
R/. (8): Uri lilna, Mulej, it-tjieba tiegħek,
u s-salvazzjoni tiegħek agħtina
Ħa nisma’ xi jgħid Alla;
il-Mulej is-sliem ixandar,
għall-poplu u l-ħbieb tiegħu.
Qrib hi tassew is-salvazzjoni tiegħu
għal dawk li jibżgħu minnu,
biex jgħammar is-sebħ f’artna. R/.
It-tjieba u l-fedeltà jiltaqgħu,
il-ġustizzja u s-sliem jitbewsu.
Il-fedeltà mill-art tinbet,
u l-ġustizzja mis-sema tixref. R/.
Il-Mulej ukoll jagħti l-ġid tiegħu,
u artna tagħti l-frott tagħha.
Il-ġustizzja quddiemu timxi,
u s-sliem fuq il-passi tiegħu. R/.
Qari II
Nistennew li jiġu
smewwiet ġodda u art ġdida.
2 Piet 3, 8-14
Qari
mit-Tieni Ittra ta’ San Pietru Appostlu
Ħuti
għeżież, dan għandkom tkunu tafu: li quddiem il-Mulej jum wieħed hu bħal elf
sena, u elf sena bħal jum wieħed. Mhux għax jiddawwar il-Mulej li jtemm
il-wegħdiet tiegħu, kif jaħsbu xi wħud, imma qiegħed jistabar bikom għax ma
jridx li xi ħadd jintilef, imma, li kulħadd jersaq għall-indiema.
Jasal,
tabilħaqq, Jum il-Mulej bħal ħalliel; jintemmu mbagħad is-smewwiet bi ħsejjes
kbar, jinħallu bin-nar l-elementi tad-dinja, u l-art b’kull ma fiha tkun
maħruqa min-nar.
Ladarba
hekk kollox għandu jintemm, araw daqsxejn kif għandkom iġġibu ruħkom, kemm
għandha tkun qaddisa u tajba ħajjitkom, waqt li tistennew b’ħerqa kbira l-miġja
tal-Jum ta’ Alla. Hu minħabba f’dan il-Jum li s-smewwiet jinħarqu u jinħallu, u
l-elementi tad-dinja jinqerdu bin-nar. Imma aħna, skont il-wegħda tiegħu,
nistennew smewwiet ġodda u art ġdida, li fihom tgħammar il-ġustizzja.
Għalhekk,
ħuti għeżież, waqt li nistennew dan kollu, qisu li jsibkom fis-sliem, bla
tebgħa u bla dnub.
Il-Kelma
tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Lq 3, 4.6
Hallelujah. R/. Hallelujah
Ħejju t-triq tal-Mulej,
iddrittaw il-mogħdijiet tiegħu:
u l-bnedmin kollha jaraw is-salvazzjoni ta’ Alla.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Ħejju t-triq tal-Mulej, iddrittaw il-mogħdijiet tiegħu.
Mk 1,1-8
Bidu tal-Evanġelju skont
San Mark
Il-bidu
tal-Evanġelju ta’ Ġesù Kristu, l-Iben ta’ Alla. Bħalma hu miktub fil-ktieb ta’
Isaija l-profeta: “Ara, jien nibgħat qablek il-ħabbar tiegħi biex iħejji
triqtek. Leħen ta’ wieħed jgħajjat fid-deżert: Ħejju t-triq tal-Mulej,
iddrittaw il-mogħdijiet tiegħu”.
Hekk
Ġwanni deher jgħammed fid-deżert u jxandar magħmudija ta’ ndiema għall-maħfra tad-dnubiet.
U kienet tmur għandu l-Lhudija kollha u n-nies kollha ta’ Ġerusalemm,
jitgħammdu minnu fix-xmara Ġordan waqt li jistqarru dnubiethom.
Ġwanni
kien jilbes libsa tax-xagħar tal-ġemel, bi ħżiem tal-ġild madwar qaddu, u kien
jiekol ġradijiet u għasel selvaġġ. U kien ixandar u jgħid: “Ġej warajja min hu
aqwa minni, li jien ma jistħoqqlix nitbaxxa quddiemu u nħoll il-qfieli tal-qorq
tiegħu. Jien għammidtkom bl-ilma, iżda huwa jgħammidtkom bl-Ispirtu s-Santu”.
Il-Kelma
tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu
|