Friday, 05 March 2021
           
Home
IL-HAMES HADD MATUL IS-SENA (2021) IS-SALIB GLORJUZ TAT-TBATIJIET TAGHNA PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Sunday, 07 February 2021

Din hija il-Liturgija tal-Hames Hadd matul is-sena ( 2021 ) bi hsibijiet min Joe Rapa.

gesu_jippridka.jpg

 

Kulħadd jaf xi tfisser il-kelma “Misteru”.  “Misteru” huwa xi ħaġa li ħadd ma jista’ jifhimha, jew, almenu, jifhmuha biss xi ftit għorrief wara ħafna studju u tiftix.  Bil-kelma “Misteru”, normalment nirreferu għal dommi jew ħwejjeġ moħbija għal moħħ il-bniedem, imma li jagħmlu sens bid-dawl tal-Fidi.  Alla l-Imbierek irrivelalna Hu min hu meta bagħat lil Ibnu fid-dinja, imma Hu xorta waħda jibqa’ “Misteru” li jiġi  muri lilna biss meta narawH, jekk Alla jrid, wiċċ imb’ wiċċ fil-mija tal-Ħajja, fil-Glorja tas-Sema.

 

Iżda l-Iskrittura tisħaq li hemm “Misteri” li l-Missier jixtieq jirrivelahomlna bid-Dawl tal-Ispirtu s-Santu u permezz ta’ dak li għallem u għamel Ġesù fil-missjoni tiegħU fostna.  San Pawl jitkellem fuq il-“Misteru tas-Salvazzjoni tagħna”.  Il-bniedem li jħalli lil Alla jaħdem fih, jasal biex jifhem is-sens u r-raġuni ta’ dak li jiġrilu fl-Istorja tiegħu; li xejn ma jiġri għal xejn, u li l-Mulej joħroġ il-ġid minn kull sitwazzjoni b’risq il-mixja tagħna lejn il-Ħajja ta’ Dejjem. 

Wieħed mill-misteri l-kbar li l-aktar iħabblu moħħ il-bniedem huwa l-misteru tat-tbatija.  Għaliex hawn tant tbatija fid-dinja?  Għaliex din in-natura tant sabiħa kapaċi tagħti daqqa ta’ ħarta lill-bniedem li tħallih mifni u “tradut”.  Għaliex donnu li d-dubbien iktar idur għall-ħmar il-magħkus u hawn min ibati iktar minn ħaddieħor?  Fil-qari tal-lum, Ġob jitniehed quddiem l-Istorja li messet lilu, u jgħarrex kemm jgħarrex ma jistax isib Dawl li jurih il-verità.  “Xhur fiergħa kienu sehmi, u ljieli dwejjaq messew lili.  Jekk nimtedd ngħid: ‘Meta se nqum?’ u meta nqum, ngħid: “Meta se jidlam?”  (Ġob 7, 3-4).  Dan hu eżempju klassiku ta’ dak li l-mediċina ssejħilha “dippressjoni”, meta xejn ma jibqa’ jinteressak u taqta’ jiesek li se toħroġ minn dan l-għeluq.  Ġob jibqa’ dejjem nieżel ’l isfel sakemm jasal biex jgħid: “Għaliex ma mittx fi ħdan ommi?  Għaliex ma bqajtx fil-ġuf u mitt? (Ġob 3, 11).  Huwa jisħet lill-bniedem li mar jagħti l-aħbar lil missieru li kien twelidlu tifel, għax għajnejh ma jibqgħu jaraw xejn tajjeb u sabiħ.  Kollox bla sens.  Kollox frugħa. 

