Din hija il-Liturgija tat-Tielet Hadd matul is-sena ( 2021 ) bi hsibijiet min Joe Rapa.
Ninsabu ngħixu fi żmien li jista’ jkun ħafna iktar
diffiċli milli s’issa qegħdin naħsbu.
Din il-pandemija, iktar kemm jgħaddi ż-żmien, qed iġġagħalna naħsbu kemm
kollox hu prekarju, u kemm dak li konna nemmnu li hu ċert u sod, issa ma nafux
x’se jsir minnu. Il-kultura li bnejna
fl-aħħar għexieren ta’ snin, kultura li tpoġġi lill-bniedem fuq il-pedestal ta’
Alla, ħadet skossjatura tal-għaġeb. Minn
xejn ma nistgħu inkunu ċerti ħlief minn Alla, imma din iċ-ċertezza dwar Alla
tiddependi għal kollox mill-Fidi
F’dawn l-aħħar żminijiet poġġejna l-Fidi tagħna fuq
il-kapaċitajiet tal-bniedem li bl-għerf tiegħu u bil-progress hu kapaċi jsolvi
l-problemi kollha. Tant għamel progress
il-bniedem, u dan bil-barka ta’ Alla li hu Sid l-Istorja u Sid il-progress, li
moħħ il-bniedem inqaleb. Dak li qabel
kien ifittex mingħand Alla beda jfittxu mingħand il-bniedem fil-qasam
tat-teknoloġija, tal-mediċina, tax-xjenzi kollha bħall-psikoloġija, ngħidu aħna. Il-bniedem ivvinta ħwejjeġ tal-għaġeb li
għamlet l-eżistenza fuq din l-art ferm aktar komda. Hu veru li l-bniedem sar jaħdem bħal kelb u
ġie magħmul ilsir tal-ekonomija, qisu skurfina f’magna enormi dejjem sejra,
dejjem għaddejja tipproduċi, għax issa sirna nies ta’ uża u armi. L-affarijiet li nixtru huma għal ftit żmien
għax importanti li jkun hemm dejjem domanda għal prodotti dejjem iktar ġodda bi
stili isbaħ biex hekk il-“Magna” tkompli għaddejja.
Ħadd ma għadu jagħti kas ta’ xejn ħlief għal dan. Aħdem, aqla, onfoq. Il-banek u l-ħwienet ilellxu saru t-tempji,
il-knejjes tal-lum, b’dawk li jaħdmu fihom lebsin pulit qishom il-qassisin
moderni f’liturġija ġdida ta’ qima lil alla “Bagħal”. (L-isem
“Bagħal” ifisser “Sid” fil-lingwi semitiċi).
F’daqqa waħda qed nitilfu l-kunfidenza. L-ekonomiji tad-dinja kollha niżlu
għarkupptejhom quddiem il-virus u l-pajjiżi li kellhom l-għana maħżun nefquh
fis-sussidji lill-kumpaniji biex ma jerġax ikollna l-ġuħ li l-Amerika u d-dinja
raw fid-dippressjoni tas-snin tletin.
Kelli nannu li mill-Amerika ġab miegħu ritratt b’daqna sa fuq
sidru. Ħadd ma kien iqaxxarha għax li
tixtri xafra tal-leħja kien ħela.
Anke l-mediċina hi mifxula. Ivvintaw il-vaċċin u ma nafux jekk jaħdimx
jew le, jew kemm-il darba trid tieħdu, jew x’”side-effects” għandu. L-istess reliġjon mhix ċerta jekk dawk li
telqu milli jiġu lejn il-knisja minħabba l-periklu humiex se jiġu lura, meta,
jekk Alla jrid, jgħaddi kollox. Żabra manja għal kulħadd anke għall-istess
Knisja. Fil-qari tal-lum Pawlu jgħid: “Dan
ngħidilkom ħuti: iż-żmien qsar... u s-sura ta’ din id-dinja għad tgħaddi!” (1 Kor. 7, 29w). Min jista’ jmeriħ dan? Jekk xejn qed insiru xi ftit umli u n-numri
li kuljum joħorġu fuq il-meżżi tax-xandir huma bħat-tokki tal-qanpiena l-kbira
tistieden lin-nies għall-konverżjoni.
