Tuesday, 19 January 2021
           
Home
IL-HADD FOST L-OTTAVA TAL-MILIED (2020) IS-SEJBA TAL-FAMILJA KNISJA PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 26 December 2020

Din hija il-Liturgija tal- Hadd fost l-ottava tal-Milied ( 2020 ) bi hsibijiet min Joe Rapa.

 pre_gesu.jpg

 

Min hu ta’ ċerta età bħali, li għexna tfulitna fil-ħamsinijiet, żgur jiftakar il-Knisja ta’ dari, tant differenti minn tal-lum, bħalma tal-lum se tkun differenti minn t’għada.  Il-Knisja hi dejjem profetika għax dejjem ixxandar, għal elfejn sena dejjem xandret, l-istess messaġġ lid-dinja:  “Alla hekk ħabb lid-dinja, li ta lil Ibnu l-Waħdieni, biex kull min jemmen fiH ma jintilifx, iżda jkollu l-Ħajja ta’ Dejjem.”  (Ġw. 3, 16).  Il-missjoni tal-Knisja dejjem hi waħda: li tħabbrek b’kemm għandha saħħa, ispirata min-Nar jaqbad tal-Ispirtu s-Santu li dejjem jgħammar fiha, biex tipproklama sat-trufijiet tal-art l-Aħbar it-Tajba li kulħadd huwa salv minħabba l-Opra tal-għaġeb li wettaq Kristu għal kull bniedem fil-Misteru tal-Għid.  FiH u fiH biss hemm salvazzjoni għal dejjem għal kull bniedem u f’ħadd u f’xejn iktar.  Din l-Aħbar lill-Knisja ġġagħalha tgħid il-kliem tal-Profeta:  “F’qalbi hemm bħal  nar jaqbad, magħluq f’għadmi.  Għejjejt inżommu magħluq ġo fija.”  (Ġer. 20, 9). 

 

Iżda għalkemm il-Missjoni tal-Knisja dejjem hi din u din biss, Missjoni li ma tinbidel qatt sal-aħħar taż-żmien, fl-istess ħin il-Knisja dejjem tinbidel fil-metodi tagħha, fl-istituzzjonijiet tagħha, fil-mod li hi tersaq lejn il-bniedem biex tlaqqgħu ma’ Kristu l-uniku Salvatur.  Din hi xhieda oħra li l-Knisja hi dejjem ħajja għax fiha hemm l-Ispirtu li minnU tfawwar il-Ħajja.  Il-Knisja dejjem tiġġedded skont il-bniedem u żminijietu, skond kif jindikalha dan l-Ispirtu ta’ Dak li rebaħ il-Mewt. 

Il-Knisja Primittiva, jiġifieri dik tal-bidu, tal-Martri, kienet taħdem b’mod differenti minn dik tal-Missirijiet tal-Knisja.  Din, imbagħad kienet differenti mill-Knisja li weldet l-irħieb tad-deżert u l-moviment kbir tal-monasteri fejn kienu jgħixu flimkien, maqtugħin mill-massa, mijiet ta’ rħieb f’kull komunità.  Imbagħad kellna l-Knisja tal-Medju Evu li ħassitha mbuttata li tgħolli ’l fuq binjiet meraviljużi ta’ Katidrali u Abbaziji mal-Ewropa kollha, li saru ċentri ta’ tagħlim u ċiviltà barra minn kalamita għal min ried jitqaddes;  kif ukoll welldet l-ideja tal-università f’dan il-kontinent.  Imbagħad kien hemm il-Knisja li b’xi mod laħquha xi wħud minnha: il-Knisja ta’ wara r-Riforma ta’ Luteru, Knisja li kellha bżonn stabilità u baqgħet l-istess sa’ ma tfaċċa żmienna.

