Din hija il-Liturgija tal- Hadd fuq L-Epifanija ( 2021 ) ( Il-Maghmudija tal-Mulej min Gwanni Niccelebraw il-Maghmudija taghna ) bi hsibijiet min Joe Rapa.
Il-Ħadd fuq l-Epifanija niċċelebraw il-Festa
tal-Magħmudija tal-Mulej minn Ġwanni l-Għammiedi fix-xmara Ġordan. Din il-Festa ġġib fi tmiemu iż-Żmien Liturġiku
tal-Milied. Il-Magħmudija tal-Mulej hi
mument ħafna mportanti fil-Missjoni tal-għaġeb li Ġesù intbagħat minn Missieru
biex iwettaq b’risq tagħna. Din
il-Magħmudija fil-Ġordan hi Epifanija oħra tal-Mulej. Għal darb’oħra Kristu hu muri, din id-darba
mill-Missier u anke mill-Ispirtu, lid-dinja bħala Dak l-Imwiegħed li lilu rridu
nisimgħu jekk irridu nkunu ċerti li ninsabu fir-Rieda ta’ Alla. Kristu nnifsu jgħid: “Din hi tabilħaqq ir-rieda ta’
Missieri: li kull min jara lill-Iben u jemmen fih, ikollu l-ħajja ta’ dejjem u
jiena nqajmu mill-imwiet fl-aħħar jum”
(Ġw. 6, 40). Dan hu li
jrid il-Missier minni, minnek, minn kull bniedem, almenu dawk li semgħu bih, li
“rawH”.
Dwar l-Epifanija tal-Maġi, nafu li fiha
Kristu hu muri bħala l-Messija tal-ġnus kollha, dawk li ma kinux jistennewh u
lanqas biss jimmaġinawh. Mhux għal
Iżrael biss imma għal dawn ukoll. Hemm
episodju ieħor li l-Knisja tqisu bħala Epifanija ta’ Kristu, wirja quddiem
id-dinja ta’ Dak li kellu jiġi u din seħħet fit-Tieġ ta’ Kana meta bl-ewwel
għemil tal-għaġeb tiegħu Ġesù beda juri min hu.
Hu jibdel l-ilma f’inbid ġdid, inbid tajjeb immens, l-inbid tal-Festa. Din hi l-Missjoni ta’ Kristu. Hu jixtieq jibdel l-ilma bla togħma, li ħafna
drabi hi Ħajjitna, f’Inbid Ġdid tal-Aħbar it-Tajba li tnissel ferħ f’min
jemminha.
Kristu jbiddel il-Ħajja tagħna billi jiċċara
f’moħħna x’għamel għalina fil-Misteru tal-Għid.
Din hi kwistjoni ta’ Fidi u mhux li tkun taf x’ġara, tkun taf
storja. U l-Fidi hi dejjem Grazzja. “It is
caught not taugħt.” jgħidu l-Ingliżi li għadhom Insara. Quddiem Epifanija rridu nkunu attenti,
nishru, għassa, biex meta tgħaddi l-Grazzja minn quddiemna, il-Grazzja li
titrasforma lil Ħajjitna, aħna naħtfuha.
Noqogħdu għassa permezz tat-Talb, billi nkunu qrib il-Kelma.
Fil-Ġordan, Ġesù ġie muri bħala dak li tbaxxa u sar xejn,
il-Qaddej ta’ JHWH li biex jaħtaf lill-bniedem u jerfgħu ’għax Hu li hu l-Qaddis mar qagħad fil-kjù il fuq niżel
ħdejh. Dan urieh mhux biss għax mar
qagħad fil-kjù tal-midinbin biex juri li Hu ħaġa waħda mal-midneb, imma wkoll
fiżikament niżel fejn ma setax jinżel iktar.
