Friday, 05 March 2021
           
Home
IT-TIENI HADD MATUL IS-SENA (2021) IS-SEJHA MERAVILJU{A TA’ ALLA GHALIK PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 16 January 2021

 

Din hija il-Liturgija tat-Tieni Hadd matul is-sena ( 2021 ) bi hsibijiet min Joe Rapa.

sgjk1-2000.jpg

 

Inti li qed taqra dawn il-versi, qed tagħmel hekk għax Kristu jinteressak.  Aħna li jinteressana Kristu għandna nħossuna grati u onorati li ninsabu qalb kotra ta’ aħwa li matul il-ġenerazzjonijiet ħassewhom miġbuda lejH.  Ir-ragħajja inġibdu għax kellimhom anġlu; il-Maġi raw kewkba li xegħelitilhom l-immaġinazzjoni; midinbin u pubblikani inġibdu minn Kliemu kollu mogħdrija; Indrija, wieħed mill-ewwel żewġ dixxipli ta’ Kristu, sema’ lill-Għammiedi jitkellem fuqU; u aħna lkoll għandna l-Istorja tagħna. 

 

Li tkun miġbud lejn Kristu hija Grazzja mogħtija lilek u lili bla ma jistħoqqilna.  Mhux kulħadd jirċievi din il-Grazzja.  Erodi ma rċivihiex.  Oħrajn forsi rċivewha u ma tawx kas.  Mhux għax dawn huma agħar minn dawk li aċċettaw is-Sejħa tal-Mulej, għax fl-aħħar mill-aħħar ħadd ma jistħoqq Grazzja kbira bħal din.  Dan hu Misteru.  Kull bniedem għandu l-libertà tal-għażla għax l-Imħabba ma tisforza lil ħadd.  Ħaġa hi ċerta: lil dawk li laqgħu is-Sejħa ta’ Alla biex jikbru fil-Fidi, Alla tahom din il-Grazzja b’risq l-oħrajn, għax Alla jħobb lil kulħadd l-istess.  Hemm min se jsalva għax laqa’ s-Sejħa, u ħafna oħrajn isalvaw permezz ta’ dawk li laqgħuha.  Għax in-Nisrani hu bħal melħ fil-borma: il-melħ qiegħed hemm b’servizz għall-ikel li hemm jissajjar biex toħroġ it-togħma tiegħu.  Ħadd ma jgħid: kemm hu tajjeb il-melħ;  id-dinja titjieb bl-Insara li jimxu wara Kristu u hekk issalva.

Dari, kienu jaħsbuha b’mod differenti mil-lum dwar is-Sejħa ta’ Alla.  B’xi mod kulħadd kien imsejjaħ għax kulħadd kien jieħu sehem fil-Ħajja liturġika tal-Knisja u kienu jistmaw il-Magħmudija li rċivew.  Imma f’moħħhom kien hemm Sejħat speċjali għas-saċerdozju jew għall-ħajja kkonsagrati f’xi kunvent.  Illum, anke fid-dawl tal-Konċilju, qegħdin nifhmu li hemm ħafna tipi ta’ Sejħat, ilkoll importanti għall-Knisja u għad-dinja.  Jista’ jkun li Alla qed isejjaħlek biex tifforma familja Nisranija, familja li tikber flimkien fil-Fidi, familja li tixxennaq li tkun “Knisja Domestika”, Knisja tad-Dar.  Familja li fiha jitrawmu Sejħat ta’ Alla b’risq il-poplu tiegħU.  Illum qegħdin nindunaw li l-familja hija l-benniena tal-Knisja... tinqered hi, tinqered il-Knisja.

 

Iżda barra dawn is-Sejħat li semmejna, hemm is-“Sejħa” prinċipali li hi l-bażi tas-Sejħat kollha.  Is-Sejħa tiegħi u tiegħek bħala Nsara hi li l-ewwel u qabel kollox nidħlu dejjem iktar fil-Misteru ta’ Ġesù, l-Iben ta’ Alla, Dak li ta Ħajtu biex aħna ngħixu għal dejjem.  Dan hu Misteru li wieħed jista’ jasal biex jifhmu, fil-qjies li jagħtih Alla.  Kollox jiddependi mill-Grazzja ta’ Alla.  San Ġwann tas-Salib, waqt li jikkwota l-Iskrittura, jgħid li fi Kristu, l-Missier tana kollox u ma għadx baqagħlu x’jagħtina iktar.  Forsi aħna noħolmu li nsiru sinjuri, jew li nagħmlu suċċess mill-karriera, jew li nkunu stmati, jew li ma nimirdu qatt u ngħixu sa mitt sena jew aktar...