 

Kienet Knisja li tqanqal ċerta nostalġija f’xi wħud.  Anke l-ġografija tar-raħal kienet tixhed għall-qawwa li l-Knisja kellha fuq in-nies... ħafna djar żgħar imdawrin mal-binja l-kbira tal-knisja li bħal qroqqa kienet tgħasses fuq il-flieles tagħha.  Ma kienx hemm problema ta’ attendenza għaċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi.  Il-biċċa l-kbira kienu jattendu għall-quddiesa kuljum minn meta jkunu tfal sa fi xjuħithom.  Il-qniepen tal-knisja kienu  jdoqqu għal kull bniedem, minn meta jieħduh l-ewwel darba biex jitgħammed, meta jersaq l-ewwel darba biex jitqarben, meta jiżżewweġ, meta jgħammed lil uliedu, meta jkun agonija, sa meta jmut. 

 

Il-Ħajja tan-nies kienet mid-dar għax-xogħol, għall-Knisja.  Id-djar ma kinux mgħammra ta’ sinjuri imma l-knisja iva għax il-knisja kienet għażiża għal kulħadd.  Ġew il-gwerer li qerdu lill-Ewropa minn kif kienet qabel.  Dan l-effett dam ma wasal għandna, imma meta wasal kien qisu riefnu.  Il-Knisja ndunat bil-bżonn tal-bidla għax għarfet li Alla kien qed ikellimha permezz tal-Istorja.  U hekk tnieda l-Konċilju Vatikan II, li ħolom b’sura ta’ Knisja ġdida u żagħżugħa fil-mod kif twassal l-istess Bxara ta’ dejjem:  Kristu rebbieħ fuq il-Mewt li hu l-Ħaruf li neħħa d-dnub tad-dinja.

 

Il-Knisja skopriet ħafna sejbiet tal-għaġeb fil-Konċilju, u waħda minn dawn għandha x’taqsam ferm mal-festa liturġika li qegħda tiċċelebra llum fil-qalba tal-Ottava tal-Milied: il-Festa tas-Sagra Familja u l-Festa ta’ kull Familja li ssejjaħ lilha nnifisha Nisranija.  Is-sejba tal-Familja Nisranija bħala teżor tal-Knisja akkompanjat sejba oħra:  il-Knisja bħala l-Poplu ta’ Alla li flimkien u bla preferenzi tinsab miexja alenija biex tiskopri dejjem aktar il-Misteru ta’ Ġesù u ssalva permezz tiegħu.  Qabel, il-Knisja kienet  monolitika, jiġifieri qisha piramida  b’dawk li għandhom l-iktar influwenza, fuq, fil-quċċata, u l-kotra, l-maġġoranza, fil-bażi taħt, dawk li huma dejjem hemm għan-numru, biex ngħidu hekk, dejjem siekta bla ma jippartiċipaw f’xejn.  Issa l-Knisja għarfet li il-Poplu ta’ Alla hu kollu miexi flimkien, fejn kulħadd hu mportanti, fejn hemm ħafna kariżmi differenti frott tal-Ispirtu s-Santu.  Niftehmu, dawn l-idejat tal-Ispirtu s-Santu għadhom ma nfiltrawx wisq qalb in-nies li għadhom jistrieħu fuq il-klerikaliżmu tagħhom, u għadhom iggranfati ma’ dak kollu li hu ta’ dari; imma kapaċi jħajru ħafna li qed jitbiegħdu mill-Knisja.  Huwa lejn dawn li l-ideja ta’ Knisja “ġdida” hi l-iktar indirizzata minn Alla.

