Din hija il-Liturgija tar-Raba' Hadd ta' l-Avvent ( 2020 ) bi hsibijiet min Joe Rapa.
Jista’ jkun li ftit huma dawk li jaħsbu fuq
il-fatt enormi li l-Milied ixandar u jiċċelebra Patt kbir li Alla jagħmel
mal-bniedem. Mill-bidu tal-Istorja, Alla
jwiegħed li kienet se sseħħ Ġrajja li madwarha ddur l-esperjenza kollha
tal-umanità. Lill-bniedem imjassar minn
natura li tħassret bis-suspett tal-Ġnien tal-Għeden, Hu jwegħedu Salvatur li
b’xi mod misterjuż kellu jqaċċat il-ktajjen tal-jasar, ifejjaq il-ġrieħi tal-ġdiem,
jaqta’ l-għatx għall-ħelsien, jisfronda l-bibien taċ-ċella li ssakkar kull
bniedem fih innifsu u joħloq mill-ġdid umanità b’natura divina li tissupera
l-Mewt.
Mill-bidu nett tal-esperjenza tad-dnub, il-Mewt bdiet
iddallam il-Ħajja tal-bniedem. X’ġiegħel
lill-bniedem jidneb? Emmen il-katekeżi
tax-xitan li għawwieh li Alla kien rival tiegħu. Nessieħ li kien Alla li ħalqu, imma mlielu
moħħu bil-ħsieb li Alla kien ċaħħdu minn kollox għax ma ridux ikun bħalu imma
dejjem taħtu. “Tassew li Alla qalilkom: ‘La
tiklux mis-siġar kollha tal-ġnien?’”
(Ġen. 3, 1). Dan mhux
żball tafux. Għax
tassew li dan iseħħ fil-bniedem imwaqqa’ għax jitlef il-kuntentizza b’tant
“siġar” li Alla tah biex igawdihom. Tant
grazzji. Tant rigali f’Ħajjitna. X’nibqgħu naraw? Is-Salib li jġagħalna
ngergru u jnissina kollox. Ekku l-għerf
ta’ satana: “Tassew li Alla qalilkom: ‘La tiklux mis-siġar kollha tal-ġnien?’”.
Il-bniedem tilef il-paċi ta’ qalbu u sar “annimal” dejjem
irid; iduq siġra, iduq oħra, imbagħad oħra u ma jista’ jxebba l-vojt tiegħu
b’xejn. It-tweġiba ta’ Alla għall-ingratitudni tal-ħlejqa tiegħu kien li hu
jwiegħed l-akbar Għotja tiegħu innifsu li seta’ joffri fl-Imħabba tiegħu
għall-bniedem: l-Għotja mmensa tiegħu innifsu f’Ibnu, li sa minn qabel
il-Ħolqien kien fassal li għandu jkun il-Ħaruf meħud għall-qatla biex bil-mewt
tiegħu jagħti lura l-Ħajja ta’ Dejjem li Adam kien tilef. F’dan il-waqt tat-telfa l-kbira, tidwi
l-Wegħda ta’ Alla: “U jien inqajjem mibegħda bejnek u bejn il-mara, bejn nislek u nisilha,
u hu jagħmel għal rasek u int tagħmel għal għarqubu.” (Ġen. 3, 15).
Mill-ewwel paġna tal-Iskrittura jidher Alla li jagħmel
Patt mal-bniedem. Kienet sitwazzjoni
tassew traġika għax il-bniedem kien tilef kollox fuq livell tassew konkret u
eżistenzjali. Id-dnub qatt mhu teorija
jew xi ħaġa li wieħed jista’ jkollu opinjoni dwarha. Il-frott tad-dnub hu dejjem il-Mewt, u
l-biża’ li din iġġib. Din hi l-ikbar
problema li għandu l-bniedem: il-biża’ tal-Mewt, mhux biss fiżika imma wkoll
ontika, psikoloġika. Issa l-bniedem beda
jħossu mhedded, għax tassew li s-suspett li żeragħlu l-għadu f’moħħu mhux la
kemm iħassru. L-ewwel effett kien li
beda jibża’ minn Alla, jiġifieri ma jafdaHx.