Infatti, il-Ġordan ilebbet ’l isfel
mill-inħawi tal-Muntanja Ħermon fit-tramuntana lejn il-Baħar il-Mejjet
li hu l-iktar imkien baxx fid-dinja, 422 metru taħt il-livell tal-baħar! Dan ifisser li Kristu li kien jgħammar
fil-ogħla tas-smewwiet niżel ’l isfel kemm seta biex hemm jinagħqad
mal-midinbin li ġie jfittex. Kif jgħid
Pawlu lill-Filippin: Hu, li għad li kellu n-natura ta’ Alla, ma
qagħadx ifittex tiegħu li hu daqs Alla, iżda xejjen lilu nnifsu billi ħa
n-natura ta’ lsir; sar jixbah lill-bniedem, u deher minn barra bħala bniedem;
ċekken lilu nnifsu, billi obda sal-mewt, anzi sal-mewt tas-salib. (Fil. 2, 6-8).
Din “in-Niżla” narawha sseħħ ukoll fil-Misteru
tal-Magħmudija tagħna. F’dan
is-Sagrament Kbir li hu l-ikbar Grazzja li l-Missier jista’ jagħtina, naraw
jiġi ngastat fina l-Misteru tal-Għid tal-Mulej li fih Hu jinżel, jinżel sakemm
jixxejjen fuq is-Salib u hemm imejjel rasu u jmut. Imma mill-Mewt, il-Missier joħroġ il-Ħajja
hekk kif fil-bidu tal-Ħolqien Hu mid-dlam ħareġ id-Dawl. Fil-Magħmudija aħna wkoll, taħt xbihat
spiritwali, għamilna niżla profonda fl-ilmijiet fejn imut il-bniedem il-qadim
li bih nitwieldu... imma ma nibqgħux hemm! Bħalma Kristu ma baqax fil-qabar, aħna
nittellgħu mill-ilma ħlejjaq ġodda. Dan
hu l-Misteru tal-Għid: inżul u tlugħ, mewt u Ħajja, jasar u ħelsien.
Dan kollu jibqa’, naturalment, fuq livell
mejjet ta’ teorija, imma f’min irid jieħu l-Ħajja u jsir esperjenza vera matul
il-Ħajja. Dan hu li nfissru meta dejjem
nirrepetu li l-Magħmudija trid timmatura, timxi ’l quddiem, tikber sakemm
tilħaq il-maturità tagħha, dejjem bi Grazzja, xogħol Alla u mhux xogħolna.
Fil-Battisteri antiki tal-Knisja naraw seba’
tarġiet neżlin ’l isfel lejn l-ilma, u seba’ oħra telgħin ’il fuq. Din hi xbiha arkitettonika tal-Ħajja
Nisranija li, wara kollox, hi l-Magħmudija tagħna. Biex il-Magħmudija tagħna timmatura hemm
bżonn li n-Nisrani mgħammed jibda, l-ewwel nett, jiskopru hu min hu. Dan hu li jfissru s-seba’ tarġiet neżlin ’l
isfel. Mhux faċli dan! Huwa l-bniedem li hu qrib Alla li jagħraf li
hu midneb kbir u ma ħaqqu xejn mingħand Alla.
Għalhekk San Pietru
jgħidilna: “Issa tassew qiegħed nifhem li
Alla ma jħares lejn wiċċ ħadd.” (Atti
10, 34). Kulħadd huwa midneb,
imma hemm min dan jafu u skoprih u tqażżeż minnu nnifsu, nidem u kkonverta,
waqt li oħrajn qatt ma jagħrfu huma min huma u jgħaddu ħajjithom kuljum
jippruvaw jiffirmaw ċertifikat ta’ kondotta tajba favur tagħhom infushom. Dawn huma msejkna mhux biss għax huma
ngannati, imma fuq kollox għax ma jduqu qatt is-Sorpriża memorabbli tal-fatt li
Alla jħobb lill-bniedem anke meta hu midneb stinat. Ma jħobbux biex jibqa’ midneb imma jħobbu
biex jibdlu bil-Grazzja, għax id-dnub jieħu lejn il-Mewt ta’ dejjem.