 

Meta konna nitkellmu fuq vokazzjonijiet, mill-ewwel konna nifhmu vokazzjonijiet saċerdotali jew reliġjużi.  Konna nemmnu li Alla jsejjaħ ftit nies biex jagħtihom rigali speċjali biex huma jqaddsu lill-kumplament.  In-nies kienu jaħsbu li minn fosthom Alla jagħżel lil dawn biex f’isem il-poplu jitkellmu ma’ Alla, jitolbu, waqt li l-poplu jaħdem u jrabbi t-tfal.  Il-Konċilju għaraf li kull bniedem għandu s-sejħa, il-vokazzjoni qaddisa tiegħu skont l-istat li Alla ried li jkun fih.  Min hu ġuvni jew xebba, Alla għażilhom biex b’dan l-istat huma jkunu jistgħu jitqaddsu u jqaddsu l-poplu.  Imma, biex inżommu mas-suġġett tal-Liturġija tal-lum, kariżma, vokazzjoni mportanti fil-Knisja tal-lum hi s-sejħa għaż-żwieġ, is-sejħa qaddisa ta’ Alla biex ġuvni u tfajla jingħaqdu fis-sagrament taż-żwieġ li bil-Lhudi huwa “kiddushin”, Santifikazzjoni, Tqaddis.  Għaliex isejħulu hekk?  Għax il-mara tgħin lir-raġel jitqaddes u r-raġel jagħmel l-istess mal-mara.  Mhux b’xi priedki!  Li tnejn jgħixu flimkien ħajjithom kollha, fil-ġid u fid-deni, fis-saħħa u fil-mard, fiż-żogħżija u fix-xjuħija... din hi ħaġa tal-għaġeb li d-dinja tilfitha llum.  Iż-żagħżagħ tagħna m’għadhomx joħolmu biha din.  Biex tnejn jgħixu dan kollu flimkien, b’dak kollu li ġġib magħha l-Istorja... din tassew li  hi triq ta’ konverżjoni.  Din il-ħolma qaddisa u romantika fl-istess ħin, ġiet misruqa liż-żagħżagħ tagħna.  Mhux tort tagħhom, imma tort tas-soċjeta li bnejna aħna l-kbar fejn għalina huma iktar importanti l-libertà, id-drittijiet, in-nuqqas ta’ rbit, mill-Imħabba li kapaċi twiegħed fedeltà għal dejjem.

 

Għall-Knisja, l-vokazzjoni għall-Familja tassew Nisranija llum saret fundamentali, “kiddushin”, mezz ta’ qdusija għal bosta.  Mingħajr il-Familja li hi Knisja Domestika, Knisja tad-Dar, jinxfu l-vokazzjonijiet l-oħra kollha.  Familja li mhix Knisja fejn jitrawmu ulied fil-Fidi, m’għandhiex futur.   Fejn m’hemmx Kristu m’hemmx futur.  Mhux ta’ b’xejn li l-avukati u n-nutari saru tant importanti għall-koppja moderna.  Mhux ta’ b’xejn li l-pariri psikoloġiċi ħadu post id-dawl tal-Vanġelu.  Mhux ta’ b’xejn li x-xogħol għar-raġel u l-mara sar iktar vitali milli jkollok tarbija oħra ma’ li għandek.  Mhux ta’ b’xejn kulħadd bl-“account” tiegħu fil-bank, għal li jista’ jkun.  Mhux ta’ b’xejn li qed tgħib il-Fidi fuq din l-art.  Mhux ta’ b’xejn li koppja ma toħlomx li Alla żewwiġhom biex jgħaddu l-Fidi lil uliedhom u mhux biss biex jedukawhom ħalli jkollhom karriera.  U mhux ta’ b’xejn li fi żmienna l-Knisja tkaxkret ma’ dan il-kurrent ukoll.

 

Imma, għall-Grazzja ta’ Alla, ġa beda jidher qawmien ġdid, Knisja ġdida.  L-imgħoddi għadda.  In-nostalġija għall-Knisja ta’ dari, ta’ sittin sena ilu, hija biss xogħol ix-xitan.  Tafu għaliex Alla dejjem jirbaħ?  Għax il-ħażen għandu fih il-virus tal-Mewt u l-bniedem jitgħallem saħansitra minn dnubu!  Id-dnub innifsu jrebbaħ lil Alla għax mhux kapaċi jimla qalb il-bniedem, imma jaf biss jivvinta kif joqtol lill-bniedem.  Dawn it-traġedji kollha fil-familji qed jgħallmu lill-bniedem ifittex sisien sodi, jibni daru fuq il-blat, jinduna li għand Alla biss hemm il-maturità lejn il-verità.  Minn għandU biss wieħed irawwem fih l-Imħabba vera.

