Saturday, 10 April 2021
           
Home
IR-RABA’ HADD TAL-AVVENT (2020) IL-PATT TA’ ALLA U T-TWEGIBA TAL-BNIEDEM PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 19 December 2020

Din hija il-Liturgija tar-Raba' Hadd ta' l-Avvent ( 2020 ) bi hsibijiet min Joe Rapa.

re_david.jpg

 

Jista’ jkun li ftit huma dawk li jaħsbu fuq il-fatt enormi li l-Milied ixandar u jiċċelebra Patt kbir li Alla jagħmel mal-bniedem.  Mill-bidu tal-Istorja, Alla jwiegħed li kienet se sseħħ Ġrajja li madwarha ddur l-esperjenza kollha tal-umanità.  Lill-bniedem imjassar minn natura li tħassret bis-suspett tal-Ġnien tal-Għeden, Hu jwegħedu Salvatur li b’xi mod misterjuż kellu jqaċċat il-ktajjen tal-jasar, ifejjaq il-ġrieħi tal-ġdiem, jaqta’ l-għatx għall-ħelsien, jisfronda l-bibien taċ-ċella li ssakkar kull bniedem fih innifsu u joħloq mill-ġdid umanità b’natura divina li tissupera l-Mewt. 

 

Mill-bidu nett tal-esperjenza tad-dnub, il-Mewt bdiet iddallam il-Ħajja tal-bniedem.  X’ġiegħel lill-bniedem jidneb?  Emmen il-katekeżi tax-xitan li għawwieh li Alla kien rival tiegħu.  Nessieħ li kien Alla li ħalqu, imma mlielu moħħu bil-ħsieb li Alla kien ċaħħdu minn kollox għax ma ridux ikun bħalu imma dejjem taħtu.  “Tassew li Alla qalilkom: ‘La tiklux mis-siġar kollha tal-ġnien?’”  (Ġen. 3, 1).  Dan mhux żball tafux.  Għax tassew li dan iseħħ fil-bniedem imwaqqa’ għax jitlef il-kuntentizza b’tant “siġar” li Alla tah biex igawdihom.  Tant grazzji.  Tant rigali f’Ħajjitna.  X’nibqgħu naraw? Is-Salib li jġagħalna ngergru u jnissina kollox.  Ekku l-għerf ta’ satana: “Tassew li Alla qalilkom: ‘La tiklux mis-siġar kollha tal-ġnien?’”.

 

Il-bniedem tilef il-paċi ta’ qalbu u sar “annimal” dejjem irid; iduq siġra, iduq oħra, imbagħad oħra u ma jista’ jxebba l-vojt tiegħu b’xejn. It-tweġiba ta’ Alla għall-ingratitudni tal-ħlejqa tiegħu kien li hu jwiegħed l-akbar Għotja tiegħu innifsu li seta’ joffri fl-Imħabba tiegħu għall-bniedem: l-Għotja mmensa tiegħu innifsu f’Ibnu, li sa minn qabel il-Ħolqien kien fassal li għandu jkun il-Ħaruf meħud għall-qatla biex bil-mewt tiegħu jagħti lura l-Ħajja ta’ Dejjem li Adam kien tilef.  F’dan il-waqt tat-telfa l-kbira, tidwi l-Wegħda ta’ Alla: “U jien inqajjem mibegħda bejnek u bejn il-mara, bejn nislek u nisilha, u hu jagħmel għal rasek u int tagħmel għal għarqubu.”  (Ġen. 3, 15).