Is-serp li tħabbeb miegħu issa kien telaq. L-innoċenza li kellu tilifha għax issa sar
jaf li ħaġa tista’ tkun tajba u oħra ħażina, u nduna li l-ħażen kellu setgħa fuqu
iktar mis-sewwa. Ra lilu nnifsu għarwien
u staħa minnu nnifsu u mill-Qdusija ta’ Alla u nħeba minn Dak li qabel kien
jitlajja miegħu. “Fejn int?” (Ġen) jistaqsih Alla. Kien tassew tbiegħed minn Alla u minn dik
il-ħlejqa innoċenti li kien qabel, li ma kinitx taf li kien jeżisti t-tajjeb u
l-ħażin.
Ilkoll nafu x’jiġrilna meta nħossuna mhedda. In-natura tagħna tiddefendi ruħha għax issa
hemm il-Mewt, kemm fiżika, imma anke dik psikoloġika. B’kelma, ħaddieħor jista’ joqtlok. Ngħixu f’din it-tensjoni li writtna minn
Adam: dejjem bil-ponnijiet merfugħa għal li jista’ jkun. Kif jista’ jkollna l-Paċi? Kif jista’ jkun hawn is-Sliem bejn il-ġnus? Il-biża’ u s-suspett inissel l-egoiżmu. Kull maħluq beda jiġbed lejh u anke l-iktar
bniedem ġeneruż, jasal waqt meta, minħabba l-biża’ li jduq il-Mewt, nerġa’ nirrepeti,
mhux biss dik fiżika imma wkoll dik psikoloġika ta’ dwejjaq, ta’ daqqa ta’
ħarta fl-unur tiegħek, ta’ inġustizzja, ta’ xi tradiment li ħalliek b’ħalqek
miftuħ... meta jasal dan il-waqt, anke bniedem
minnu nnifsu ġeneruż, jaħseb kif se jdabbar rasu hu l-ewwel. Adam li nnamra ma’ martu mal-ewwel daqqa
t’għajn, “Din id-darba din hi għadma minn għadmi, u laħam minn laħmi” (Ġen. 2, 23), iwaħħal fiha, u
ndirettament anke f’Alla (!), meta qal: “Il-mara li inti tajtni għal miegħi, hi
tatni mis-siġra, u jiena kilt.” (Ġen. 3,
12) Ekku l-katina ta’ jasar li
dar madwar il-bniedem bid-dnub. Satana
issa sar sid dak li qabel kien ta’ Alla.
Hu jdur madwaru biex iġagħlu jidneb, joqtol, jisraq, jiżni. Lil Kajjin, Alla jgidlu: “Id-dnub
bħal xitan jissajja wara biebek.” (Ġen. 4, 7). Imma issa n-natura tal-bniedem kienet
mibjugħa b’ilsira lill-ħażin li kellu l-frosta f’idu, u Abel jinqatel minn
ħuh. Bdiet in-niżla tal-bniedem lejn
l-infern.
Imma ikbar minn dan kollu hija l-Imħabba ta’ Alla lejn
l-għadu tiegħu. Ħaġa waħda hemm
tissupera l-Mewt li hi bint id-dnub u ommu wkoll fl-istess ħin, u din hi l-Imħabba
ta’ Alla li tmur lil hemm mid-dnub tal-bniedem u hi aqwa mill-Mewt li tbeżżgħu. Il-bniedem ma jistax isalva lilu nnifsu. Ma jistax jikser iċ-ċirku li bih hu
mdawwar. Allura, jħares lejn Alla
b’ħarsa ta’ skjav li m’għandux biex jixtri lilu nnifsu, u jittama fil-Patt,
fil-Wegħda li ġie mwiegħed. Li l-bniedem
jittama f’Alla hi d-Dawl inemnem fid-dlam tiegħu li satana ma rnexxilux
jitfilu. Anke fil-bir tal-ikbar dnub,
Kajjin iħares lejn Alla u jittama li Alla jgħinu għax ma setax jiflaħ
il-konsegwenzi ta’ dnubu, u ma baqax bla ħniena għax Alla jagħmillu marka fuq
moħħu biex min jaraha ma joqtlux għax jiftakar
li Alla ma jridx li jseħħ dan.