 

U allura liema hi din il-Familja Nisranija li saret it-teżor tal-Knisja?  Hi d-dar fejn dawk ta’ ġo fiha għarfu li l-Imħabba mhux sempliċi pjaċir sesswali, li hu tajjeb għax iridu Alla, imma li tmur lil hemm għax l-Imħabba tinagħta.  L-Imħabba tagħti mhux tieħu.  Imma din l-Imħabba ma titrawwimx mill-korsijiet jew mill-kotba, imma mill-Grazzja, minn Alla li ħabbna hekk kif aħna.  Jekk il-missier ma jagħrafx l-Imħabba ta’ Alla għalih murija fi Kristu Ġesù li miet għalih meta  kien għadu ta’ Alla... jekk ma jkollux din l-esperjenza ta’ Alla f’Ħajtu, qatt mhu se jkun jiflaħ li jħobb u jaħfer lil martu dejjem, dejjem, dejjem.  L-istess il-mara.

 

Il-Familja Nisranija hi dik fejn il-ġenituri jafu li l-għan taż-żwieġ tagħhom hu li jgħaddu l-Fidi lil uliedhom, bil-kliem fejn hemm bżonn, imma l-aktar bil-mod kif jgħixu, bil-kultura li tinbena bejn il-ħitan tad-dar.  Mhux il-qassis, mhux id-duttrina, mhux il-Parroċċa, imma l-missier flimkien ma’ martu għandhom l-ewwel dmir li jiżirgħu it-twemmin sod f’Dak li miet għal uliedhom.  Mhux il-morali l-ewwel, imma l-Bxara t-Tajba tal-Vanġelu, il-Ferħ li jiġi mill-Imħabba li Alla għandu għal uliedhom u li se jurihom fl-Istorja tagħhom.

 

Il-Familja Nisranija hi dik li ma tibżax tkun miftuħa għall-Ħajja; ma tibżax tkun differenti;  ma tibżax tmur kontra l-kurrent; li hi kuraġġuża quddiem il-botti u l-arroganza tal-kultura moderna mibnija fuq il-flus mejta.  Il-Familja Nisranija hi dik li għandha tliet postijiet qaddisa, sagri.  L-ewwel hu dak li jaf bih kulħadd: l-altar tal-Ewkaristija minn fejn tieħu s-saħħa spiritwali u li madwaru tirringrazzja lil Alla għall-Istorja, anke jekk din dejjem tinkludi xi Salib. 

 

Hemm imbagħad il-mejda li madwarha tinġabar il-familja, għall-ikel u affarijiet oħra.  Minn din il-mejda, il-familja ma tiħux biss l-ikel li jmantniha fiżikament, imma s-saħħa soċjaliu l-għaqda ta’ bejniet il-membri tagħha, għax hu madwarha li kulħadd jgħid tiegħu mingħajr ix-xkiel u l-kontrolli ta’ barra.  Hu madwarha wkoll li tinġabar il-familja għall-mumenti tokkanti, li jmissu l-qalb, il-mumenti tat-Talb.  Ara taħsbu li din il-mejda hi faċli!  Il-moderniżmu anke din serqilna!  Mamma mia!  Tassew m’għandna ħin għal xejn daż-żmien, lanqas biex nieklu flimkien, aħseb u ara kemm nitkellmu flimkien...

