Din hija il-Liturgija tal- Hadd fost l-ottava tal-Milied ( 2020 ) bi hsibijiet min Joe Rapa.
|
Min hu ta’ ċerta età bħali, li għexna
tfulitna fil-ħamsinijiet, żgur jiftakar il-Knisja ta’ dari, tant differenti
minn tal-lum, bħalma tal-lum se tkun differenti minn t’għada. Il-Knisja hi dejjem profetika għax dejjem
ixxandar, għal elfejn sena dejjem xandret, l-istess messaġġ lid-dinja: “Alla hekk ħabb lid-dinja, li ta lil Ibnu
l-Waħdieni, biex kull min jemmen fiH ma jintilifx, iżda jkollu l-Ħajja ta’
Dejjem.” (Ġw. 3,
16). Il-missjoni
tal-Knisja dejjem hi waħda: li tħabbrek b’kemm għandha saħħa, ispirata min-Nar
jaqbad tal-Ispirtu s-Santu li dejjem jgħammar fiha, biex tipproklama
sat-trufijiet tal-art l-Aħbar it-Tajba li kulħadd huwa salv minħabba l-Opra
tal-għaġeb li wettaq Kristu għal kull bniedem fil-Misteru tal-Għid. FiH u fiH biss hemm salvazzjoni għal dejjem
għal kull bniedem u f’ħadd u f’xejn iktar.
Din l-Aħbar lill-Knisja ġġagħalha tgħid il-kliem tal-Profeta: “F’qalbi hemm bħal nar jaqbad, magħluq f’għadmi. Għejjejt inżommu magħluq ġo fija.” (Ġer. 20, 9).
Iżda għalkemm il-Missjoni tal-Knisja dejjem hi din u din
biss, Missjoni li ma tinbidel qatt sal-aħħar taż-żmien, fl-istess ħin il-Knisja
dejjem tinbidel fil-metodi tagħha, fl-istituzzjonijiet tagħha, fil-mod li hi
tersaq lejn il-bniedem biex tlaqqgħu ma’ Kristu l-uniku Salvatur. Din hi xhieda oħra li l-Knisja hi dejjem
ħajja għax fiha hemm l-Ispirtu li minnU tfawwar il-Ħajja. Il-Knisja dejjem tiġġedded skont il-bniedem u
żminijietu, skond kif jindikalha dan l-Ispirtu ta’ Dak li rebaħ il-Mewt.
Il-Knisja Primittiva, jiġifieri dik tal-bidu, tal-Martri,
kienet taħdem b’mod differenti minn dik tal-Missirijiet tal-Knisja. Din, imbagħad kienet differenti mill-Knisja
li weldet l-irħieb tad-deżert u l-moviment kbir tal-monasteri fejn kienu jgħixu
flimkien, maqtugħin mill-massa, mijiet ta’ rħieb f’kull komunità. Imbagħad kellna l-Knisja tal-Medju Evu li
ħassitha mbuttata li tgħolli ’l fuq binjiet meraviljużi ta’ Katidrali u
Abbaziji mal-Ewropa kollha, li saru ċentri ta’ tagħlim u ċiviltà barra minn
kalamita għal min ried jitqaddes; kif ukoll
welldet l-ideja tal-università f’dan il-kontinent. Imbagħad kien hemm il-Knisja li b’xi mod
laħquha xi wħud minnha: il-Knisja ta’ wara r-Riforma ta’ Luteru, Knisja li
kellha bżonn stabilità u baqgħet l-istess sa’ ma tfaċċa żmienna.
Kienet Knisja li tqanqal ċerta nostalġija f’xi wħud. Anke l-ġografija tar-raħal kienet tixhed
għall-qawwa li l-Knisja kellha fuq in-nies... ħafna djar żgħar imdawrin mal-binja
l-kbira tal-knisja li bħal qroqqa kienet tgħasses fuq il-flieles tagħha. Ma kienx hemm problema ta’ attendenza
għaċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi.