Alla sar id-difensur ta’ Kajjin!
Kemm drabi, meta nkunu daharna mal-ħajt u kollox jidher mitluf, u
b’rabja f’qalbna kontra l-Istorja li nkunu għaddejjin minnha, imma anke hemm, fil-qiegħ nett, jibqa’ tama f’Alla. Bħalma jgħid is-Salm: “Minn qiegħ l-art insejjaħlek,
Mulej: isma’, Sidi, il-leħen tiegħi! Ħa
jkunu widnejk miftuħa, jiena u nitolbok bil-ħniena.” (S. 130, 1-2).
Issa dan l-argumentar, li hu dak li minn dejjem il-Knisja
emmnet fih u li xandritu kull meta ħabbret l-Aħbar Enormi ta’ Kristu li jeħles
lill-bniedem, dawn il-kummenti fuq il-qagħda tal-bniedem bla Alla hu ħafna
kkritikat min-nies li għalihom il-bniedem huwa Alla. Jgħidulek li din hi viżjoni tal-bniedem ferm
negattiva. Li mhux veru li l-bniedem
jinsab f’qagħda fejn Alla biss jista’ jeħilsu u hu mhu kapaċi jagħmel xejn biex
jifdi lilu nnifsu. Jgħidulek li
l-bniedem, bl-għerf li bena hu għalih innifsu, qed jirbaħ problema wara oħra u
għad jasal biex ikun tassew bħall-allat.
Din hi l-ereżija li ilha dieħla f’moħħ il-bniedem minn żmien it-Torri
ta’ Babel u laħqet l-aqwa tagħha mir-Rivoluzzjoni Franċiża ’l hawn. Anke fost
il-poplu, bla ma l-poplu jinduna, tidħol ideja li tkun bejtet f’moħħ erba’
għorrief tad-dinja. Imma ħarsa waħda
lejn l-Istorja moderna turina li l-bniedem tal-lum mhux differenti minn Adam,
minn Kajjin, minn Erodi. Hija ċ-ċiviltà
moderna li tatna lil Hitler, lil Stalin, u oħrajn ukoll.
Alla għażel lil Iżrael biex ikun il-fdal tal-ġnus,
il-ftit nies li jibqgħu jiftakru fil-Wegħda mkebba f’misteru li Alla kien
għamel lill-ewwel bnedmin. Alla mhux
dilettant tal-masses u jagħraf l-ingann tal-folol, bħalma ssuspetta fil-folol
Kristu. Iżrael kien l-iżgħar fost
il-ġnus, imma baqa’ jiftakar u jgħaddi lil uliedu l-ħolma li għad jidher
bniedem li jissupera l-patrijarki, il-profeti u n-nies ġusti kollha. Fil-milja taż-żmien kellu jidher. Kien hemm proċess ta’ maturità. Alla mexa mal-bniedem u beda jagħtih tixbihat
ta’ din il-Wegħda li komplew jittamaw lill-bniedem. Lil Noe tah id-dehra tal-qawsalla li wegħditu
li d-dinja qatt ma kienet se terġa’ tinqered mill-għarar. Lil Abraham wegħdu tifel, imma meta ġie Iżakk
Abraham induna li l-Wegħda kienet ferm akbar minn hekk. Kemm il-Qawsalla kif ukoll Iżakk kienu xbieha
ta’ Xi Ħadd ferm akbar. Iżrael sema’
l-Wegħda tal-ħelsien mill-Eġittu u l-kisba tal-Art Imwegħda, imma meta dawn
seħħu, beda jinduna li l-ħelsien mhux xi ħaġa materjali imma jinbet
mill-ispirtu tal-bniedem, u allura baqa’ jittama f’wirja oħra ta’ Alla.