 

Altar ieħor qaddis huwa s-sodda matrimonjali.  Din il-ħaġa taħsadna, imma dan ifisser kemm tbegħedna mill-qdusija tas-sesswalità skont ir-rieda ta’ Alla miftuħa għall-Ħajja.  L-għadu serqilna u ċappsilna kollox.  Ngħid biss li dawk ta’ qabilna, li għalina kienu nies ta’ moħħom magħluq, lura u njoranti, kellhom viżjoni tal-Ħajja ferm isbaħ minn tagħna, tant li s-sodda taż-żwieġ, min kien jista’, kien jagħmilha qisha tron kif jixirqilha;  kienu jsejħulha s-sodda tal-kurdinaġġ.  Għaliex dawn l-istramberiji?  Għax hu post qaddis għal min hu Kristjan għax hemm il-koppja tinagħqad ma’ Alla fil-ħolqien ta’ bnedmin ġodda, membri ġodda li jemmnu fi Kristu.  Minn hemm, iż-żwieġ jieħu s-saħħa tas-Sagrament, għax is-Sagrament mhux biss ir-rit tat-tieġ, bħalma l-Magħmudija mhix biss ir-rit tal-bidu.  Is-Sagrament Nisrani jibqa’ jagħti, jagħti, jagħti u dan meta l-att taż-żwieġ isir skont Alla u l-Imħabba vera.  Kollox jiddependi mill-Fidi kif se naraw fil-qari kollu li ġej f’din il-Festa tal-Familja Qaddisa ta Nazaret.

 

L-Ewwel Qari

 

L-Istorja tas-Salvazzjoni tibda b’Abraham, u bil-familja tiegħu fiċ-ċentru nett.  Alla jibda din l-Istorja, jindaħal fl-esperjenza tal-bnedmin billi jinqeda bi kriżi fil-familja ta’ wieħed minnhom.  Abraham u Sarah martu ma setax ikollhom tfal.  Diżastru għal kull familja; iktar u iktar f’dak iż-żmien meta kollox kien tant prekarju u s-sigurtà tal-bnedmin kienet tiddependi mill-klan, mir-razza, iktar mil-lum. 

 

Alla jwiegħed ħwejjeġ kbar lill-bniedem.  Lil Abraham, Alla refagħlu rasu biex ma jibqax iħares lejn it-tajn tal-art imma lejn il-kwiekeb tas-sema.  Alla lilek wegħdek ħwejjeġ kbar permezz tal-Magħmudija li Hu tak.  Iżakk huwa Kristu.  Abraham feraħ fuq li feraħ meta refa’ f’idejh lit-tarbija li tant kien ilu jistenna.  Bil-Magħmudija aħna mwegħda li għad nerfgħu lil Ġesù tarbija f’idejna bil-Fidi u bl-għarfien sħiħ ta’ dak li għamel għalina. 

 

Ġesù waħdu, Hu biss, kapaċi jimla l-vojt li hemm fina lkoll.  Bil-Magħmudija ġejna ngastati fiH, imdaħħla fiH, mogħtija fiH Ħajja li ma tispiċċa qatt, l-istess natura tiegħu!  Dawn huma l-“kwiekeb” li Alla jridna nikkontemplaw biex ma nibqgħux mexjin addoċċ, inteftfu mal-ħajt fid-dlam, mingħajr ċertezza, mingħajr garanzija fejn se naslu.

 

Salm Responsorjali

 

Bi Kristu aħna ninsabu fil-Familja ta’ Alla.  Hu ħuna; Marija ommna u missierna wieħed hu: Alla.  Min jiskopri dan jaf xi jfisser il-Ferħ Nisrani.  Mhux il-ferħ reliġjuż imma l-Ferħ Nisrani li hu differenti.  Il-Ferħ li tħossok adottat minn Alla, iben adottat fil-Familja ta’ Alla bi dritt għall-wirt ta’ dak kollu li għandu Alla.  Għandu raġun is-Salmista jifraħ għax ġralu bħall-“Għaġeb tal-Presepju”, jew aħjar il-Mistagħġeb li tbellah quddiem il-viżjoni ta’ Ħajja Ġdida li ra tinfetaħ quddiemu bit-twelid ta’ dik it-tarbija qalb l-annimali.  Abraham induna li b’ibnu Iżakk, ħajtu kienet inbidlet.  Ħafna aktar dik tan-Nisrani li jiskopri l-għana enormi li hemm fi Kristu għalih!  “Ħabirku biex tagħrfu ’l Mulej u l-qawwa tiegħu; fittxu lil wiċċu l-ħin kollu.”  (S. 105, 4). 