 

Ikbar minn dawn u minn kull ħaġa oħra huwa r-Rigal il-Kbir li l-Missier tana meta ċeda lil Ibnu biex ikun “il-Ħaruf ta’ Alla”  (Ġw. 1, 35).  Aħna ġejna maħluqa, u iktar u iktar mgħammda, għal għan wieħed li jiddomina kollox, li jagħti sens lil kollox.  Ħafna, ħafna jinsabu fi kriżi għax ma jafux x’sens għandha l-Ħajja u jħossu vojt li ma jistgħu jimlewh b’xejn.  Dan il-vojt li qed iġennen tant nies għandu l-forma ta’ Kristu, l-Iben ta’ Alla, il-Mibgħut għal kull bniedem.  Kristu biss jista’ jimla l-vojt tal-eżistenza tagħna, u la l-flus, la s-saħħa, la l-pjaċiri, la l-affarijiet li huma tajbin u lanqas dawk li huma ħżiena u jagħmlu l-ħsara lil ħaddieħor.  Kristu huwa l-Imħabba ta’ Alla li ġie biex jikkonvinċina li kollox se jispiċċa tajjeb għalina; li anke jekk ġisimna jmut b’mewta naturali, lanqas xagħra waħda ma tintilef ????? 

 

Imma din l-Aħbar tremenda, l-bniedem ma jemminhiex kif ġieb u laħaq.  Għandu katekeżi profonda ġewwa fih li tgħidlu li kollox u kulħadd se jmut u jispiċċa kollox.  Għalhekk aħdem ħa jkollok x’tonfoq, x’tiddeverti u ħallik mit-“tajjeb” u l-“ħażin” għax hawn niġu darba mbagħad daqshekk.  Dan hu mwaħħal ġo moħħna, u anke jekk bosta jgħidu li jemmnu f’Ħajja oħra, huma  jgħixu, bla ma tati tort lil ħadd (!), qisu din il-ħajja biss teżisti.  Huwa dan li jagħmilna mdejqin, għax għalkemm kollox jagħtina gost għall-ewwel, jispiċċa biex jindara malajr u arana nfittxu ħwejjeġ biex intajru l-menti tagħna.

 

Kif jista’ jkun li l-Missier li jħobbna tant, li mingħajr l-Imħabba tiegħu xejn ma fih sens... għax jew kollox inħalaq minn Imħabba enormi jew kollox hu diżastru, tal-biża’... kif jista’ jkun li l-Missier jibqa’ b’idU marbutin quddiem il-bniedem mitluf f’dan l-ispazju ta’ non-sens?  Din is-solitudni tinkiser minn Sejħa li tinfed, bi Grazzja, id-dlam ta’ ġo fina u timbuttana biex nifhmu/nemmnu fil-Misteru ta’ Kristu. 

 

X’inhu dan il-Misteru?  Huwa l-Misteru tas-Salvazzjoni tiegħek u tiegħi.  Huwa l-Misteru tal-Għid li għex l-Iben ta’ Alla biex jaħtafna mill-abbiss tal-ispazju u jpoġġina fi Knisja ħajja fejn inħossu li hu postna, inħossu li bdejna nħobbu u li aħna maħbubn.  L-Imħabba tfejjaq kollox.  Aħna ġejna maħluqin biex nagħrfu lil Kristu u x’għamel għalina, għal kull wieħed minna.  Pawlu minn dan ma kien jaf xejn, imma l-Grazzja, ir-Rigal mogħti b’xejn lilu minn Alla tant ġennu bis-sbuħija tiegħu li ma ried jagħmel xejn aktar b’Ħajtu ħlief li jxandar lil kull bniedem li jiltaqa’ miegħu l-“għaġeb” kbir tal-Misteru ta’ Kristu li hu moħbi imma li jrid jinkixef għalina.