Imma l-konverżjoni mhix tant faċli. Il-bniedem qed jiskopri kemm nesa’ lil Alla
fi żmien il-ġid. Personalment nistagħġeb
kif Ninwe kkonvertiet f’daqqa meta Ġona xandar “Randan” ta’ erbgħin jum qabel
il-qerda. (Ara l-Ewwel Qari). Jekk
jitfaċċa xi Ġona llum jgħadduh b’miġnun, u jitfgħuh il-ħabs għax qed jallarma
lin-nies. Flok Ġona deher dudu li tawh
ismijiet li ħadd ma jaf x’inhuma ħlief l-ispeċjalisti tal-laboratorji.
Fejn jidħol Alla f’dan kollu? Jidħol ħafna, għalkemm bosta ma jifhmux
l-indħil tiegħU. Jew Alla hu Sid
l-Istorja jew mhu Alla xejn! M’hemmx
fejn iddur... Fittixna l-Ħajja fuq din
l-art u Alla qed jgħidlna li fuq din l-art kollox qiegħed imut, kollox f’ġirja
lejn it-taħsir, il-mard u l-Mewt. “Min
se jeħlisni minn dan il-ġisem tal-mewt?”
(Rum. 7, 24). Din hi
l-għajta tal-bniedem li għandu għajnejh miftuħin. Min “jara” jaf li jinsab f’merħla għaddejja tiġri ppanikkjata
lejn is-sies. Min se jżommilna l-break?
Ħafna jippreferu ma jaħsbux u allura f’din il-kriżi hu
mportanti li nżommu n-nies mehdija bit-television, bil-football, bil-ġugarelli
tas-“social media” u l-bqija. Importanti
li taljena ruħek għax tiġġennen.
Jiġġennen min m’għandux Fidi f’Dak li rebaħ il-Mewt. Hu tajjeb li tieħu l-prekawzjonijiet kollha,
imma ftakar li Missierek hu Sid l-Istorja tiegħek u lilek iħobbok ħafna
ħafna. Kulma jiġri hu għall-ġid
tal-bniedem. Kulma jiġri hu Misteru
dejjem ġdid tal-Għid... dlam li jieħu lejn id-Dawl, dnub li jieħu lejn
il-Maħfra, lejl li jieħu lejn iż-żerniq, luttu lejn il-festa, għatx lejn l-ilma
tal-Ħajja vera.
Imma għad baqa’ għatx fil-bniedem għal Alla wara
kollox? Tgħid drajna mingħajrU? Tgħid drajna npoġġuH fin-niċċa ċkejkna tiegħU
tal-quddiesa tal-Ħadd u ’l barra minn hemm huwa “Bagħal” li jikkmanda kollox?
Tgħid hu tard wisq? Tgħid tgħodd
għalina l-profezija li tgħid: “Ara, għad jiġi żmien, oraklu ta’ Sidi
l-Mulej, meta nibgħat il-ġuħ fuq l-art; mhux il-ġuħ tal-ħobż, lanqas l-għatx
għall-ilma, iżda għas-smigħ tal-kelma tal-Mulej. Jibdew iduru minn baħar għal ieħor, u
jiġġerrew mit-Tramuntana għal-Lvant, ifittxu l-kelma tal-Mulej, u ma
jisibuhiex.” (Għam. 8, 11-12).
Dan hu żmien ta’ konverżjoni. Għax għandi nilgħab b’Ħajti jien, meta hu ċar
li kollox qisu lotterija u malajr jitla’ n-numru tiegħi u jiġru bija ’l hemm?