 

It-Tieni Qari

 

Il-Fidi tagħmel ħwejjeġ kbar, enormi.  Il-Fidi tibni Familja.  Il-Fidi tagħti l-Ħajja minn ġuf  mejjet.  In-nies tal-Fidi raw ħwejjeġ impossibbli jiġru.  Il-Fidi qisha xini li fuqu tirkeb u ssallpa fuq ibħra li fuqhom qatt ma kont mort.  Il-Fidi hija l-Għid, dejjem hija l-Għid.  Abraham u Sarah kienu fid-dlam u ħarġu għad-Dawl.  Kienu mejta u raw il-Jum tal-Ħajja meta raw tarbija f’dirgħajhom.  Abraham fi xjuħitu kien midfun u lest, bħalma mejjet kien Kristu fuq is-Salib.  Imma bħal Kristu huwa emmen u ttama kontra kull tama fil-fedeltà ta’ Alla u ra l-Glorja tal-Qawmien. 

 

Din hi l-Ħajja Nisranija.  Mhix kwistjoni li tobdi għaxar kmandamenti u ma nafx kemm il-mitt preċett, imma li jkollok din l-esperjenza, anzi iktar minn esperjenza waħda tal-Misteru tal-Għid.  Ikollok esperjenzi ta’ Alla fidil.  Hija din l-esperjenza midfuna ġo ħobbok li tagħmlek kapaċi tobdi l-Liġi.  Biha, mhux mingħajrha.  Abraham ġie mogħti Familja ta’ Ġnus mhux għax kien xi raġel tajjeb iktar minn ħaddieħor, iżda għax ażżarda jemmen li Alla kien kapaċi jwettaq l-għeġubijiet.

 

Evanġelju

 

Il-Bibbja tħobbhom l-ismijiet tan-nies!  Dan, għax hi titkellem il-ħin kollu fuq nies, u dwar l-esperjenza tagħhom ta’ Alla.  Il-Bibbja hi għanja dwar in-nies tal-Fidi li telqu ħajjithom f’idejn Alla.  Ix-xwejjaħ Xmun kien wieħed minn dawn.  Kien jistenna l-faraġ ta’ Iżrael.  (Lq. 2, 25).  Kien ażżarda jemmen ħaġa tant glorjuża:  li għad jasal jum meta b’għajnjeh jara l-Messija tal-Mulej!  Ir-raġuni kienet tgħidlu li hu kien iblah, stinat, rasu marbuta, għax kien ilu li beda jixjieħ.  Imma hu emmen fl-intuwizzjoni li Alla kien poġġielu f’qalbu.  J’Alla jkollna anke aħna intuwizzjoni qaddisa li terfagħlna ħarsitna lejn il-kwiekeb!  Xmun kien jgħix għal ħaġa waħda: li jsib lil Kristu.  Kien meta tassew li din il-ħaġa dehret impossibbli, li seħħet, biex ikun ċar li kienet opra ta’ Alla u mhux tal-bniedem. 

 

Kemm Xmun u kemm Anna, li kienet hi ukoll mara ta’ Fidi, huma  nies li d-dinja twarrabhom, tistkerraħhom, tqarras wiċċha meta tara nies bħalhom.  Huma dawn li jaraw l-għeġubijiet li d-dinja tfittex għalxejn.

 

   Qari I

Wieħed ħiereġ mill-ġewwieni tiegħek, hu għad jirtek.