Il-biċċa l-kbira kienu jattendu għall-quddiesa kuljum minn meta jkunu
tfal sa fi xjuħithom. Il-qniepen
tal-knisja kienu jdoqqu għal kull
bniedem, minn meta jieħduh l-ewwel darba biex jitgħammed, meta jersaq l-ewwel
darba biex jitqarben, meta jiżżewweġ, meta jgħammed lil uliedu, meta jkun
agonija, sa meta jmut.
Il-Ħajja tan-nies kienet mid-dar għax-xogħol, għall-Knisja. Id-djar ma kinux mgħammra ta’ sinjuri imma
l-knisja iva għax il-knisja kienet għażiża għal kulħadd. Ġew il-gwerer li qerdu lill-Ewropa minn kif
kienet qabel. Dan l-effett dam ma wasal
għandna, imma meta wasal kien qisu riefnu.
Il-Knisja ndunat bil-bżonn tal-bidla għax għarfet li Alla kien qed
ikellimha permezz tal-Istorja. U hekk tnieda
l-Konċilju Vatikan II, li ħolom b’sura ta’ Knisja ġdida u żagħżugħa fil-mod kif
twassal l-istess Bxara ta’ dejjem:
Kristu rebbieħ fuq il-Mewt li hu l-Ħaruf li neħħa d-dnub tad-dinja.
Il-Knisja skopriet ħafna sejbiet tal-għaġeb fil-Konċilju,
u waħda minn dawn għandha x’taqsam ferm mal-festa liturġika li qegħda
tiċċelebra llum fil-qalba tal-Ottava tal-Milied: il-Festa tas-Sagra Familja u
l-Festa ta’ kull Familja li ssejjaħ lilha nnifisha Nisranija. Is-sejba tal-Familja Nisranija bħala teżor
tal-Knisja akkompanjat sejba oħra:
il-Knisja bħala l-Poplu ta’ Alla li flimkien u bla preferenzi tinsab
miexja alenija biex tiskopri dejjem aktar il-Misteru ta’ Ġesù u ssalva permezz
tiegħu. Qabel, il-Knisja kienet monolitika, jiġifieri qisha piramida b’dawk li għandhom l-iktar influwenza, fuq,
fil-quċċata, u l-kotra, l-maġġoranza, fil-bażi taħt, dawk li huma dejjem hemm
għan-numru, biex ngħidu hekk, dejjem siekta bla ma jippartiċipaw f’xejn. Issa l-Knisja għarfet li il-Poplu ta’ Alla hu
kollu miexi flimkien, fejn kulħadd hu mportanti, fejn hemm ħafna kariżmi
differenti frott tal-Ispirtu s-Santu.
Niftehmu, dawn l-idejat tal-Ispirtu s-Santu għadhom ma nfiltrawx wisq
qalb in-nies li għadhom jistrieħu fuq il-klerikaliżmu tagħhom, u għadhom
iggranfati ma’ dak kollu li hu ta’ dari; imma kapaċi jħajru ħafna li qed
jitbiegħdu mill-Knisja. Huwa lejn dawn
li l-ideja ta’ Knisja “ġdida” hi l-iktar indirizzata minn Alla.
Meta konna nitkellmu fuq vokazzjonijiet, mill-ewwel konna
nifhmu vokazzjonijiet saċerdotali jew reliġjużi. Konna nemmnu li Alla jsejjaħ ftit nies biex
jagħtihom rigali speċjali biex huma jqaddsu lill-kumplament. In-nies kienu jaħsbu li minn fosthom Alla
jagħżel lil dawn biex f’isem il-poplu jitkellmu ma’ Alla, jitolbu, waqt li
l-poplu jaħdem u jrabbi t-tfal.
Il-Konċilju għaraf li kull bniedem għandu s-sejħa, il-vokazzjoni qaddisa
tiegħu skont l-istat li Alla ried li jkun fih.