 

Mill-ewwel paġna tal-Iskrittura jidher Alla li jagħmel Patt mal-bniedem.  Kienet sitwazzjoni tassew traġika għax il-bniedem kien tilef kollox fuq livell tassew konkret u eżistenzjali. Id-dnub qatt  mhu teorija jew xi ħaġa li wieħed jista’ jkollu opinjoni dwarha.  Il-frott tad-dnub hu dejjem il-Mewt, u l-biża’ li din iġġib.  Din hi l-ikbar problema li għandu l-bniedem: il-biża’ tal-Mewt, mhux biss fiżika imma wkoll ontika, psikoloġika.  Issa l-bniedem beda jħossu mhedded, għax tassew li s-suspett li żeragħlu l-għadu f’moħħu mhux la kemm iħassru.  L-ewwel effett kien li beda jibża’ minn Alla, jiġifieri ma jafdaHx.  Is-serp li tħabbeb miegħu issa kien telaq.  L-innoċenza li kellu tilifha għax issa sar jaf li ħaġa tista’ tkun tajba u oħra ħażina, u nduna li l-ħażen kellu setgħa fuqu iktar mis-sewwa.  Ra lilu nnifsu għarwien u staħa minnu nnifsu u mill-Qdusija ta’ Alla u nħeba minn Dak li qabel kien jitlajja miegħu.  “Fejn int?”  (Ġen) jistaqsih Alla.  Kien tassew tbiegħed minn Alla u minn dik il-ħlejqa innoċenti li kien qabel, li ma kinitx taf li kien jeżisti t-tajjeb u l-ħażin.

 

Ilkoll nafu x’jiġrilna meta nħossuna mhedda.  In-natura tagħna tiddefendi ruħha għax issa hemm il-Mewt, kemm fiżika, imma anke dik psikoloġika.  B’kelma, ħaddieħor jista’ joqtlok.  Ngħixu f’din it-tensjoni li writtna minn Adam: dejjem bil-ponnijiet merfugħa għal li jista’ jkun.  Kif jista’ jkollna l-Paċi?  Kif jista’ jkun hawn is-Sliem bejn il-ġnus?  Il-biża’ u s-suspett inissel l-egoiżmu.  Kull maħluq beda jiġbed lejh u anke l-iktar bniedem ġeneruż, jasal waqt meta, minħabba l-biża’ li jduq il-Mewt, nerġa’ nirrepeti, mhux biss dik fiżika imma wkoll dik psikoloġika ta’ dwejjaq, ta’ daqqa ta’ ħarta fl-unur tiegħek, ta’ inġustizzja, ta’ xi tradiment li ħalliek b’ħalqek miftuħ...  meta jasal dan il-waqt, anke bniedem minnu nnifsu ġeneruż, jaħseb kif se jdabbar rasu hu l-ewwel.  Adam li nnamra ma’ martu mal-ewwel daqqa t’għajn, “Din id-darba din hi għadma minn għadmi, u laħam minn laħmi”  (Ġen. 2, 23), iwaħħal fiha, u ndirettament anke f’Alla (!), meta qal: “Il-mara li inti tajtni għal miegħi, hi tatni mis-siġra, u jiena kilt.”  (Ġen. 3, 12)  Ekku l-katina ta’ jasar li dar madwar il-bniedem bid-dnub.  Satana issa sar sid dak li qabel kien ta’ Alla.  Hu jdur madwaru biex iġagħlu jidneb, joqtol, jisraq, jiżni.  Lil Kajjin, Alla jgidlu:  “Id-dnub bħal xitan jissajja wara biebek.” (Ġen. 4, 7).  Imma issa n-natura tal-bniedem kienet mibjugħa b’ilsira lill-ħażin li kellu l-frosta f’idu, u Abel jinqatel minn ħuh.  Bdiet in-niżla tal-bniedem lejn l-infern.

 