 

Ġwanni l-Għammiedi jxandar lil Kristu bħala l-Ħaruf ta’ Alla.  Din l-espressjoni hija profonda mmens u tiddiskrivi tajjeb il-Misteru ta’ Kristu.  Bid-demm tal-Ħaruf il-Lhud ġew ordnati jċappsu l-blatiet u l-ġnub  tal-bibien tagħhom fl-Eġittu għax il-Mewt kienet se tgħaddi u tħalli ħerba warajha.  Imma d-demm imċappas mal-bibien beżża’ lill-Mewt u hi qabżet kull dar li fiha għammru dawk li emmnu fil-valur tal-prezz li ħallas għalihom il-ħaruf.

 

Dan hu n-Nisrani.  Nistgħu ngħidu ħafna xorti u nsemmu ħafna dommi u preċetti u drawwiet, imma ma jistax ikun hemm Nisrani li ma jemminx fil-valur tad-Demm ta’ Kristu mxerred għalih.  Kristu miet biex jien ngħix!  Kristu miet biex id-Dnub tiegħi, id-Dnub sħiħ ta’ Ħajti kollha, jinħasel minn fuqi.  Kristu miet biex jien nidher “ġust” quddiem il-Missier u niret il-Ħajja ta’ Dejjem għax hemm il-Ħaruf li juri l-pjagi tiegħU lill-Missier b’difiża għalija.

 

Imma dan mhux bil-paroli.  Kif nafu li għandna l-Fidi f’dan kollu?  Għax il-Fidi trid tidher mill-għemil.  Għax nerġa ngħid, lid-dinja mhux lakemm tgħidilha li l-Mewt intrebħet u issa quddiemna għandna t-Triq li tieħu għal Ħajja li ma tispiċċax.  Mhux lakemm temmen id-dinja li teżisti Mħabba meraviljuża bħal din għax hi flaġellata minn piki, għira, vjolenzi, gwerer, qtil, inġustizzji, egoiżmi, kilba għaż-żina u għall-flus...

 

Id-dinja hi mxennqa biex tara l-“Insara” li huma meħlusa mill-biża’ tal-Mewt.  L-iktar Evanġelizzazzjoni efffettiva hi dik tax-xhieda siekta li hi l-frott tal-Preżenza ta’ Kristu fin-Nisrani.  Dan il-bniedem imfejjaq minn ġewwa jista’ jħobb lill-għadu għax Kristu rebaħ il-Mewt ġewwa fih.  Dwar Indri u sieħbu, l-Vanġelu tal-lum jgħid li marru miegħu u raw fejn kien joqgħod u dakinhar baqgħu miegħu.  (Ġw. 1, ????).  U baqgħu miegħU sal-Mewt.  Għaliex?  Għax raw fiH dak li d-dinja tixxennaq li tara llum.

 

Il-Liturġija tal-Kelma tal-lum:


Tkellem, Mulej, għax il-qaddej tiegħek qiegħed jisma’.
1 Sam 3:3b-10,19

Qari mill-Ewwel Ktieb ta’ Samwel

F’dak iż-żmien, Samwel kien mimdud fit-tempju tal-Mulej, fejn kien hemm l-arka ta’ Alla.

Il-Mulej sejjaħ: “Samwel!”. U dan wieġeb: “Hawn jien!”. U mar jiġri għand Għeli. “Hawn jien”, qallu, “għalfejn sejjaħtli?”. “Ma sejjaħtlekx”, wieġeb, “erġa’ mur imtedd”. U raġa’ mar jorqod.

U ssokta l-Mulej isejjaħ: “Samwel!”. U Samwel qam u mar għand Għeli u qallu: “Hawn jien! Għalfejn sejjaħtli?”. “Ma sejjaħtlekx, ibni”, wieġeb, “erġa’ mur orqod”. Samwel kien għadu ma għarafx il-Mulej, u anqas kienet għadha ma ttgħarrfitlu l-kelma tal-Mulej.

U ssokta l-Mulej isejjaħ: “Samwel!” għat-tielet darba. U dan qam, u mar għand Għeli, u qallu: “Hawn jien! Għalfejn sejjaħtli?”. U Għeli fehem li l-Mulej kien qiegħed isejjaħ iż-żagħżugħ. U qal lil Samwel: “Mur orqod. Jekk jerġa’ jsejjaħlek, wieġeb: ‘Tkellem, Mulej, għax il-qaddej tiegħek qiegħed jisma’’”. U Samwel mar jorqod f’postu.