Min hu ġuvni jew xebba, Alla għażilhom biex b’dan l-istat huma jkunu
jistgħu jitqaddsu u jqaddsu l-poplu.
Imma, biex inżommu mas-suġġett tal-Liturġija tal-lum, kariżma,
vokazzjoni mportanti fil-Knisja tal-lum hi s-sejħa għaż-żwieġ, is-sejħa qaddisa
ta’ Alla biex ġuvni u tfajla jingħaqdu fis-sagrament taż-żwieġ li bil-Lhudi
huwa “kiddushin”,
Santifikazzjoni, Tqaddis. Għaliex
isejħulu hekk? Għax il-mara tgħin
lir-raġel jitqaddes u r-raġel jagħmel l-istess mal-mara. Mhux b’xi priedki! Li tnejn jgħixu flimkien ħajjithom kollha,
fil-ġid u fid-deni, fis-saħħa u fil-mard, fiż-żogħżija u fix-xjuħija... din hi
ħaġa tal-għaġeb li d-dinja tilfitha llum.
Iż-żagħżagħ tagħna m’għadhomx joħolmu biha din. Biex tnejn jgħixu dan kollu flimkien, b’dak
kollu li ġġib magħha l-Istorja... din tassew li
hi triq ta’ konverżjoni. Din il-ħolma
qaddisa u romantika fl-istess ħin, ġiet misruqa liż-żagħżagħ tagħna. Mhux tort tagħhom, imma tort tas-soċjeta li
bnejna aħna l-kbar fejn għalina huma iktar importanti l-libertà, id-drittijiet,
in-nuqqas ta’ rbit, mill-Imħabba li kapaċi twiegħed fedeltà għal dejjem.
Għall-Knisja, l-vokazzjoni għall-Familja tassew
Nisranija llum saret fundamentali, “kiddushin”,
mezz ta’ qdusija għal bosta. Mingħajr
il-Familja li hi Knisja Domestika, Knisja tad-Dar, jinxfu l-vokazzjonijiet
l-oħra kollha. Familja li mhix Knisja
fejn jitrawmu ulied fil-Fidi, m’għandhiex futur. Fejn m’hemmx Kristu m’hemmx futur. Mhux ta’ b’xejn li l-avukati u n-nutari saru
tant importanti għall-koppja moderna.
Mhux ta’ b’xejn li l-pariri psikoloġiċi ħadu post id-dawl
tal-Vanġelu. Mhux ta’ b’xejn li x-xogħol
għar-raġel u l-mara sar iktar vitali milli jkollok tarbija oħra ma’ li
għandek. Mhux ta’ b’xejn kulħadd
bl-“account” tiegħu fil-bank, għal li jista’ jkun. Mhux ta’ b’xejn li qed tgħib il-Fidi fuq din
l-art. Mhux ta’ b’xejn li koppja ma
toħlomx li Alla żewwiġhom biex jgħaddu l-Fidi lil uliedhom u mhux biss biex
jedukawhom ħalli jkollhom karriera. U
mhux ta’ b’xejn li fi żmienna l-Knisja tkaxkret ma’ dan il-kurrent ukoll.
Imma, għall-Grazzja ta’ Alla, ġa beda jidher qawmien
ġdid, Knisja ġdida. L-imgħoddi
għadda. In-nostalġija għall-Knisja ta’
dari, ta’ sittin sena ilu, hija biss xogħol ix-xitan. Tafu għaliex Alla dejjem jirbaħ? Għax il-ħażen għandu fih il-virus tal-Mewt u
l-bniedem jitgħallem saħansitra minn dnubu!
Id-dnub innifsu jrebbaħ lil Alla għax mhux kapaċi jimla qalb il-bniedem,
imma jaf biss jivvinta kif joqtol lill-bniedem.
Dawn it-traġedji kollha fil-familji qed jgħallmu lill-bniedem ifittex
sisien sodi, jibni daru fuq il-blat, jinduna li għand Alla biss hemm
il-maturità lejn il-verità. Minn għandU
biss wieħed irawwem fih l-Imħabba vera.