Imma ikbar minn dan kollu hija l-Imħabba ta’ Alla lejn l-għadu tiegħu.  Ħaġa waħda hemm tissupera l-Mewt li hi bint id-dnub u ommu wkoll fl-istess ħin, u din hi l-Imħabba ta’ Alla li tmur lil hemm mid-dnub tal-bniedem u hi aqwa mill-Mewt li tbeżżgħu.  Il-bniedem ma  jistax isalva lilu nnifsu.  Ma jistax jikser iċ-ċirku li bih hu mdawwar.  Allura, jħares lejn Alla b’ħarsa ta’ skjav li m’għandux biex jixtri lilu nnifsu, u jittama fil-Patt, fil-Wegħda li ġie mwiegħed.  Li l-bniedem jittama f’Alla hi d-Dawl inemnem fid-dlam tiegħu li satana ma rnexxilux jitfilu.  Anke fil-bir tal-ikbar dnub, Kajjin iħares lejn Alla u jittama li Alla jgħinu għax ma setax jiflaħ il-konsegwenzi ta’ dnubu, u ma baqax bla ħniena għax Alla jagħmillu marka fuq moħħu biex min jaraha ma joqtlux għax jiftakar  li Alla ma jridx li jseħħ dan.  Alla sar id-difensur ta’ Kajjin!  Kemm drabi, meta nkunu daharna mal-ħajt u kollox jidher mitluf, u b’rabja f’qalbna kontra l-Istorja li nkunu għaddejjin minnha, imma  anke hemm, fil-qiegħ nett, jibqa’ tama f’Alla.  Bħalma jgħid is-Salm: “Minn qiegħ l-art insejjaħlek, Mulej: isma’, Sidi, il-leħen tiegħi!  Ħa jkunu widnejk miftuħa, jiena u nitolbok bil-ħniena.”  (S. 130, 1-2). 

 

Issa dan l-argumentar, li hu dak li minn dejjem il-Knisja emmnet fih u li xandritu kull meta ħabbret l-Aħbar Enormi ta’ Kristu li jeħles lill-bniedem, dawn il-kummenti fuq il-qagħda tal-bniedem bla Alla hu ħafna kkritikat min-nies li għalihom il-bniedem huwa Alla.  Jgħidulek li din hi viżjoni tal-bniedem ferm negattiva.  Li mhux veru li l-bniedem jinsab f’qagħda fejn Alla biss jista’ jeħilsu u hu mhu kapaċi jagħmel xejn biex jifdi lilu nnifsu.  Jgħidulek li l-bniedem, bl-għerf li bena hu għalih innifsu, qed jirbaħ problema wara oħra u għad jasal biex ikun tassew bħall-allat.  Din hi l-ereżija li ilha dieħla f’moħħ il-bniedem minn żmien it-Torri ta’ Babel u laħqet l-aqwa tagħha mir-Rivoluzzjoni Franċiża ’l hawn. Anke fost il-poplu, bla ma l-poplu jinduna, tidħol ideja li tkun bejtet f’moħħ erba’ għorrief tad-dinja.  Imma ħarsa waħda lejn l-Istorja moderna turina li l-bniedem tal-lum mhux differenti minn Adam, minn Kajjin, minn Erodi.  Hija ċ-ċiviltà moderna li tatna lil Hitler, lil Stalin, u oħrajn ukoll.

 

Alla għażel lil Iżrael biex ikun il-fdal tal-ġnus, il-ftit nies li jibqgħu jiftakru fil-Wegħda mkebba f’misteru li Alla kien għamel lill-ewwel bnedmin.  Alla mhux dilettant tal-masses u jagħraf l-ingann tal-folol, bħalma ssuspetta fil-folol Kristu.  Iżrael kien l-iżgħar fost il-ġnus, imma baqa’ jiftakar u jgħaddi lil uliedu l-ħolma li għad jidher bniedem li jissupera l-patrijarki, il-profeti u n-nies ġusti kollha.  Fil-milja taż-żmien kellu jidher.  Kien hemm proċess ta’ maturità.  Alla mexa mal-bniedem u beda jagħtih tixbihat ta’ din il-Wegħda li komplew jittamaw lill-bniedem.  Lil Noe tah id-dehra tal-qawsalla li wegħditu li d-dinja qatt ma kienet se terġa’ tinqered mill-għarar.  Lil Abraham wegħdu tifel, imma meta ġie Iżakk Abraham induna li l-Wegħda kienet ferm akbar minn hekk.  Kemm il-Qawsalla kif ukoll Iżakk kienu xbieha ta’ Xi Ħadd ferm akbar.  Iżrael sema’ l-Wegħda tal-ħelsien mill-Eġittu u l-kisba tal-Art Imwegħda, imma meta dawn seħħu, beda jinduna li l-ħelsien mhux xi ħaġa materjali imma jinbet mill-ispirtu tal-bniedem, u allura baqa’ jittama f’wirja oħra ta’ Alla.