Il-Liturġija tal-Kelma tal-lum:
QARI I
L-indiema
tan-nies ta’ Ninwè.
Ġona 3:1-5,10
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Ġona
Il-kelma tal-Mulej waslet lil Ġona u qallu:
“Qum, mur f’Ninwè, il-belt il-kbira, u xandrilha li ngħidlek jien”. U Ġona qam
u mar f’Ninwè kif qallu l-Mulej.
Issa Ninwè kienet belt kbira għall-aħħar,
trid tlitt ijiem biex timxiha. Ġona, kif daħal il-belt, beda ġurnata mixi,
ixandar u jgħid: “Erbgħin jum ieħor, u Ninwè ssir ħerba!”.
In-nies ta’ Ninwè emmnu f’Alla, nedew sawma
u libsu l-ixkejjer, mill-kbir saż-żgħir.
U Alla ra x’għamlu, kif reġgħu lura minn
triqthom il-ħażina. U Alla raġa’ bdielu mid-deni li qal li kien se jagħmlilhom,
u ma għamlux.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
SALM
RESPONSORJALI
Salm 24(25):4bċ-5ab,6-7bċ,8-9
R/. (4a): Triqatek, Mulej, għarrafni.
Triqatek, Mulej, għarrafni,
il-mogħdijiet tiegħek għallimni.
Mexxini fis-sewwa tiegħek u għallimni,
għax int Alla tas-salvazzjoni tiegħi. R/.
Ftakar fil-ħniena u t-tjieba tiegħek,
għax huma minn dejjem, Mulej.
Inti tajjeb, Mulej;
ftakar fija skont it-tjieba tiegħek. R/.
Tajjeb
u sewwa l-Mulej;
għalhekk juri triqtu lill-ħatja.
Imexxi l-imsejkna fis-sewwa,
jgħallem lill-fqajrin it-triq tiegħu. R/.
QARI II
Is-sura ta’ din id-dinja għad tgħaddi.
1
Kor 7:29-31
Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu
lill-Korintin
Dan ngħidilkom, ħuti: iż-żmien qsar. Ħa
jkunu, mela, dawk li għandhom mara, bħallikieku ma għandhomx; dawk li jibku,
bħallikieku ma jibkux; dawk li jifirħu, bħallikieku ma jifirħux; dawk li
jixtru, bħallikieku ma għandhom xejn; dawk li jgawdu d-dinja, bħallikieku ma
jgawduhiex; għax is-sura ta’ din id-dinja għad tgħaddi!
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
AKKLAMAZZJONI
QABEL L-EVANĠELJU
Mk 1:15
Hallelujah. R/. Hallelujah.
Iż-żmien huwa mitmum, u s-Saltna ta’ Alla waslet;
indmu u emmnu fl-Evanġelju.
R/. Hallelujah.
EVANĠELJU
Indmu u emmnu fl-Evanġelju.
Mk 1:14-20
Qari mill-Evanġelju skont San Mark
Wara li arrestaw lil Ġwanni, Ġesù mar
il-Galilija jxandar l-Evanġelju ta’ Alla u jgħid: “Iż-żmien huwa mitmum, u
s-Saltna ta’ Alla waslet; indmu u emmnu fl-Evanġelju”.
Waqt li kien għaddej ma’ xatt il-baħar tal-Galilija,
lemaħ lil Xmun u ’l ħuh Indrì qegħdin ikalaw ix-xbiek fil-baħar, għax kienu
sajjieda. U Ġesù qalilhom: “Ejjew warajja, u nagħmel minnkom sajjieda
tal-bnedmin”. U minnufih telqu x-xbiek, u marru warajh.
Wara li mexa ftit ieħor ra lil Ġakbu ta’
Żebedew u lil ħuh Ġwanni fid-dgħajsa qegħdin isewwu x-xbiek, u minnufih
sejħilhom. U huma telqu lil missierhom Żebedew fid-dgħajsa mal-lavranti, u
marru warajh.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.
|