U l-Mulej ġie, waqaf ħdejh, u sejjaħ bħal drabi oħra: “Samwel! Samwel!”. U Samwel wieġeb: “Tkellem, għax il-qaddej tiegħek qiegħed jisma’”.

Samwel kiber, u l-Mulej kien miegħu, u ma ħalla ebda kelma milli qal tmur fix-xejn.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

SALM RESPONSORJALI
Salm 39(40):2,4ab,7-8a,8b-9,10

R/. (8a.9a): Hawn jien, Mulej, ġej nagħmel ir-rieda tiegħek.

Ittamajt b’tama qawwija fil-Mulej;
hu niżel ħdejja u sama’ l-għajta tiegħi.
Qegħedli fuq fommi għanja ġdida,
għanja ta’ tifħir lil Alla tagħna. R/.

Int ma titgħaxxaqx b’sagrifiċċji u offerti;
imma widnejja inti ftaħtli;
ma tlabtnix vittmi tal-ħruq u tat-tpattija.
Imbagħad jien għedt: “Hawn jien, ġej”. R/.

“Fil-bidu tal-ktieb hemm miktub fuqi
li nagħmel ir-rieda tiegħek.
Alla tiegħi, dan jogħġobni;
il-liġi tiegħek ġewwa qalbi”. R/.

Xandart il-ġustizzja f’ġemgħa kbira;
xufftejja ma żammejthomx magħluqa.
Mulej, dan inti tafu. R/.

QARI II
L-iġsma tagħkom huma membri ta’ Kristu.
1 Kor 6:13c-15a,17-20

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin

Ħuti, il-ġisem mhuwiex għaż-żína iżda għall-Mulej, u l-Mulej huwa għall-ġisem. U Alla qajjem il-Mulej u jqajjem lilna wkoll bil-qawwa tiegħu. Ma tafux li l-iġsma tagħkom huma membri ta’ Kristu? Min jingħaqad mal-Mulej hu ruħ waħda miegħu. Aħarbu ż-żína! Kull dnub li wieħed jagħmel hu ’l barra minn ġismu, iżda min jagħmel iż-żína jkun qiegħed jidneb kontra ġismu stess. Jew ma tafux li ġisimkom hu tempju tal-Ispirtu s-Santu, li jinsab jgħammar fikom, li għandkom minn Alla? Ma tafux li intom m’intomx tagħkom infuskom? Bil-għoli kontu mixtrija! Mela agħtu ġieħ lil Alla permezz ta’ ġisimkom.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Ġw 1:41,17b

Hallelujah. R/. Hallelujah.
“Sibna l-Messija”:
il-grazzja u l-verità seħħu permezz tiegħu.
R/. Hallelujah.

EVANĠELJU
Marru u raw fejn kien jgħammar il-Mulej.
Ġw 1:35-42

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

F’dak iż-żmien, Ġwanni kien hemm ma’ tnejn mid-dixxipli tiegħu. Ħares lejn Ġesù li kien għaddej minn hemm, u qal: “Araw il-Ħaruf ta’ Alla”. Iż-żewġ dixxipli semgħuh jgħid dan, u marru wara Ġesù.

Ġesù dar u rahom mexjin warajh, u qalilhom: “Xi tridu?”. Iżda huma staqsewh: “Rabbi” – li tfisser, Mgħallem – “fejn toqgħod?”. Hu weġibhom: “Ejjew u taraw”. U marru miegħu u raw fejn kien joqgħod, u dakinhar baqgħu miegħu. Kien ħabta tal-erbgħa ta’ wara nofsinhar.

Wieħed mit-tnejn li semgħu x’kien qal Ġwanni u marru wara Ġesù kien Indrì, ħu Xmun Pietru. L-ewwel ma għamel mar isib lil ħuh Xmun, u qallu: “Sibna l-Messija” – li tfisser Kristu. U ħadu għand Ġesù. Ġesù ħares lejh u qallu: “Inti Xmun, bin Ġwanni. Inti tissejjaħ Kefa” – jew Pietru.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/.
Tifħir lilek, Kristu.

 
< Prev   Next >