Ġen 15, 1-6; 21, 1-3

 

Qari mill-Ktieb ta’ Ġenesi

 

F’dak iż-żmien, ġiet il-kelma tal-Mulej lil Abram f’dehra u qallu: “La tibżax, Abram! Jiena tarka għalik; ħlasek ikun kbir ħafna”. U Abram qallu: “Sidi Mulej, x’se tagħtini, għax se nibqa’ bla tfal, u l-werriet ta’ dari se jkun Eligħeżer ta’ Damasku”. U Abram żied jgħid: “Ara, int lili ma tajtnix nisel, u qaddej dari se jiritni”. U ara, waslitlu l-kelma tal-Mulej u qallu: “Ma jirtekx dan, imma wieħed ħiereġ mill-ġewwieni tiegħek, hu għad jirtek”.

 

U ħarġu barra u qallu: “Ħares sewwa lejn is-smewwiet u għodd il-kwiekeb, jekk għandek ħila tgħoddhom”. U żied jgħidlu: “Hekk għad ikun nislek”. U hu emmen fil-Mulej, u dan għaddhulu b’ġustizzja.

 

U l-Mulej żar lil Sara bħalma kien qalilha, u għamel magħha dak li kien wegħedha. U Sara tqalet u wildet iben lil Abraham fi xjuħitu, fiż-żmien li kien qallu Alla. U Abraham semma ’l ibnu li twelidlu, li kienet wilditlu Sara, Iżakk.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 104 (105), 1b-2.3-4.5-6.8-9

 

R/. (7a.8a): Jaħweh hu Alla tagħna! Jiftakar għal dejjem fil-patt tiegħu

 

Faħħru l-Mulej u xandru ismu,

għarrfu lill-ġnus bl-għemejjel tiegħu.

Għannulu u doqqulu,

xandru l-għeġubijiet tiegħu kollha. R/.

 

Ftaħru bl-isem qaddis tiegħu;

tifraħ il-qalb ta’ dawk li jfittxu l-Mulej.

Ħabirku biex tagħrfu l-Mulej u l-qawwa tiegħu,

fittxu ’l wiċċu l-ħin kollu. R/.

 

Ftakru fil-ħwejjeġ kbar li għamel,

fl-għeġubijiet u l-ġudizzji tiegħu.

Nisel Abraham, il-qaddej tiegħu,

ulied Ġakobb, il-maħtur tiegħu. R/.

 

Jiftakar għal dejjem fil-patt tiegħu,

fil-kelma li ta għal elf nisel,

fil-patt li għamel ma’ Abraham,

fil-wegħda li ħalef lil Iżakk. R/.

 

 

Qari II

Il-fidi ta’ Abraham, ta’ Sarah u ta’ Iżakk.

Lhud 11, 8.11-12.17-19

 

Qari mill-Ittra lil-Lhud

 

Ħuti, kienet il-fidi li ġagħlet lil Abraham jobdi s-sejħa ta’ Alla, meta dan qallu biex imur f’art li kien se jagħtih b’wirt; u telaq, bla ma kien jaf fejn kien sejjer.

 

Kienet ukoll il-fidi li biha Sarah, mara mdaħħla fiż-żmien, setgħet titqal, għax hija għarfet li ta’ kelmtu kien dak li għamlilha l-wegħda. Kien għalhekk li minn bniedem wieħed, li kien tista’ tgħid mejjet, twieldu nies bil-kotra daqs il-kwiekeb tas-sema u daqs ir-ramel ta’ xatt il-baħar, li ħadd ma jista’ jgħoddu.

 

Kienet il-fidi li ġagħlet lil Abraham joffri ’l Iżakk meta Alla ġarrbu; u kien se joffri lil ibnu l-waħdieni sewwasew dak li kien ħa l-wegħdiet, hu li Alla kien qallu: “Minn Iżakk int għad ikollok nisel”. Huwa fehem li Alla kellu s-setgħa saħansitra li jqajjem mill-mewt; u, fis-sens ta’ tixbiha, ħadu tabilħaqq lura mill-mewt.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Lhud 1, 1-2

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Alla fl-imgħoddi kellem lil missirijietna

ħafna drabi u b’ħafna manjieri permezz tal-profeti.