 

Il-Knisja tippreżentalna dan il-Ktieb ta’ Ġob b’kuraġġ għax fi ħdanha hi tgħożż id-Dawl tal-Ispirtu s-Santu li waħdu biss kapaċi jagħti tweġiba lill-bniedem.  It-tbatija hi dejjem tbatija imma hu tal-għaġeb li l-Missier bagħat lil Ibnu fid-dinja biex isalvaha mingħajr ma jneħħi s-Salib mill-ħajja ta’ kull bniedem.  Iħenn kemm iħenn, ifejjaq kemm ifejjaq u jsabbar kemm isabbar, Hu mexa fuq il-passi tal-bnedmin u daħal fit-tbatija u mar għall-Mewt bħalhom. 

 

Għamel kemm għamel mirakli, kollox baqa’ kif kien fizikament.  Il-bniedem jimrad, kultant kmieni fil-ħajja; jaqbduh id-dwejjaq; iweġġa’; jixjieħ u jmut. Hu ċar li din id-dinja mhix pajjiżna, ma tixirqilniex għax lilna jixirqilna post ferm isbaħ u aħjar fejn Hu jixxuttalna kull demgħa minn għajnejna; ma jkunx hemm iżjed mewt, anqas biki jew għajjat jew tbatija ma jkun hemm iżjed, għax għabu l-ħwejjeġ ta’ qabel.  (Apok. 21, 4).  Dan hu li nixtiequ aħna, imma nfittxu kemm infittxu, u nivvintaw kemm nivvintaw kumditajiet u mediċini, dawn l-affarijiet din id-dinja mhix kapaċi tagħtihomlna.  Din id-dinja hi post  l-imwiet u l-Ktieb ta’ Ġob jagħmel sens fil-Bibbja għax  jurina l-verità dwar il-qagħda tal-bniedem.

 

Allura, min se jeħlisni lili minn dan il-ġisem li jbati u jmut; min se jeħlisni minn dinja li tidħaq bija għax filgħodu ġġenninni bis-sbuħija tax-xemx tiela’, biex filgħaxija nisma’ t-tokki ta’ funeral li jfakkarni...?  Hemm tama?  HEMM, U KIF!  Alla, lili u lilek, tana lil Kristu mhux biex iżidilna l-piż bi kmandamenti ġodda, mhux biex jivvinta xi “reliġjon” ġdida, imma, ħaġa tal-għaġeb, biex jagħti tifsira lit-tbatija u lill-Mewt, b’tali mod li jneħħilhom in-niġġieża!!  Hu tgħabba b’ġisem bħal tagħna biex bil-Misteru tal-Għid li Hu għadda minnu jurina li l-Mewt hi mirbuħa, li s-Salib li kull wieħed minna jġorr hu Glorjuż, jiddi, kollu deheb, għax lilU daħħlu f’ħalq il-Mewt biex juri lid-dinja li hija gidba.  Il-Mewt hija gidba għax ma ttemmx lill-bniedem iżda tiftaħlu l-bieb għall-Glorja vera, il-Ħajja vera li għaliha ġie maħluq.

 

Hemm ħaġa, hemm Misteru, li jekk ma nifhmuhx ma nkunux fhimna min hu Kristu u x’kienet tassew il-missjoni tiegħU.  Dan hu l-Misteru tal-Għid li jiddomina l-Istorja u n-natura.  Ħares madwarek, aqra l-Istorja tad-dinja, l-esperjenza ta’ tant nies, ara l-Aħbarijiet ta’ kuljum anke jekk dawn huma rraportati minn lenti pagana... ara tarax il-Misteru tal-Għid kullimkien.  Jidlam-jisbaħ; xitwa-sajf; żerriegħa midfuna fil-ħamrija-pjanta li tħabbar ħajja ġdida; kriżi-relazzjoni iktar matura.  Kull sitwazzjoni mdallma tressqek lejn żmien aħjar. 

