Friday, 05 March 2021
           
Home
IR-RABA’ HADD MATUL IS-SENA (2021) IN-NISRANI HUWA PROFETA BI KRISTU PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 30 January 2021

Din hija il-Liturgija tar-Raba' Hadd matul is-sena ( 2021 ) bi hsibijiet min Joe Rapa.

 jesus-heals-a-possessed-man-.jpg

 

Meta l-Missier tana lil Ibnu Hu tana kollox, tana l-akbar Grazzja li seta’ qatt jagħtina u ma għandux iktar x’jagħtina.  Alla ftaqar minn kollox meta reħa lil Ibnu l-Waħdieni f’idejn il-bnedmin għedewwa biex jagħmlu biH li jridu, bil-għan li l-għotja tiegħU isservi ta’ tpattija, ta’ fidwa, ta’ ħlas għall-jasar tal-bnedmin kollha. 

 

Imma mhux biss dan tana!  Hu għażilna lilna, lili u lilek, anzi flok għażilna... għax m’hemm xejn x’tagħżel fina... Hu predestinana, konna f’moħħu minn qabel ma ħalaq id-dinja, biex jagħtina l-Magħmudija Qaddisa li twaħħadna, tingastana f’Ibnu rebbieħ fuq il-Mewt.  Dan hu tal-għaġeb.  Il-Magħmudija hija l-vera għana tagħna.  Il-ġid u l-pjaċiri u s-suċċess tad-dinja hu rmixk, karfa, għafien, ħdejn l-ilma dejjem ġej tal-Magħmudija adulta ġewwa fina! 

Tiżreġ kemm tiżreġ ix-xemx fid-deżert tal-inkwiet, tal-kriżi, tat-taħbit, tal-mard... tal-Mewt... xejn m’għandu jkiddna la ġewwa fina hemm l-ilma ġieri, frisk, qatt ma jaqta’ tal-Magħmudija Mbierka li rċivejna meta ma konna għamilna l-ebda xejn tajjeb.  Rigal totalment gratis!  Mhix kwistjoni li tgħammidna għax ġejna f’pajjiż fejn jitgħammed kulħadd.  Le!  Il-kontra.  Aħna li konna mmarkati għal ma’ Kristu minn qabel beda ż-żmien, ġejna mwellda, bi pjan ta’ Alla, f’post fejn kellna ninagħtaw il-Magħmudija.  Daqshekk tal-għaġeb huwa dak ir-rit, xi ftit ikkumplikat li ħaduna għalih għand il-Knisja l-ġenituri tagħna.

 

Imma dak in-nhar ma kienx il-bidu u t-tmiem tal-Istorja tal-Magħmudija tagħna.  Inżergħet fina lewża ta’ potenzjal enormi, żerriegħa qaddisa li fiha kien hemm stampat il-Wiċċ jiddi ta’ Kristu.  F’din il-lewża kien hemm midfuna tliet karattri, tliet xbihat, li huma wkoll il-karattri qaddisa ta’ Kristu nnifsu!  Dawn huma l-kwalitajiet ta’ “Profeta”, “Saċerdot” u “Sultan”.  Iktar kemm tikber il-Magħmudija fina, iktar jikbru dawn il-karattri, u joħorġu jidhru minna bla ma nagħmlu xi sforz partikulari aħna.  Meta tikber is-siġra u tilħaq il-milja taż-żmien tagħha, titqal bil-frott b’mod naturali.  M’għandhiex bżonn reklami.  Jħarsu lejha n-nies u jgħidu: “Kemm tagħmel din is-siġra!”  Dan hu n-Nisrani!

 

Il-Liturġija tal-Kelma fl-Ewkaristija ta’ dan il-Ħadd tkellimna fuq Kristu bħala Profeta qawwi, mlibbes b’setgħa u awtorità liema bħalhom, ma jħares lejn wiċċ ħadd, il-Kelma li toħroġ minn fommu hi bħal xabla li taqta’ minn żewġ naħat.  Infatti Hu nnifsu huwa l-Kelma, l-Aħħar Kelma li l-Missier kellu xi jgħid lid-dinja, u din il-Kelma hi AĦBAR TAJBA.  Alla jrid jagħti lilek Aħbar Tajba għal Ħajtek, u tak lil Ibnu.  Fi Kristu hemm il-Ħajja bla tmiem; hemm il-ħelsien mill-jasar tal-inkwiet, tat-tħassib, tan-nuqqas ta’ fiduċja, tad-dnub, tal-egoiżmu.  FiH insiru bnedmin ġodda, nitwieldu mill-ġdid iktar kemm tikber il-Magħmudija ġewwa fina.  FiH insiru Profeti: waħda mill-karattri li rċivejna fil-Magħmudija u li hi mirduma taħt it-terrapien tal-vizzji u d-dnubiet u n-nuqqas ta’ Fidi tagħna.