 

L-Ewwel Qari

 

F’dan l-ewwel qari, lil David Alla jwegħdu li fost it-taqlib politiku ta’ żmienu, u ta’ kull żmien, Hu kien se jħarislu lil razztu għal dejjem.  David ħaseb li ibnu u iben ibnu u l-bqija tad-dixxendenża tiegħu kellhom jibqgħu isaltnu għal dejjem, imma ferm u ferm ikbar kien dan it-tiġdid tal-Wegħda.  Minn demmu kellu jitnissel l-Imwiegħed, li l-profeti bdew isejħulu “il-Messija”.  U meta ġie, Iżrael laqgħu ġo stalla. 

 

Salm Responsorjali

 

Għandu jkollna rispett enormi lejn il-Poplu Lhudi, jekk almenu napprezzaw lil Kristu f’ħajjitna!  Għax dan il-poplu hu ħaġa tal-għaġeb fl-Istorja tal-umanità.  Hu miraklu kif, waġdu u mdawwar bi ġnus pagani, baqa’ jemmen, baqa’ jittama baqa’ jistenna, jistenna, jistenna d-dehra  tal-Miġja ta’ tarbija u t-twettiq tal-Patt il-Kbir, il-Patt il-Ġdid li kellu jeħles lill-bniedem mill-jasar li jaħkmu, mhux politikament, imma fil-profond ta’ qalbu.  Wieħed jista’ jitkellem fit-tul dwar dan il-ħelsien, dan it-tip ta’ ħelsien.  Mara vjolentata f’darha stess, hemm fejn hi stenniet li se ssib il-bejta tal-Imħabba, anke mara msejkna bħal din kapaċi tkun ħielsa b’ħelsien li min iġarrbu biss jista’ jkun jaf x’inhu.  Id-dinja tal-lum... kemm hi mqarrqa fuq dan il-ħelsien!  Mamma mia kemm taħwid, kemm liġijiet, kemm gruppi ta’ lobbying kollha jitqabdu għad-drittijiet tal-bniedem u l-bniedem jispiċċa dejjem agħar milli kien.  Ilkoll kemm aħna ngannati fuq dan.  Ilkoll naħsbu li jekk  ikollna iktar flus, jekk ikolli ġob aħjar, jekk ngħaddi mill-eżamijiet, jekk inkun iktar b’saħħti, jekk nibni dar villa, jekk nixtri karozza babaw, jekk..., jekk..., jekk... .  Hu  veru li kollox hu sabiħ, imma mhux veru li l-problema tagħna  hi materjali.  Il-problema tal-bniedem hi li għandu bżonn lil Alla li jfejjaqlu qalbu mill-ġrieħi li twieled bihom jew li nġabru maż-żmien.  Il-ħelsien tal-bniedem jinsab fl-ispirtu tiegħu.  Huwa fatt li l-aktar pajjiżi affluwenti u sinjuri huma l-aktar li għandhom statistika għolja ta’ suwiċidji... u l-aktar li tilfu l-Fidi u poġġew lill-“bniedem” flok Alla.