Min jistagħna b’Magħmudija li tkun immaturat
bil-Grazzja ta’ Alla u wkoll bil-koperazzjoni, bl-“Iva!” tal-bniedem, isir
xbiha ta’ Kristu, min ftit, min ħafna, skont il-qjies tal-Fidi, tat-“Talent” li
nkunu ġejna mogħtija. Min jixbah lil
Kristu għandu l-istess missjoni ta’ Sidu: “Jien il-Mulej sejjaħtlek fis-sewwa, qbadtek
minn idek, sawwartek u għamilt minnek patt tal-poplu, dawl għall-ġnus, biex int
tiftaħ għajnejn il-għomja, toħroġ lill-ilsiera mill-ħabs u ’l dawk li hemm
fid-dlam minn dar l-għeluq.” (Is. 42,
6-7). Kemm u kemm drabi seħħet
din il-profezija fil-persuni ta’ Nsara li kienu d-Dawl u l-Melħ u l-Ħmira
tad-dinja! Illum l-Ewropa ma tridx taf
bihom dawn in-nies, hija preġudikata
kontrihom, ma tafhomx, anzi taħseb li huma xi ħaġa l-kontra ta’ dak li
huma. Hi nsiet lil Kristu u għalhekk
tippersegwita lill-Knisja li hi Kristu fid-dinja. Kemm hu qares il-frott li qegħda taħsad! Solitudni, egoiżmu li wasal biex qered
il-fertilità tal-ġens Ewropew, liġijiet li jwaħħxu u li jiddikjaraw tajjeb dak
li hu ħażin u ħażin dak li hu tajjeb. Fejn s’issa kellna persekuzzjoni
“pulita”, daqt nibdew bis-serjetà, u dawk li ma jobdux lill-Istat, ibda mit-tobba,
għalliema eċċ. isibu ruħhom bla xogħol jew anke l-ħabs. L-Ingilterra, koppja Nisranija li taħdem
il-ħelu għaddiet minn martirju fil-qrati Ngliżi fuq kejk li ordnawlhom jagħmlu
bi slogan kontra l-valuri Nsara u li huma rriffjutaw jagħmlu!
Dan kollu Kristu ħabbru ilu, imma jidwi leħnU
wkoll meta jgħid: “Imma xagħra waħda minn raskom ma tintilifx. Jekk tibqgħu sħaħ sal-aħħar issalvaw
ħajjitkom!” (Lq. 21, 18-19).
Il-Liturġija tal-Kelma tal-lum:
QARI I
Ejjew għall-ilma: Isimgħu minni, u ruħkom titpaxxa b’ikel bnin.
Iż 55:1-11
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Iżaija
Hekk jgħid il-Mulej:
“Intom li bikom l-għatx, ejjew għall-ilma;
intom ukoll li m’għandkomx flus.
Ejjew, ixtru u kulu b’xejn,
inbid u ħalib bla ħlas.
Għaliex taħlu fluskom f’dak li mhuwiex ħobż,
u ġidkom f’dak li ma jxebbax?
Isimgħu minni, u tieklu tajjeb,
u ruħkom titpaxxa b’ikel bnin.
Agħtuni widen u ersqu lejja,
isimgħu u tieħdu r-ruħ.
Nagħmel patt magħkom għal dejjem,
biex iseħħu l-favuri mwiegħda lil David.
Ara, jien qegħedtu xhud fost il-ġnus,
prinċep u leġiżlatur fuq il-popli.
Int ġens li ma tafx bih issejjaħ;
ġnus li ma jafukx jiġru lejk,
minħabba fil-Mulej, Alla tiegħek,
il-Qaddis ta’ Iżrael,
għax lilek żejjen bil-ġieħ.
Fittxu l-Mulej sakemm tistgħu ssibuh,
sejħulu sakemm hu fil-qrib!
Ħa jħalli triqtu l-midneb,
u l-bniedem il-ħażin fehmietu;
ħa jerġa’ lura għand il-Mulej u jħenn għalih,
għand Alla tagħna għax hu jaħfer ħafna.
Il-fehmiet tiegħi mhumiex fehmietkom,
u t-triqat tiegħi mhumiex triqatkom, oraklu tal-Mulej.
Għax daqskemm huma ogħla s-smewwiet mill-art,
daqshekk ieħor huma triqati ’l fuq minn triqatkom,
u l-fehmiet tiegħi mill-fehmiet tagħkom.