 

Kristu bata, miet... imma qam mill-Mewt.  Dan hu li nżera’ fina fil-Magħmudija.  Bil-Magħmudija aħna sirna parti minn Kristu.  Anke jekk abbandunajtU u Alla biss jaf kemm ilek ma tisma’ quddiesa, li mhi xejn ħlief iċ-ċelebrazzjoni tal-Għid li jiddomina kollox, anke jekk int hekk imbiegħed, int tinsab fi Kristu anke jekk dan int ma temmnux.  Int mitt fi Kristu u qomt rebbieħ fuq il-Mewt miegħU, għax dak li għamel Kristu, wettqu għalik, b’risq tiegħek, f’ismek.  X’ħasra li ngħixu ħajjitna ninkwetaw u nibżgħu minn elf tip ta’ Mewt meta fil-fatt aħna ninsabu ngastati f’Dak li rebaħ il-Mewt u qed jgħix għal dejjem!  Min jemmen hu ħaj; min ma jemminx hu mejjet.  Il-Fidi kollox.  X’jiswa jekk għandek il-miljuni l-bank, wirt li ħallilek xi ħadd bla ma int taf?  X’jiswa li Kristu miet u rxoxta għalik jekk dan int ma tapprezzahx, ma temmnux. 

 

Il-Qaddisin (l-Insara veri), fehmuh tajjeb dan.  F’kull sitwazzjoni li normalment taqta’ qalb il-bniedem huma jaraw il-ġid qiegħed jitnissel.  Mewt-Ħajja.  S. Rosa ta’ Lima kitbet versi stupendi fuq din il-qalba tal-Kristjaneżmu.  “Ħa jkun jaf kulħadd li l-grazzja tiġi wara t-taħbit; ħa jkunu jafu li mingħajr it-toqol tad-dwejjaq, ma jistgħux jitilgħu fuq il-quċċata tal-grazzja; mingħajr is-salib ħadd ma jsib it-triq biex jitla’ s-sema.” 

 

Mingħajr is-Salib li l-Mulej innifsu tana, ħadd minna ma jagħti kas tal-Benefattur veru tagħna u nintilfu nilagħbu bil-ħmerijiet fit-trab tad-dinja.  Mingħajr is-Salib ħadd minna ma jħares ’il fuq lejn il-kwiekeb, imma noqogħdu nikkontemplaw it-tajn.  S. Rosa tkompli: “Jien ħassejt ġo fija bħal qawwa kbira timbuttani lejn nofs il-pjazza biex ngħajjat u ngħid lil kulħadd, kbar u żgħar, nisa u rġiel, hu x’inhu l-istat tagħhom; ngħidilhom: ‘Isimgħuni popli... Kieku tafu kemm ferħ u għaxqa, kemm għana, x’ħaġa kbira hi l-grazzja ta’ Alla!”  Kristu kiseb dan kollu għalina.  Is-Salib li għandek jixprunak biex dan ma titilfux, biex ma taljenax ruħek fuq dinja li qegħda tmut madwarek.  Din hija l-Glorja tas-Salib: hu jirbaħlek il-Ħajja ta’ Dejjem li tibda titgawda minn hawn.

 

Mhux li kien li nemmnu, nerfgħu salibna kuljum, u nimxu warajH.  Jekk nafu ’il fejn sejrin żgur li t-tbatja tiħfief għax ikollha sens kbir għalina.

 

Il-Liturġija tal-Kelma tal-lum:

 

QARI I


Il-ħajja tal-bniedem fuq l-art.
Ġob 7, 1-4.6-7

Qari mill-Ktieb ta’ Ġob

Ġob tkellem u qal:
“Ħajjet il-bniedem mhix forsi xogħol bilfors fuq l-art?
U għomru mhux bħal jiem il-ħaddiem mikri?
Bħalma lsir jixxennaq għad-dell,
u bħalma l-mikri jistenna l-ħlas,
hekk xhur fiergħa kienu sehmi,
u ljieli dwejjaq messew lili.
Jekk nimtedd, ngħid: ‘Meta se nqum?’.
u meta nqum, ngħid: ‘Meta se jidlam?’.
u hekk nixba’ nhewden sa ma jidlam.
Eħfef minn mekkuk għaddew jiemi,
u bla tama ntemmu.
Ftakar li ħajti buffura riħ,
u għajnejja ma jerġgħux jaraw ir-riżq”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI


Salm 146 (147), 1-2.3-4.5-6

R/. (ara 3a): Faħħru l-Mulej, li jfejjaq il-qlub maqsuma

Faħħru l-Mulej, għax tajjeb li tgħanni lil Alla tagħna;
għax ħelu u xieraq it-tifħir tiegħu.
Jibni ’l Ġerusalemm il-Mulej,
jiġma’ l-imxerrdin ta’ Iżrael. R/.