 

Salm 89 ixandar it-tifħir ta’ bniedem sempliċi, mhux ikkumplikat, li jara f’dak li jiġrilu l-id ta’ Alla li jħobbu.  “Minn nisel għal nisel b’fommi nxandar il-fedeltà tiegħek.”  (S. 89, 1).  Alla għamel Patt magħna fi Kristu.  Alla hu fidil.  Hu jżomm Kelmtu.  Lil min hu għaddej minn wied mudlam u mhu jara l-ebda ħruġ mill-problemi tiegħu, ngħidlu: “Kuraġġ!  Ġid kbir hemm lest għalik għax Alla qiegħed jgħallmek temmen fiH permezz ta’ din l-Istorja li qed tgħix.”  Alla hu fidil.  B’risposta għad-dubji u s-suspetti li għandek bħallissa, li aħna lkoll ikollna f’mumenti koroh, b’risposta għal dan kollu, għidlu: “Jien insejjaħlek: Missieri int, Alla tiegħi u blata tas-salvazzjoni tiegħi!”  (S. 89, 27).  U stenna fis-skiet ir-risposta tiegħu, konkreta.  Hu jgħaddina mill-għawġ mhux  biex iħallina hemm imma biex jgħallimna nemmnu.  Għax kbir hu t-tiġrib għall-Fidi li hawn fid-dinja.

 

It-Tieni Qari

 

San Pawl jitkellem fuq il-Misteru ta’ Kristu, Misteru li kien ilu moħbi sa mill-eternità tad-dinja.  Kristu hu l-Imħabba ta’ Alla li tinagħta.  Lil min tinagħta?  Alla ħalaq il-ħolqien biex Hu li hu Mħabba jkollu għal min jinagħta u hekk l-Imħabba ssib il-milja tagħha.  Għax l-Imħabba titgħaxxaq biss billi tinagħta, tisna lilha nnifisha u tagħti kollox għall-ieħor, anke jekk l-ieħor ma jifhimiex imma jiġġudikaha. 

 

Imma dak li għamel Kristu għalina hu Misteru għax għalkemm ġa seħħ storikament elfejn sena ilu, hemm bosta li għadhom bla Kristu fil-Ħajja tagħhom.  Għad dawn Kristu qisu għadu ma mietx u għadu ma rebaħx il-Mewt.  Tant nies, il-maġġoranza l-kbira jkolli ngħid, għadhom jitħabtu, jistinkaw, ixxerrdu l-għaraq fi ħwejjeġ tad-dinja għax jaħsbu li huma waħedhom, li huma jridu jkunu biex jasbu għalihom infushom.  Solitudni totali.  Ma jistennew xejn mingħand Alla.  Mimlijin bihom infushom għax kulma għandhom, jemmnu, li hu xogħol idejhom biss.  U bla ma jafu jkunu qed jitgħabbew b’responsabilità enormi.

 

Il-Misteru ta’ Kristu tarbija f’għar, imdendel ma’ salib, midfun, u miexi rebbieħ bil-blata tal-qabar maqluba, dan kollu jseħħ mhux elfejn sena ilu imma issa meta wieħed jirċievi l-Grazzja tat-twemmin.  Huwa meta nemmnu li Kristu jkun miet u qam mill-Mewt għalina, huwa f’dak il-ħin li l-Misteru ta’ Kristu  iseħħ b’risq tagħna.  Għalhekk, ħafna għadhom qed jistennew il-Messija fid-dlam tagħhom għax mingħajr il-Fidi, Kristu qisu qatt ma ġie u l-Wegħda ma sseħħx.

 

Għalhekk joqgħod tajjeb il-kliem ta’ innu antik Ingliż għal dan iż-żmien: “Ejja, ejja, Għimanuel!  Ejja ifdi lil Iżrael l-ilsir, li ilu meħud ’il bogħod mill-Wiċċ tal-Iben għażiż ta’ Alla.  Ejja, int il-Fergħa ta’ Ġessi biex taħtaf il-priża minn dwiefer l-iljun, u mid-dlam li jbeżża’ tal-qabar, mill-abbiss salva l-poplu tiegħek.  Ejja, ejja, int żerniq il-jum kollu dawl!  Imla lil qalbna b’dawlek li jfejjaq.  Ħarrab il-lejl tant twil, id-dalma li xejn ma jista’ għaliha.  Oh ejja Mulej biex tiftaħ beraħ bieb l-għeluq tagħna u ddawwal tas-sema t-triq waqt li timbarra n-niżla lejn post l-imwiet.  Maranatha!  Ejja Mulej Ġesù!