Bħalma x-xita u s-silġ jinżlu mis-smewwiet,
u ma jerġgħux lura mnejn ġew bla ma jsaqqu l-art,
imma jġegħluha tnissel u tnibbet,
u tagħti ż-żerriegħa ’l min jiżra’ u l-ħobż ’il min jiekol,
hekk jiġri minn kelmti:
hija toħroġ minn fommi,
u ma terġax lura vojta,
imma tagħmel dak li jogħġob lili,
u ttemm dak li nkun bgħattha tagħmel”.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
SALM
RESPONSORJALI
Iż 12:2-3,4bċd,5-6
R/. (3): Kollkom ferħana timlew l-ilma
mill-għejun tas-salvazzjoni.
Alla s-salvazzjoni tiegħi,
jiena nittama u ma jkollix mniex nibża’.
Għax qawwieti u għanjieti hu l-Mulej,
għalija sar is-salvazzjoni. R/.
Roddu ħajr lill-Mulej, sejħu ismu,
għarrfu lill-ġnus bl-għemejjel tiegħu,
xandru li ismu huwa fl-għoli. R/.
Għannu lill-Mulej għax għamel ħwejjeġ kbar;
ħa jkun dan magħruf mal-art kollha.
Aqbeż bil-ferħ, għanni, int li tgħammar f’Sijon,
għax kbir hu f’nofsok il-Qaddis ta’ Iżrael? R/.
QARI II
L-Ispirtu, l-ilma u d-demm.
1 Ġw 5:1-9
Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Ġwann
Appostlu
Ħuti, kull min jemmen li Ġesù hu l-Messija
hu mwieled minn Alla, u kull min iħobb lill-Missier iħobb lil min twieled
minnu. Minn dan nafu li nħobbu lil ulied Alla, meta nħobbu ’l Alla u nagħmlu
l-kmandamenti tiegħu. Għax din hi l-imħabba ta’ Alla, li nżommu l-kmandamenti
tiegħu; u l-kmandamenti tiegħu mhumiex tqal; għax kull min hu mwieled minn Alla
jegħleb lid-dinja. Din hi r-rebħa fuq id-dinja: il-fidi tagħna. Għax min hu dak
li jegħleb lid-dinja, jekk mhux min jemmen li Ġesù hu l-Iben ta’ Alla?
Dan huwa dak li ġie bl-ilma u d-demm, Ġesù
Kristu; mhux bl-ilma biss, iżda bl-ilma u d-demm. U l-Ispirtu hu li jixhed,
għax l-Ispirtu hu l-verità. Tlieta huma dawk li jixhdu: l-Ispirtu, l-ilma u
d-demm, u t-tlieta jaqblu fix-xhieda tagħhom. Jekk aħna nilqgħu x-xhieda
tal-bnedmin, ix-xhieda ta’ Alla hija aqwa; din hija xhieda li Alla jagħti dwar
Ibnu.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
AKKLAMAZZJONI
QABEL L-EVANĠELJU
Ġw 1:29
Hallelujah. R/. Hallelujah.
Ġwanni ra lil Ġesù riesaq lejh, u qal:
“Araw il-Ħaruf ta’ Alla, li jneħħi d-dnub tad-dinja”.
R/. Hallelujah.
EVANĠELJU
Inti ibni l-għażiż; fik sibt l-għaxqa tiegħi.
Mk 1:7-11
Qari
mill-Evanġelju skont San Mark
F’dak
iż-żmien, Ġwanni l-Battista kien ixandar u jgħid: “Ġej warajja min hu aqwa
minni, li jien ma jistħoqqlix nitbaxxa quddiemu u nħoll il-qfieli tal-qorq
tiegħu. Jiena għammidtkom bl-ilma, iżda huwa jgħammidkom bl-Ispirtu s-Santu”.
U
ġara li f’dawk il-jiem ġie Ġesù minn Nazaret tal-Galilija, u tgħammed minn
Ġwanni fil-Ġordan. U minnufih hu u tiela’ mill-ilma ra s-smewwiet jinfetħu, u
l-Ispirtu bħal ħamiema nieżel fuqu; u mis-smewwiet instama’ leħen: “Inti ibni
l-għażiż; fik sibt l-għaxqa tiegħi”.
Il-Kelma tal-Mulej.
Tifħir lilek Kristu.
|