L-Ewwel Qari
F’dan l-ewwel qari, lil David Alla jwegħdu li fost
it-taqlib politiku ta’ żmienu, u ta’ kull żmien, Hu kien se jħarislu lil razztu
għal dejjem. David ħaseb li ibnu u iben
ibnu u l-bqija tad-dixxendenża tiegħu kellhom jibqgħu isaltnu għal dejjem, imma
ferm u ferm ikbar kien dan it-tiġdid tal-Wegħda. Minn demmu kellu jitnissel l-Imwiegħed, li
l-profeti bdew isejħulu “il-Messija”. U
meta ġie, Iżrael laqgħu ġo stalla.
Salm Responsorjali
Għandu jkollna rispett enormi lejn il-Poplu Lhudi, jekk
almenu napprezzaw lil Kristu f’ħajjitna!
Għax dan il-poplu hu ħaġa tal-għaġeb fl-Istorja tal-umanità. Hu miraklu kif, waġdu u mdawwar bi ġnus
pagani, baqa’ jemmen, baqa’ jittama baqa’ jistenna, jistenna, jistenna
d-dehra tal-Miġja ta’ tarbija u
t-twettiq tal-Patt il-Kbir, il-Patt il-Ġdid li kellu jeħles lill-bniedem
mill-jasar li jaħkmu, mhux politikament, imma fil-profond ta’ qalbu. Wieħed jista’ jitkellem fit-tul dwar dan
il-ħelsien, dan it-tip ta’ ħelsien. Mara
vjolentata f’darha stess, hemm fejn hi stenniet li se ssib il-bejta
tal-Imħabba, anke mara msejkna bħal din kapaċi tkun ħielsa b’ħelsien li min
iġarrbu biss jista’ jkun jaf x’inhu.
Id-dinja tal-lum... kemm hi mqarrqa fuq dan il-ħelsien! Mamma mia kemm taħwid, kemm liġijiet, kemm
gruppi ta’ lobbying kollha jitqabdu għad-drittijiet tal-bniedem u l-bniedem
jispiċċa dejjem agħar milli kien. Ilkoll
kemm aħna ngannati fuq dan. Ilkoll
naħsbu li jekk ikollna iktar flus, jekk
ikolli ġob aħjar, jekk ngħaddi mill-eżamijiet, jekk inkun iktar b’saħħti, jekk
nibni dar villa, jekk nixtri karozza babaw, jekk..., jekk..., jekk... . Hu
veru li kollox hu sabiħ, imma mhux veru li l-problema tagħna hi materjali.
Il-problema tal-bniedem hi li għandu bżonn lil Alla li jfejjaqlu qalbu
mill-ġrieħi li twieled bihom jew li nġabru maż-żmien. Il-ħelsien tal-bniedem jinsab fl-ispirtu
tiegħu. Huwa fatt li l-aktar pajjiżi
affluwenti u sinjuri huma l-aktar li għandhom statistika għolja ta’
suwiċidji... u l-aktar li tilfu l-Fidi u poġġew lill-“bniedem” flok Alla.
Salm 89 ixandar it-tifħir ta’ bniedem sempliċi, mhux
ikkumplikat, li jara f’dak li jiġrilu l-id ta’ Alla li jħobbu. “Minn nisel għal nisel b’fommi nxandar
il-fedeltà tiegħek.” (S. 89, 1). Alla għamel Patt magħna fi Kristu. Alla hu fidil. Hu jżomm Kelmtu. Lil min hu għaddej minn wied mudlam u mhu
jara l-ebda ħruġ mill-problemi tiegħu, ngħidlu: “Kuraġġ! Ġid kbir hemm lest għalik għax Alla qiegħed
jgħallmek temmen fiH permezz ta’ din l-Istorja li qed tgħix.” Alla hu fidil. B’risposta għad-dubji u s-suspetti li għandek
bħallissa, li aħna lkoll ikollna f’mumenti koroh, b’risposta għal dan kollu,
għidlu: “Jien insejjaħlek: Missieri int, Alla tiegħi u blata tas-salvazzjoni
tiegħi!” (S. 89, 27). U stenna fis-skiet ir-risposta tiegħu,
konkreta. Hu jgħaddina mill-għawġ
mhux biex iħallina hemm imma biex
jgħallimna nemmnu. Għax kbir hu t-tiġrib
għall-Fidi li hawn fid-dinja.