Issa f’dan l-aħħar żmien, huwa kellimna permezz ta’ Ibnu.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

It-tifel baqa’ jikber u jissaħħaħ, mimli bil-għerf.

Lq 2, 22-40

 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

 

Wara li għalqilhom iż-żmien għall-purifikazzjoni tagħhom skont il-Liġi ta’ Mosè, Marija u Ġużeppi ħadu lil Ġesù Ġerusalemm biex jippreżentawh lill-Mulej, kif hemm miktub fil-Liġi tal-Mulej: “Kull tifel li jitwieled l-ewwel, jiġi kkonsagrat lill-Mulej” – u biex joffru b’sagrifiċċju par gamiem jew żewġ bċieċen, kif jingħad ukoll fil-Liġi tal-Mulej.

 

F’Ġerusalemm kien hemm wieħed, jismu Xmun, raġel ġust u tajjeb, li kien jistenna l-faraġ ta’ Iżrael u li kellu l-Ispirtu s-Santu fuqu. L-Ispirtu s-Santu kien nebbħu li ma kienx se jara l-mewt qabel ma jara l-Messija tal-Mulej. Mar mela fit-tempju, imqanqal mill-Ispirtu, u xħin il-ġenituri daħlu bit-tarbija Ġesù biex jagħmlulu dak li kienet trid il-Liġi, huwa laqgħu fuq dirgħajh, bierek lil Alla u qal:

Issa, o Sid, tista’ tħalli l-qaddej tiegħek

imur fis-sliem, skont kelmtek,

għaliex għajnejja raw is-salvazzjoni tiegħek

li int ħejjejt għall-popli kollha,

dawl biex idawwal il-ġnus,

u glorja tal-polpu tiegħek Iżrael”.

 

Missieru u ommu baqgħu mistagħġba b’dak li kien qiegħed jingħad fuqu. Xmun berikhom, u qal lil ommu Marija: “Ara, dan se jġib il-waqgħa u l-qawmien ta’ ħafna f’Iżrael; se jkun sinjal li jmeruh, – u inti wkoll, sejf jinfidlek ruħek! – biex jinkixfu l-ħsibijiet moħbija fil-qlub ta’ ħafna”.

 

Kien hemm ukoll waħda profetissa, Anna, bint Fanwel, mit-tribù ta’ Aser. Kienet imdaħħla ħafna fiż-żmien; wara xbubitha kienet għamlet seba’ snin miżżewġa, u mbagħad romlot. Sa ma kellha erbgħa u tmenin sena ma kienet titwarrab qatt mit-tempju, lejl u nhar taqdi lil Alla fis-sawm u t-talb. Dak il-ħin stess waslet, u bdiet trodd ħajr lil Alla u titkellem fuq it-tarbija ma’ dawk kollha li kienu jistennew il-fidwa ta’ Ġerusalemm.

 

Meta temmew kull ma kellhom jagħmlu skont il-Liġi tal-Mulej reġgħu lura lejn il-Galilija fil-belt tagħhom ta’ Nazaret. U t-tifel baqa’ jikber u jissaħħaħ, mimli bl-għerf. U l-grazzja ta’ Alla kienet fuqu.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu

 

Jew il-forma l-qasira

 

Evanġelju

It-tifel baqa’ jikber u jissaħħaħ, mimli bil-għerf.

Lq 2, 22.39-40

 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

 

Wara li għalqilhom iż-żmien għall-purifikazzjoni tagħhom skont il-Liġi ta’ Mosè, Marija u Ġużeppi ħadu lil Ġesù Ġerusalemm biex jippreżentawh lill-Mulej.

 

Meta temmew kull ma kellhom jagħmlu skont il-Liġi tal-Mulej reġgħu lura lejn il-Galilija fil-belt tagħhom ta’ Nazaret. U t-tifel baqa’ jikber u jissaħħaħ, mimli bl-għerf. U l-grazzja ta’ Alla kienet fuqu.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu

 

Last Updated ( Saturday, 26 December 2020 )
 
< Prev   Next >