 

Evanġelju

 

Alla wiegħed li jwettaq dan kollu fil-Patt li hu mxennaq jagħmel magħna.  Imma x’se tkun it-tweġiba tagħna?  Għax aħna ħielsa li d-deċiżjoni finali tkun tagħna.  Alla hu Mħabba u ma riedx joħloq bniedem li jobdi bil-fors, jew magna bħal xi robot.  Hu ħalaq lill-bniedem b’rispett enormi, imżejjen b’qalb li tista’ tagħżel li tħobb lil Alla jew le.  Il-Mulej kien jaf li kien qed jirriskja mmens hawn.  Anzi, nistgħu ngħidu minn qabel li kellu jasal il-Jum meta din il-ħlejqa kellha tiċħdU, kellha taħseb ħażin fiH, kellha ddendlu b’imsiemer ma’ salib!  Kien jaf li anke wara dan kollu, kotra ta’ nies ma temminx li Hu Mħabba.  Kulħadd ħieles fl-għażla tiegħu. 

 

L-Imħabba għamlet lil Alla dgħajjef.  Il-Patt swielu tant tbatija, imma l-akbar tbatija hija ċ-ċaħda tal-avanzi li Hu jagħmel biex jirbaħ lil qalbi u lil qalbek.  Hu ma jridx l-“Iva” ta’ bilfors, imma jrid mingħandna l-“Iva” safja ta’ Marija kif se naraw fil-Vanġelu tal-lum.  Imbagħad qalet Marija: Hawn jien il-qaddejja tal-Mulej; ħa jsir minni skont kelmtek.”  (Lq. 1, 38).

 

Il-Liturġija tal-Kelma tal-lum:

 

Qari I

It-tron tiegħek jibqa’ sħiħ għal dejjem.

2 Sam 7, 1-5.8b-12.14a.16

 

Qari mit-Tieni Ktieb ta’ Samwel

 

Meta s-Sultan David mar joqgħod f’daru, u l-Mulej serrħu mill-għedewwa kollha ta’ madwaru, is-sultan qal lil Natan il-profeta: “Issa, ara jien qiegħed f’dar taċ-ċedru, u l-arka ta’ Alla qiegħda f’nofs ta’ tinda!”.

 

U qal Natan lis-sultan: “Kull ma għandek fi ħsiebek li tagħmel, mur agħmlu, għax il-Mulej miegħek”. Imma dak il-lejl stess ġiet il-kelma tal-Mulej lil Natan u qallu: Mur għid lill-qaddej tiegħi David: Dan jgħid il-Mulej: Se tibnili int dar biex noqgħod fiha? Ara, jiena ħadtek mill-mergħat minn wara l-imrieħel biex tkun prinċep fuq il-poplu tiegħi Iżrael. Dejjem kont miegħek f’kull ma kont tidħol għalih; u meta int qridt l-għedewwa tiegħek kollha minn quddiemek. Issa jiena nibnilek isem kbir jixbah l-ismijiet il-kbar li hawn fid-dinja. Nagħmel post għall-poplu tiegħi Iżrael, u nqiegħdu hemm fejn jgħammar bla biża’, u ma jgħakksuhx iżjed il-ħżiena bħalma għamlu sa minn dejjem, jiġifieri sa minn meta qajjimt l-imħallfin fuq il-poplu tiegħi Iżrael; u nserrħek mill-għedewwa tiegħek kollha. Lilek imbagħad il-Mulej jagħtik kelma li jibnilek dar. U meta inti ttemm żmienek, u tkun striħajt ma’ missirijietek, jiena nqajjem nislek warajk, nisel ħiereġ mill-ġewwieni tiegħek, u nsaħħaħ is-saltna tiegħu. Jiena nkun għalih missier, u hu jkun għalija iben. Il-familja tiegħek u s-saltna tiegħek jibqgħu sħaħ għal dejjem quddiemi. It-tron tiegħek jibqa’ sħiħ għal dejjem.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 89 (89), 2-5.27.29

 

R/. (2): It-tjieba tal-Mulej irrid dejjem ngħanni

 

F’kull żmien ixandar fommi l-fedeltà tiegħek.