Hu jfejjaq il-qlub maqsuma,
hu jorbot il-ġrieħi tagħhom.
Hu jgħodd in-numru tal-kwiekeb;
kollha jsejħilhom b’isimhom. R/.

Kbir Sidna l-Mulej, u ta’ qawwa kbira;
bla tarf id-dehen tiegħu.
Jerfa’ l-imsejknin il-Mulej,
u jniżżel sal-art il-ħżiena. R/.

QARI II


Ħażin għalija jekk ma nxandarx l-Evanġelju.
1 Kor 9. 16-19.22-23

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin

Ħuti, jekk jiena nxandar l-Evanġelju ma għandix biex niftaħar; jien obbligat nagħmlu dan. Ħażin għalija jekk ma nxandarx l-Evanġelju! Jekk dan nagħmlu minn rajja, ikolli dritt għall-ħlas; imma jekk nagħmlu għax obbligat, dan ifisser li qiegħed nagħmel ix-xogħol li Alla fdali f’idejja. X’inhu mela l-ħlas tiegħi? Li meta nxandar l-Evanġelju, inxandru b’xejn, bla ma nfittex id-dritt li jagħtini l-Evanġelju stess.

Għax għad li ma jiena marbut ma’ ħadd, jien għamilt lili nnifsi lsir ta’ kulħadd biex nirbaħ lil ħafna. Sirt dgħajjef mad-dgħajfin, biex nirbaħ id-dgħajfin. Sirt kollox ma’ kulħadd, biex insalva lil kulħadd. Nagħmel dan kollu minħabba l-Evanġelju biex ikolli sehem minnu.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU


Mt 8, 17

Hallelujah. R/. Hallelujah
Kristu rafa’ fuqu d-dgħufija tagħna,
u tgħabba bil-mard tagħna.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU


Ġesù jfejjaq ħafna morda minn bosta mardiet.
Mk 1, 29-39

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

F’dak iż-żmien, Ġesù u d-dixxipli ħarġu mis-sinagoga u baqgħu sejrin ma’ Ġakbu u Ġwanni għand Xmun u Indrì. Issa omm il-mara ta’ Xmun kienet fis-sodda bid-deni, u malajr qalulu biha. Resaq lejha, qabadha minn idha u qajjimha. U d-deni ħallieha, u bdiet isservihom.

Filgħaxija, imbagħad, fi nżul ix-xemx, ħadulu quddiemu lil dawk kollha li kienu morda jew li kienu maħkuma mix-xitan. U quddiem il-bieb inġabret il-belt bi ħġarha. U fejjaq ħafna morda minn kull xorta ta’ mard, u ħareġ għadd kbir ta’ xjaten li hu ma kienx iħallihom jitkellmu, għax huma kienu jafu min kien.

L-għada filgħodu kmieni, qabel ma żernaq, qam, ħareġ u mar f’post imwarrab u qagħad hemm jitlob. Xmun u sħabu l-oħrajn marru jfittxuh. Kif sabuh, qalulu: “Kulħadd jistaqsi għalik”. U qalilhom: “Ejjew immorru band’oħra, fl-irħula tal-qrib, ħalli nippriedka hemmhekk ukoll, għax għalhekk ħriġt”.

U dar il-Galilija kollha, jippriedka fis-sinagogi tagħhom u joħroġ ix-xjaten.

Il-Kelma tal-Mulej
R/.
Tifħir lilek Kristu

 
< Prev   Next >