U allura liema hi din il-Familja Nisranija li saret
it-teżor tal-Knisja? Hi d-dar fejn dawk
ta’ ġo fiha għarfu li l-Imħabba mhux sempliċi pjaċir sesswali, li hu tajjeb
għax iridu Alla, imma li tmur lil hemm għax l-Imħabba tinagħta. L-Imħabba tagħti mhux tieħu. Imma din l-Imħabba ma titrawwimx
mill-korsijiet jew mill-kotba, imma mill-Grazzja, minn Alla li ħabbna hekk kif
aħna. Jekk il-missier ma jagħrafx
l-Imħabba ta’ Alla għalih murija fi Kristu Ġesù li miet għalih meta kien għadu ta’ Alla... jekk ma jkollux din
l-esperjenza ta’ Alla f’Ħajtu, qatt mhu se jkun jiflaħ li jħobb u jaħfer lil
martu dejjem, dejjem, dejjem. L-istess
il-mara.
Il-Familja Nisranija hi dik fejn il-ġenituri jafu li
l-għan taż-żwieġ tagħhom hu li jgħaddu l-Fidi lil uliedhom, bil-kliem fejn hemm
bżonn, imma l-aktar bil-mod kif jgħixu, bil-kultura li tinbena bejn il-ħitan
tad-dar. Mhux il-qassis, mhux
id-duttrina, mhux il-Parroċċa, imma l-missier flimkien ma’ martu għandhom
l-ewwel dmir li jiżirgħu it-twemmin sod f’Dak li miet għal uliedhom. Mhux il-morali l-ewwel, imma l-Bxara t-Tajba
tal-Vanġelu, il-Ferħ li jiġi mill-Imħabba li Alla għandu għal uliedhom u li se
jurihom fl-Istorja tagħhom.
Il-Familja Nisranija hi dik li ma tibżax tkun miftuħa
għall-Ħajja; ma tibżax tkun differenti;
ma tibżax tmur kontra l-kurrent; li hi kuraġġuża quddiem il-botti u
l-arroganza tal-kultura moderna mibnija fuq il-flus mejta. Il-Familja Nisranija hi dik li għandha tliet
postijiet qaddisa, sagri. L-ewwel hu dak
li jaf bih kulħadd: l-altar tal-Ewkaristija minn fejn tieħu s-saħħa spiritwali
u li madwaru tirringrazzja lil Alla għall-Istorja, anke jekk din dejjem
tinkludi xi Salib.
Hemm imbagħad il-mejda li madwarha tinġabar il-familja,
għall-ikel u affarijiet oħra. Minn din
il-mejda, il-familja ma tiħux biss l-ikel li jmantniha fiżikament, imma s-saħħa
soċjaliu l-għaqda ta’ bejniet il-membri tagħha, għax hu madwarha li kulħadd
jgħid tiegħu mingħajr ix-xkiel u l-kontrolli ta’ barra. Hu madwarha wkoll li tinġabar il-familja għall-mumenti
tokkanti, li jmissu l-qalb, il-mumenti tat-Talb. Ara taħsbu li din il-mejda hi faċli! Il-moderniżmu anke din serqilna! Mamma mia!
Tassew m’għandna ħin għal xejn daż-żmien, lanqas biex nieklu flimkien,
aħseb u ara kemm nitkellmu flimkien...
Altar ieħor qaddis huwa s-sodda matrimonjali. Din il-ħaġa taħsadna, imma dan ifisser kemm
tbegħedna mill-qdusija tas-sesswalità skont ir-rieda ta’ Alla miftuħa
għall-Ħajja. L-għadu serqilna u
ċappsilna kollox. Ngħid biss li dawk ta’
qabilna, li għalina kienu nies ta’ moħħom magħluq, lura u njoranti, kellhom
viżjoni tal-Ħajja ferm isbaħ minn tagħna, tant li s-sodda taż-żwieġ, min kien
jista’, kien jagħmilha qisha tron kif jixirqilha; kienu jsejħulha s-sodda tal-kurdinaġġ. Għaliex dawn
l-istramberiji? Għax hu post qaddis għal
min hu Kristjan għax hemm il-koppja tinagħqad ma’ Alla fil-ħolqien ta’ bnedmin
ġodda, membri ġodda li jemmnu fi Kristu.