It-Tieni Qari
San Pawl jitkellem fuq il-Misteru ta’ Kristu, Misteru li
kien ilu moħbi sa mill-eternità tad-dinja.
Kristu hu l-Imħabba ta’ Alla li tinagħta. Lil min tinagħta? Alla ħalaq il-ħolqien biex Hu li hu Mħabba
jkollu għal min jinagħta u hekk l-Imħabba ssib il-milja tagħha. Għax l-Imħabba titgħaxxaq biss billi
tinagħta, tisna lilha nnifisha u tagħti kollox għall-ieħor, anke jekk l-ieħor
ma jifhimiex imma jiġġudikaha.
Imma dak li għamel Kristu għalina hu Misteru għax
għalkemm ġa seħħ storikament elfejn sena ilu, hemm bosta li għadhom bla Kristu
fil-Ħajja tagħhom. Għad dawn Kristu qisu
għadu ma mietx u għadu ma rebaħx il-Mewt.
Tant nies, il-maġġoranza l-kbira jkolli ngħid, għadhom jitħabtu,
jistinkaw, ixxerrdu l-għaraq fi ħwejjeġ tad-dinja għax jaħsbu li huma waħedhom,
li huma jridu jkunu biex jasbu għalihom infushom. Solitudni totali. Ma jistennew xejn mingħand Alla. Mimlijin bihom infushom għax kulma għandhom,
jemmnu, li hu xogħol idejhom biss. U bla
ma jafu jkunu qed jitgħabbew b’responsabilità enormi.
Il-Misteru ta’ Kristu tarbija f’għar, imdendel ma’ salib,
midfun, u miexi rebbieħ bil-blata tal-qabar maqluba, dan kollu jseħħ mhux
elfejn sena ilu imma issa meta wieħed jirċievi l-Grazzja tat-twemmin. Huwa meta nemmnu li Kristu jkun miet u qam
mill-Mewt għalina, huwa f’dak il-ħin li l-Misteru ta’ Kristu iseħħ b’risq tagħna. Għalhekk, ħafna għadhom qed jistennew il-Messija
fid-dlam tagħhom għax mingħajr il-Fidi, Kristu qisu qatt ma ġie u l-Wegħda ma
sseħħx.
Għalhekk joqgħod tajjeb il-kliem ta’ innu antik Ingliż
għal dan iż-żmien: “Ejja, ejja, Għimanuel!
Ejja ifdi lil Iżrael l-ilsir, li ilu meħud ’il bogħod mill-Wiċċ tal-Iben
għażiż ta’ Alla. Ejja, int il-Fergħa ta’
Ġessi biex taħtaf il-priża minn dwiefer l-iljun, u mid-dlam li jbeżża’
tal-qabar, mill-abbiss salva l-poplu tiegħek.
Ejja, ejja, int żerniq il-jum kollu dawl! Imla lil qalbna b’dawlek li jfejjaq. Ħarrab il-lejl tant twil, id-dalma li xejn ma
jista’ għaliha. Oh ejja Mulej biex
tiftaħ beraħ bieb l-għeluq tagħna u ddawwal tas-sema t-triq waqt li timbarra
n-niżla lejn post l-imwiet.
Maranatha! Ejja Mulej Ġesù!