 

Ġwanni l-Għammiedi huwa x-xempju per eċċellenza tal-“Profeta”.  In-Nisrani hu Ġwanni l-Għammiedi, li mhux il-Messija, imma dak li jħejji l-art għaliH.  Dan wieħed jista’ jagħmlu bla ma biss jiftaħ fommu... fuq ix-xogħol, fil-każin, fit-triq, fil-post tad-divertiment jew passatemp.  In-Nisrani jibda jistagħġeb kif xi wħud jibdew jersqu lejh biex jitkellmu miegħu fuq il-problemi li għandhom u f’qalbu jgħid: dan għaliex?  Lanqas biss jinduna li minnu jkun ħiereġ Dawl imkebbeb f’misteru imma li hu kalamita li tiġbed in-nies.  In-nies tinduna!  Qed nitkellmu fuq Nisrani awtentiku, jiġifieri dak li hu umli għax jaf li hu midneb, u li jekk mhux il-ħabs, dan għax Alla żamm idU fuqu.  Dan il-bniedem jaf kollox lil Alla.  Jaf li kollox hu Grazzja.  Li hu miżerabbli għax ma jiswa għal xejn; bħal fergħa li qatt ma tista’ tagħti l-frott mingħajr l-enerġija ġejja miz-zokk u l-għeruq.  Huwa dan il-bniedem li jistagħġeb bil-meravilja tal-Imħabba ta’ Alla.

 

Aħna lkoll ittimbrati biex f’xi waqt ta’ Ħajjitna nkunu Profeti għal Kristu... inkunu Prekursur tiegħU.  Żakkarija, missier il-Profeta, jgħid għal kull Nisrani “adult”: “U int, tfajjel, tissejjaħ profeta tal-aktar Għoli, għax tmur quddiem il-Mulej biex tħejjilu triqatu u tgħarraf lill-poplu tiegħu bis-salvazzjoni permezz tal-maħfra ta’ dnubiethom, mogħtija mill-qalb ħanina ta’ Alla tagħna, li mill-għoli jiġi jżurna bħax-xemx tielgħa; u jdawwal lil min jinsab fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt.”  (Lq. 1, 76-79).

 

Il-Profeta ma jfejjaq lil ħadd u ma jdawwal lil ħadd.  Ix-Xemx tielgħa wara lejl twil mudlam huwa Kristu u Kristu waħdu.  Huwa Hu l-Waħdieni li rebaħ il-Mewt, li għex il-Misteru tal-Għid għalija u għalik.  Hu biss kapaċi jaqlagħna minn ġol-qabar tan-natura l-qadima li biha twelidna u, permezz tal-Magħmudija msawra tajjeb, jagħtina n-natura tiegħU innifsu!  Imma Hu jridna nkunu dawk li jhejjulu t-Triq.  X’xorti tajba tkun Nisrani!

 

Il-Liturġija tal-Kellma tal-lum:

 

QARI I
Jiena nqajmilhom profeta u nqiegħed kliemi fuq fommu.
Dewt 18:15-20

Qari mill-Ktieb tad-Dewteronomju

Mosè kellem lill-poplu u qal: “Il-Mulej, Alla tiegħek, iqajjimlek profeta bħali minn ġensek, minn fost ħutek; lilu għandkom tisimgħu.