Minn hemm, iż-żwieġ jieħu s-saħħa tas-Sagrament, għax is-Sagrament mhux
biss ir-rit tat-tieġ, bħalma l-Magħmudija mhix biss ir-rit tal-bidu. Is-Sagrament Nisrani jibqa’ jagħti, jagħti,
jagħti u dan meta l-att taż-żwieġ isir skont Alla u l-Imħabba vera. Kollox jiddependi mill-Fidi kif se naraw
fil-qari kollu li ġej f’din il-Festa tal-Familja Qaddisa ta Nazaret.
L-Ewwel Qari
L-Istorja tas-Salvazzjoni tibda b’Abraham, u bil-familja
tiegħu fiċ-ċentru nett. Alla jibda din
l-Istorja, jindaħal fl-esperjenza tal-bnedmin billi jinqeda bi kriżi
fil-familja ta’ wieħed minnhom. Abraham
u Sarah martu ma setax ikollhom tfal.
Diżastru għal kull familja; iktar u iktar f’dak iż-żmien meta kollox
kien tant prekarju u s-sigurtà tal-bnedmin kienet tiddependi mill-klan,
mir-razza, iktar mil-lum.
Alla jwiegħed ħwejjeġ kbar lill-bniedem. Lil Abraham, Alla refagħlu rasu biex ma
jibqax iħares lejn it-tajn tal-art imma lejn il-kwiekeb tas-sema. Alla lilek wegħdek ħwejjeġ kbar permezz
tal-Magħmudija li Hu tak. Iżakk huwa
Kristu. Abraham feraħ fuq li feraħ meta
refa’ f’idejh lit-tarbija li tant kien ilu jistenna. Bil-Magħmudija aħna mwegħda li għad nerfgħu
lil Ġesù tarbija f’idejna bil-Fidi u bl-għarfien sħiħ ta’ dak li għamel
għalina.
Ġesù waħdu, Hu biss, kapaċi jimla l-vojt li hemm fina
lkoll. Bil-Magħmudija ġejna ngastati
fiH, imdaħħla fiH, mogħtija fiH Ħajja li ma tispiċċa qatt, l-istess natura
tiegħu! Dawn huma l-“kwiekeb” li Alla
jridna nikkontemplaw biex ma nibqgħux mexjin addoċċ, inteftfu mal-ħajt fid-dlam,
mingħajr ċertezza, mingħajr garanzija fejn se naslu.
Salm Responsorjali
Bi Kristu aħna ninsabu fil-Familja ta’ Alla. Hu ħuna; Marija ommna u missierna wieħed hu:
Alla. Min jiskopri dan jaf xi jfisser
il-Ferħ Nisrani. Mhux il-ferħ reliġjuż
imma l-Ferħ Nisrani li hu differenti.
Il-Ferħ li tħossok adottat minn Alla, iben adottat fil-Familja ta’ Alla
bi dritt għall-wirt ta’ dak kollu li għandu Alla. Għandu raġun is-Salmista jifraħ għax ġralu
bħall-“Għaġeb tal-Presepju”, jew aħjar il-Mistagħġeb li tbellah quddiem
il-viżjoni ta’ Ħajja Ġdida li ra tinfetaħ quddiemu bit-twelid ta’ dik
it-tarbija qalb l-annimali. Abraham
induna li b’ibnu Iżakk, ħajtu kienet inbidlet.
Ħafna aktar dik tan-Nisrani li jiskopri l-għana enormi li hemm fi Kristu
għalih! “Ħabirku biex tagħrfu ’l Mulej u
l-qawwa tiegħu; fittxu lil wiċċu l-ħin kollu.”