Evanġelju
Alla wiegħed li jwettaq dan kollu fil-Patt li hu mxennaq
jagħmel magħna. Imma x’se tkun
it-tweġiba tagħna? Għax aħna ħielsa li
d-deċiżjoni finali tkun tagħna. Alla hu
Mħabba u ma riedx joħloq bniedem li jobdi bil-fors, jew magna bħal xi
robot. Hu ħalaq lill-bniedem b’rispett
enormi, imżejjen b’qalb li tista’ tagħżel li tħobb lil Alla jew le. Il-Mulej kien jaf li kien qed jirriskja mmens
hawn. Anzi, nistgħu ngħidu minn qabel li
kellu jasal il-Jum meta din il-ħlejqa kellha tiċħdU, kellha taħseb ħażin fiH,
kellha ddendlu b’imsiemer ma’ salib!
Kien jaf li anke wara dan kollu, kotra ta’ nies ma temminx li Hu
Mħabba. Kulħadd ħieles fl-għażla
tiegħu.
L-Imħabba għamlet lil Alla dgħajjef. Il-Patt swielu tant tbatija, imma l-akbar
tbatija hija ċ-ċaħda tal-avanzi li Hu jagħmel biex jirbaħ lil qalbi u lil
qalbek. Hu ma jridx l-“Iva” ta’ bilfors,
imma jrid mingħandna l-“Iva” safja ta’ Marija kif se naraw fil-Vanġelu tal-lum. Imbagħad qalet Marija: Hawn jien il-qaddejja
tal-Mulej; ħa jsir minni skont kelmtek.”
(Lq. 1, 38).
Il-Liturġija tal-Kelma tal-lum:
Qari I
It-tron tiegħek jibqa’
sħiħ għal dejjem.
2 Sam 7, 1-5.8b-12.14a.16
Qari mit-Tieni Ktieb ta’
Samwel
Meta s-Sultan David mar joqgħod f’daru, u l-Mulej serrħu
mill-għedewwa kollha ta’ madwaru, is-sultan qal lil Natan il-profeta: “Issa,
ara jien qiegħed f’dar taċ-ċedru, u l-arka ta’ Alla qiegħda f’nofs ta’ tinda!”.
U qal Natan lis-sultan: “Kull ma għandek fi ħsiebek li tagħmel,
mur agħmlu, għax il-Mulej miegħek”. Imma dak il-lejl stess ġiet il-kelma
tal-Mulej lil Natan u qallu: “Mur għid lill-qaddej tiegħi David: ‘Dan jgħid il-Mulej: Se tibnili int dar biex
noqgħod fiha? Ara, jiena ħadtek mill-mergħat minn wara l-imrieħel biex tkun
prinċep fuq il-poplu tiegħi Iżrael. Dejjem kont miegħek f’kull ma kont tidħol
għalih; u meta int qridt l-għedewwa tiegħek kollha minn quddiemek. Issa jiena
nibnilek isem kbir jixbah l-ismijiet il-kbar li hawn fid-dinja. Nagħmel post
għall-poplu tiegħi Iżrael, u nqiegħdu hemm fejn jgħammar bla biża’, u ma
jgħakksuhx iżjed il-ħżiena bħalma għamlu sa minn dejjem, jiġifieri sa minn meta
qajjimt l-imħallfin fuq il-poplu tiegħi Iżrael; u nserrħek mill-għedewwa
tiegħek kollha. Lilek imbagħad il-Mulej jagħtik kelma li jibnilek dar. U meta
inti ttemm żmienek, u tkun striħajt ma’ missirijietek, jiena nqajjem nislek
warajk, nisel ħiereġ mill-ġewwieni tiegħek, u nsaħħaħ is-saltna tiegħu. Jiena
nkun għalih missier, u hu jkun għalija iben. Il-familja tiegħek u s-saltna
tiegħek jibqgħu sħaħ għal dejjem quddiemi. It-tron tiegħek jibqa’ sħiħ għal
dejjem’”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 89 (89), 2-5.27.29
R/. (2): It-tjieba tal-Mulej irrid dejjem ngħanni
F’kull żmien ixandar fommi l-fedeltà tiegħek.