Dan kollu skont ma tlabt inti stess lill-Mulej, Alla tiegħek, fil-Ħoreb f’jum il-laqgħa, meta għedt: ‘Jalla ma nismax aktar leħen il-Mulej, Alla tiegħi, u ma narax aktar dan in-nar iħeġġeġ, ħalli ma mmutx’. U l-Mulej qalli: ‘Sewwa għamlu li tkellmu. Jiena nqajmilhom profeta bħalek, minn fost ħuthom; inqiegħed kliemi fuq fommu, u jħabbrilhom kulma nordnalu. Min ma jagħtix widen għal kliemi li huwa jħabbar f’ismi, jiena nitolbu kont talli jkun naqas. U jekk xi profeta jfettillu jgħid f’ismi ħwejjeġ li ma nkunx qabbadtu jgħid, jew inkella jħabbar f’isem allat oħra, dan il-profeta jkun ħaqqu l-mewt’”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

SALM RESPONSORJALI
Salm 94(95):1-2,6-7,8-9

R/. (8): Mhux li kontu llum tisimgħu leħen il-Mulej,
la twebbsux qalbkom.

Ejjew, ħa nfaħħru bl-hena l-Mulej,
ħa ngħajtu bil-ferħ lill-blata tas-salvazzjoni tagħna!
Nersqu quddiemu b’għana ta’ radd il-ħajr,
ngħannulu b’għajat ta’ ferħ. R/.

Ejjew inqimuh u ninxteħtu quddiemu,
għarkupptejna quddiem il-Mulej li ħalaqna!
Għaliex hu Alla tagħna,
u aħna l-poplu tal-mergħa tiegħu u n-nagħaġ tiegħu. R/.

Mhux li kontu llum tisimgħu leħnu!
“La twebbsux qalbkom bħal f’Meriba,
bħal dakinhar f’Massa, fid-deżert,
meta ġarrbuni u ttantawni missirijietkom,
għalkemm raw dak li jien għamilt”. R/.

QARI II
Ikunu ħsibijietna fil-ħwejjeġ tal-Mulej.
1 Kor 7:32-35

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin

Ħuti, iva, jiena rridkom bla ħsibijiet. Ir-raġel mhux miżżewweġ, ħsiebu fil-ħwejjeġ tal-Mulej, jiġifieri, kif jogħġob lill-Mulej. Min hu miżżewweġ, ħsiebu fil-ħwejjeġ tad-dinja, jiġifieri, kif jogħġob lil martu, u hu mifrud fih innifsu!

Hekk ukoll il-mara mhix miżżewġa u x-xebba ħsiebhom fil-ħwejjeġ tal-Mulej, jiġifieri, biex ikunu qaddisa f’ġisimhom u f’ruħhom. Iżda l-mara miżżewġa ħsiebha fil-ħwejjeġ tad-dinja, jiġifieri, kif togħġob lil żewġha.

Dan qiegħed ngħidhulkom għall-ġid tagħkom, mhux biex inxekkilkom, iżda għall-ġid tagħkom u biex tgħixu marbutin mal-Mulej bla tixrid ta’ moħħ.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Mt 4:16

Hallelujah. R/. Hallelujah.
Il-poplu li kien qiegħed fid-dlam
ra dawl kbir;
dawk li kienu f’art u dell il-mewt
idda dawl għalihom.
R/. Hallelujah.

EVANĠELJU
Kien jgħallimhom bħal wieħed li għandu s-setgħa.
Mk 1:21-28

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

F’dak iż-żmien, Ġesù u d-dixxipli tiegħu daħlu Kafarnahum. Malajr, f’jum is-Sibt, daħal fis-sinagoga u qagħad jgħallem. In-nies baqgħu mistagħġbin bil-mod tat-tagħlim tiegħu, għax beda jgħallimhom bħal wieħed li għandu s-setgħa, u mhux bħall-kittieba.

Mela jkun hemm fis-sinagoga tagħhom raġel bi spirtu ħażin u qabad jgħajjat u jgħid: “Aħna x’għandna x’naqsmu, Ġesù ta’ Nazaret? Ġejt biex teqridna? Jien naf min int: il-Qaddis ta’ Alla!”.

Imma Ġesù kkmandah: “Iskot! Oħroġ minnu!”. Imbagħad l-ispirtu ħażin lir-raġel beda jħabbtu ħafna, għajjat għajta kbira u ħareġ minnu.

U lkoll stagħġbu, u bdew jistaqsu lil xulxin u jgħidu: “Dan x’inhu? X’tagħlim ġdid mogħti bis-setgħa! Sa lill-ispirti ħżiena jikkmanda, u huma joqogħdu għalih!”. U l-fama tiegħu malajr xterdet mal-inħawi kollha tal-Galilija.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

 
< Prev   Next >