(S. 105, 4).
It-Tieni Qari
Il-Fidi tagħmel ħwejjeġ kbar, enormi. Il-Fidi tibni Familja. Il-Fidi tagħti l-Ħajja minn ġuf mejjet.
In-nies tal-Fidi raw ħwejjeġ impossibbli jiġru. Il-Fidi qisha xini li fuqu tirkeb u ssallpa
fuq ibħra li fuqhom qatt ma kont mort.
Il-Fidi hija l-Għid, dejjem hija l-Għid.
Abraham u Sarah kienu fid-dlam u ħarġu għad-Dawl. Kienu mejta u raw il-Jum tal-Ħajja meta raw
tarbija f’dirgħajhom. Abraham fi xjuħitu
kien midfun u lest, bħalma mejjet kien Kristu fuq is-Salib. Imma bħal Kristu huwa emmen u ttama kontra
kull tama fil-fedeltà ta’ Alla u ra l-Glorja tal-Qawmien.
Din hi l-Ħajja Nisranija.
Mhix kwistjoni li tobdi għaxar kmandamenti u ma nafx kemm il-mitt
preċett, imma li jkollok din l-esperjenza, anzi iktar minn esperjenza waħda
tal-Misteru tal-Għid. Ikollok esperjenzi
ta’ Alla fidil. Hija din l-esperjenza
midfuna ġo ħobbok li tagħmlek kapaċi tobdi l-Liġi. Biha, mhux mingħajrha. Abraham ġie mogħti Familja ta’ Ġnus mhux għax
kien xi raġel tajjeb iktar minn ħaddieħor, iżda għax ażżarda jemmen li Alla
kien kapaċi jwettaq l-għeġubijiet.
Evanġelju
Il-Bibbja tħobbhom l-ismijiet tan-nies! Dan, għax hi titkellem il-ħin kollu fuq nies,
u dwar l-esperjenza tagħhom ta’ Alla.
Il-Bibbja hi għanja dwar in-nies tal-Fidi li telqu ħajjithom f’idejn
Alla. Ix-xwejjaħ Xmun kien wieħed minn
dawn. Kien jistenna l-faraġ ta’
Iżrael. (Lq. 2, 25). Kien ażżarda jemmen ħaġa tant
glorjuża: li għad jasal jum meta
b’għajnjeh jara l-Messija tal-Mulej!
Ir-raġuni kienet tgħidlu li hu kien iblah, stinat, rasu marbuta, għax
kien ilu li beda jixjieħ. Imma hu emmen
fl-intuwizzjoni li Alla kien poġġielu f’qalbu.
J’Alla jkollna anke aħna intuwizzjoni qaddisa li terfagħlna ħarsitna
lejn il-kwiekeb! Xmun kien jgħix għal
ħaġa waħda: li jsib lil Kristu. Kien
meta tassew li din il-ħaġa dehret impossibbli, li seħħet, biex ikun ċar li
kienet opra ta’ Alla u mhux tal-bniedem.
Kemm Xmun u kemm Anna, li kienet hi ukoll mara ta’ Fidi,
huma nies li d-dinja twarrabhom,
tistkerraħhom, tqarras wiċċha meta tara nies bħalhom. Huma dawn li jaraw l-għeġubijiet li d-dinja
tfittex għalxejn.
Qari I
Wieħed ħiereġ
mill-ġewwieni tiegħek, hu għad jirtek.
Ġen 15, 1-6; 21, 1-3
Qari
mill-Ktieb ta’ Ġenesi
F’dak iż-żmien, ġiet il-kelma tal-Mulej lil
Abram f’dehra u qallu: “La tibżax, Abram! Jiena tarka għalik; ħlasek ikun kbir
ħafna”. U Abram qallu: “Sidi Mulej, x’se tagħtini, għax se nibqa’ bla tfal, u
l-werriet ta’ dari se jkun Eligħeżer ta’ Damasku”. U Abram żied jgħid: “Ara,
int lili ma tajtnix nisel, u qaddej dari se jiritni”. U ara, waslitlu l-kelma
tal-Mulej u qallu: “Ma jirtekx dan, imma wieħed ħiereġ mill-ġewwieni tiegħek,
hu għad jirtek”.