Għax jien għedt:
“Tjubitek tibqa’ sħiħa għal dejjem;
bħas-smewwiet int wettaqt il-fedeltà tiegħek”. R/.
“Għamilt patt mal-magħżul tiegħi,
ħlift lil David, il-qaddej tiegħi:
Jien nagħmel li nislek jibqa’ għal dejjem,
li f’kull żmien jibqa’ sħiħ it-tron tiegħek”. R/.
“Hu jsejjaħli: ‘Int missieri
u Alla tiegħi, fortizza u salvazzjoni tiegħi!’.
It-tjieba tiegħi nżommha fuqu għal dejjem,
u l-patt tiegħi miegħu jibqa’ sħiħ”. R/.
Qari II
Il-misteru li kien moħbi
fis-skiet tal-eternità issa ġie rrivelat.
Rum16, 25-27
Qari
mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani
Ħuti, lil Alla li għandu l-qawwa
li jwettaqkom fl-Evanġelju li nħabbar jien,
jien u nxandar lil Ġesù Kristu,
skont ir-rivelazzjoni tal-misteru
li kien moħbi fis-skiet tal-eternità;
lil dan li Alla issa rrivelalna dan
il-misteru,
u għarrfu lill-ġnus bil-kitba tal-Profeti,
skont l-ordni tiegħu, Alla ta’ dejjem,
biex iwassalhom għall-ubbidjenza tal-fidi;
lil dan Alla, waħdu fl-għerf, il-glorja għal
dejjem ta’ dejjem
b’Ġesù Kristu. Ammen.
Il-Kelma
tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Lq 1, 38
Hallelujah. R/. Hallelujah
Ara, jiena l-qaddejja tal-Mulej:
ħa jsir minni skont kelmtek!
R/. Hallelujah
Evanġelju
Int se tnissel fi ħdanek u jkollok iben.
Lq 1, 26-38
Qari mill-Evanġelju
skont San Luqa
F’dak iż-żmien, Alla bagħat l-anġlu Gabrijel f’belt tal-Galilija,
jisimha Nazaret, għand xebba, mgħarrsa ma’ raġel jismu Ġużeppi mid-dar ta’
David. Dix-xebba kien jisimha Marija. L-anġlu daħal għandha u qalilha: “Sliem
għalik, mimlija bil-grazzja, il-Mulej miegħek”.
Hi tħawdet ħafna għal dan il-kliem, u bdiet taħseb bejnha u bejn
ruħha x’setgħet qatt tfisser din it-tislima. Iżda l-anġlu qalilha: “Tibżax,
Marija, għax int sibt grazzja quddiem Alla. Ara, int se tnissel fil-ġuf u jkollok
iben u ssemmih Ġesù. Hu jkun kbir, u jkun jissejjaħ Bin l-Għoli. Il-Mulej Alla
jagħtih it-tron ta’ David missieru, u jsaltan għal dejjem fuq dar Ġakobb, u ma
jkunx hemm tmiem għas-saltna tiegħu”.
Iżda Marija qalet lill-anġlu: “Kif ikun dan, ladarba ma nagħrafx
raġel?”. Wieġeb l-anġlu u qalilha: “L-Ispirtu s-Santu jiġi fuqek, u
l-qawwa tal-Għoli tixħet id-dell tagħha fuqek. U għalhekk dak li jitwieled
minnek ikun qaddis, u jissejjaħ Bin Alla. Ara, l-qariba tiegħek Eliżabetta, fi
xjuħitha, hi wkoll nisslet iben fil-ġuf, u ġa għandha sitt xhur dik li għaliha
kienu jgħidu li ma jistax ikollha tfal, għax għal Alla ma hemm xejn li ma
jistax isir”.
Imbagħad qalet Marija: “Ara, jien il-qaddejja tal-Mulej: ħa jsir
minni skont kelmtek!” U l-anġlu telaq minn quddiemha.
Il-Kelma
tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu
|