Għax jien għedt:

“Tjubitek tibqa’ sħiħa għal dejjem;

bħas-smewwiet int wettaqt il-fedeltà tiegħek”. R/.

 

Għamilt patt mal-magħżul tiegħi,

ħlift lil David, il-qaddej tiegħi:

Jien nagħmel li nislek jibqa’ għal dejjem,

li f’kull żmien jibqa’ sħiħ it-tron tiegħek”. R/.

 

Hu jsejjaħli: Int missieri

u Alla tiegħi, fortizza u salvazzjoni tiegħi!’.

It-tjieba tiegħi nżommha fuqu għal dejjem,

u l-patt tiegħi miegħu jibqa’ sħiħ”. R/.

 

Qari II

Il-misteru li kien moħbi fis-skiet tal-eternità issa ġie rrivelat.

Rum16, 25-27

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani

 

Ħuti, lil Alla li għandu l-qawwa

li jwettaqkom fl-Evanġelju li nħabbar jien,

jien u nxandar lil Ġesù Kristu,

skont ir-rivelazzjoni tal-misteru

li kien moħbi fis-skiet tal-eternità;

lil dan li Alla issa rrivelalna dan il-misteru,

u għarrfu lill-ġnus bil-kitba tal-Profeti,

skont l-ordni tiegħu, Alla ta’ dejjem,

biex iwassalhom għall-ubbidjenza tal-fidi;

lil dan Alla, waħdu fl-għerf, il-glorja għal dejjem ta’ dejjem

b’Ġesù Kristu. Ammen.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Lq 1, 38

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Ara, jiena l-qaddejja tal-Mulej:

ħa jsir minni skont kelmtek!

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Int se tnissel fi ħdanek u jkollok iben.

Lq 1, 26-38

 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

 

F’dak iż-żmien, Alla bagħat l-anġlu Gabrijel f’belt tal-Galilija, jisimha Nazaret, għand xebba, mgħarrsa ma’ raġel jismu Ġużeppi mid-dar ta’ David. Dix-xebba kien jisimha Marija. L-anġlu daħal għandha u qalilha: “Sliem għalik, mimlija bil-grazzja, il-Mulej miegħek”.

 

Hi tħawdet ħafna għal dan il-kliem, u bdiet taħseb bejnha u bejn ruħha x’setgħet qatt tfisser din it-tislima. Iżda l-anġlu qalilha: “Tibżax, Marija, għax int sibt grazzja quddiem Alla. Ara, int se tnissel fil-ġuf u jkollok iben u ssemmih Ġesù. Hu jkun kbir, u jkun jissejjaħ Bin l-Għoli. Il-Mulej Alla jagħtih it-tron ta’ David missieru, u jsaltan għal dejjem fuq dar Ġakobb, u ma jkunx hemm tmiem għas-saltna tiegħu”.

 

Iżda Marija qalet lill-anġlu: “Kif ikun dan, ladarba ma nagħrafx raġel?”. Wieġeb l-anġlu u qalilha: “L-Ispirtu s-Santu jiġi fuqek, u l-qawwa tal-Għoli tixħet id-dell tagħha fuqek. U għalhekk dak li jitwieled minnek ikun qaddis, u jissejjaħ Bin Alla. Ara, l-qariba tiegħek Eliżabetta, fi xjuħitha, hi wkoll nisslet iben fil-ġuf, u ġa għandha sitt xhur dik li għaliha kienu jgħidu li ma jistax ikollha tfal, għax għal Alla ma hemm xejn li ma jistax isir”.

 

Imbagħad qalet Marija: “Ara, jien il-qaddejja tal-Mulej: ħa jsir minni skont kelmtek!” U l-anġlu telaq minn quddiemha.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu

 

 
< Prev   Next >