U ħarġu barra u qallu: “Ħares sewwa lejn
is-smewwiet u għodd il-kwiekeb, jekk għandek ħila tgħoddhom”. U żied jgħidlu:
“Hekk għad ikun nislek”. U hu emmen fil-Mulej, u dan għaddhulu b’ġustizzja.
U l-Mulej żar lil Sara bħalma kien qalilha, u
għamel magħha dak li kien wegħedha. U Sara tqalet u wildet iben lil Abraham fi
xjuħitu, fiż-żmien li kien qallu Alla. U Abraham semma ’l ibnu li twelidlu, li
kienet wilditlu Sara, Iżakk.
Il-Kelma
tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 104 (105), 1b-2.3-4.5-6.8-9
R/. (7a.8a): Jaħweh hu Alla tagħna! Jiftakar għal dejjem fil-patt tiegħu
Faħħru l-Mulej u xandru ismu,
għarrfu lill-ġnus bl-għemejjel tiegħu.
Għannulu u doqqulu,
xandru l-għeġubijiet tiegħu kollha. R/.
Ftaħru bl-isem qaddis tiegħu;
tifraħ il-qalb ta’ dawk li jfittxu l-Mulej.
Ħabirku biex tagħrfu l-Mulej u l-qawwa
tiegħu,
fittxu ’l wiċċu l-ħin kollu. R/.
Ftakru fil-ħwejjeġ kbar li għamel,
fl-għeġubijiet u l-ġudizzji tiegħu.
Nisel Abraham, il-qaddej tiegħu,
ulied Ġakobb, il-maħtur tiegħu. R/.
Jiftakar għal dejjem fil-patt tiegħu,
fil-kelma li ta għal elf nisel,
fil-patt li għamel ma’ Abraham,
fil-wegħda li ħalef lil Iżakk. R/.
Qari II
Il-fidi ta’ Abraham, ta’
Sarah u ta’ Iżakk.
Lhud 11, 8.11-12.17-19
Qari
mill-Ittra lil-Lhud
Ħuti, kienet il-fidi li ġagħlet lil Abraham
jobdi s-sejħa ta’ Alla, meta dan qallu biex imur f’art li kien se jagħtih
b’wirt; u telaq, bla ma kien jaf fejn kien sejjer.
Kienet ukoll il-fidi li biha Sarah, mara
mdaħħla fiż-żmien, setgħet titqal, għax hija għarfet li ta’ kelmtu kien dak li
għamlilha l-wegħda. Kien għalhekk li minn bniedem wieħed, li kien tista’ tgħid
mejjet, twieldu nies bil-kotra daqs il-kwiekeb tas-sema u daqs ir-ramel ta’
xatt il-baħar, li ħadd ma jista’ jgħoddu.
Kienet il-fidi li ġagħlet lil Abraham joffri
’l Iżakk meta Alla ġarrbu; u kien se joffri lil ibnu l-waħdieni sewwasew dak li
kien ħa l-wegħdiet, hu li Alla kien qallu: “Minn Iżakk int għad ikollok nisel”.
Huwa fehem li Alla kellu s-setgħa saħansitra li jqajjem mill-mewt; u, fis-sens
ta’ tixbiha, ħadu tabilħaqq lura mill-mewt.
Il-Kelma
tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Lhud 1, 1-2
Hallelujah. R/. Hallelujah
Alla fl-imgħoddi kellem lil missirijietna
ħafna drabi u b’ħafna manjieri permezz
tal-profeti.
Issa f’dan l-aħħar żmien, huwa kellimna
permezz ta’ Ibnu.
R/. Hallelujah
Evanġelju
It-tifel baqa’ jikber u jissaħħaħ,
mimli bil-għerf.
Lq 2, 22-40
Qari
mill-Evanġelju skont San Luqa
Wara li għalqilhom iż-żmien
għall-purifikazzjoni tagħhom skont il-Liġi ta’ Mosè, Marija u Ġużeppi ħadu lil
Ġesù Ġerusalemm biex jippreżentawh lill-Mulej, kif hemm miktub fil-Liġi
tal-Mulej: “Kull tifel li jitwieled l-ewwel, jiġi kkonsagrat lill-Mulej” – u
biex joffru b’sagrifiċċju par gamiem jew żewġ bċieċen, kif jingħad ukoll
fil-Liġi tal-Mulej.
F’Ġerusalemm kien hemm wieħed, jismu Xmun,
raġel ġust u tajjeb, li kien jistenna l-faraġ ta’ Iżrael u li kellu l-Ispirtu
s-Santu fuqu. L-Ispirtu s-Santu kien nebbħu li ma kienx se jara l-mewt qabel ma
jara l-Messija tal-Mulej. Mar mela fit-tempju, imqanqal mill-Ispirtu, u xħin
il-ġenituri daħlu bit-tarbija Ġesù biex jagħmlulu dak li kienet trid il-Liġi,
huwa laqgħu fuq dirgħajh, bierek lil Alla u qal:
“Issa, o Sid, tista’ tħalli l-qaddej tiegħek
imur fis-sliem, skont kelmtek,
għaliex għajnejja raw is-salvazzjoni tiegħek
li int ħejjejt għall-popli kollha,
dawl biex idawwal il-ġnus,
u glorja tal-polpu tiegħek Iżrael”.
Missieru u ommu baqgħu mistagħġba b’dak li
kien qiegħed jingħad fuqu. Xmun berikhom, u qal lil ommu Marija: “Ara, dan se
jġib il-waqgħa u l-qawmien ta’ ħafna f’Iżrael; se jkun sinjal li jmeruh, – u
inti wkoll, sejf jinfidlek ruħek! – biex jinkixfu l-ħsibijiet moħbija fil-qlub
ta’ ħafna”.
Kien hemm ukoll waħda profetissa, Anna, bint
Fanwel, mit-tribù ta’ Aser. Kienet imdaħħla ħafna fiż-żmien; wara xbubitha
kienet għamlet seba’ snin miżżewġa, u mbagħad romlot. Sa ma kellha erbgħa u
tmenin sena ma kienet titwarrab qatt mit-tempju, lejl u nhar taqdi lil Alla
fis-sawm u t-talb. Dak il-ħin stess waslet, u bdiet trodd ħajr lil Alla u
titkellem fuq it-tarbija ma’ dawk kollha li kienu jistennew il-fidwa ta’
Ġerusalemm.
Meta temmew kull ma kellhom jagħmlu skont
il-Liġi tal-Mulej reġgħu lura lejn il-Galilija fil-belt tagħhom ta’ Nazaret. U
t-tifel baqa’ jikber u jissaħħaħ, mimli bl-għerf. U l-grazzja ta’ Alla kienet
fuqu.
Il-Kelma
tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu
Jew
il-forma l-qasira
Evanġelju
It-tifel baqa’ jikber u
jissaħħaħ, mimli bil-għerf.
Lq 2, 22.39-40
Qari
mill-Evanġelju skont San Luqa
Wara li għalqilhom iż-żmien
għall-purifikazzjoni tagħhom skont il-Liġi ta’ Mosè, Marija u Ġużeppi ħadu lil
Ġesù Ġerusalemm biex jippreżentawh lill-Mulej.
Meta temmew kull ma kellhom jagħmlu skont
il-Liġi tal-Mulej reġgħu lura lejn il-Galilija fil-belt tagħhom ta’ Nazaret. U
t-tifel baqa’ jikber u jissaħħaħ, mimli bl-għerf. U l-grazzja ta’ Alla kienet
fuqu.
Il-Kelma
tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu
|