Friday, 05 March 2021
           
Home
L-EWWEL HADD TAR-RANDAN (2021) TAQTIGHA BEJN IL-MEWT U L-HAJJA PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 20 February 2021

Din hija il-Liturgija ta' l-ewwel Hadd tar-Randan ( 2021) bi hsibijiet min Joe Rapa.

the_temptation_of_christ_1854.jpg

 

Hu żball kbir jekk inħalltu lill-Kristjaneżmu mar-reliġjonijiet l-oħra, jew inqisuh bħala xi “reliġjon” oħra.  Il-Kristjaneżmu hu bil-bosta iktar minn “reliġjon”.  Hu Aħbar li xxandar li Alla niżel jgħix mal-bniedem f’mument “X” fl-Istorja; li hemm taqtigħa bejn il-Ħajja u l-Mewt u li f’Ġesù Kristu, il-Ħajja għelbet il-Mewt u issa l-bniedem għandu triq miftuħa quddiemu għal Ħajja bla tmiem.

 

Jekk tiftaħ il-Bibbja tinduna b’din it-taqtigħa li tisssemma b’xi mod jew ieħor f’kull paġna.  Illum, fil-bidu tal-vjaġġ tagħna tar-Randan, il-Liturġija tippreżentalna lil Noe u l-familja tiegħu li ħelsu minn ħalq il-Mewt għax Alla kien fidil magħhom u mal-Wegħda li tahom.  Alla  jagħmel patt ma’ Noe, u jġedded dan il-Patt kemm-il darba iktar tard; Patt li se jkun favur il-bniedem fit-taqtigħa tiegħu biex  jgħix, biex jegħleb il-monstru tal-Mewt.  Abraham kien qed jgħix il-“Mewt” meta kellu Ħajtu mfarrka għax ħass li kien falla għal  kollox.  Iżrael għex l-esperjenza tal-Mewt għal sekli sħaħ ta’ jasar fl-Eġittu.  Kemm Abraham u kemm Iżrael raw il-“Jum tal-Mulej”, l-Għid tar-rebħa tal-Ħajja fuq il-Mewt.

 

Din il-ġrajja tal-gwerra bejn il-Mewt u l-Ħajja għad-destin ta’ kull bniedem laħqet l-“apex” tagħha fit-Testment il-Ġdid.  Alla bagħat lil Ibnu li twieled f’dinja mdallma u miġrugħa mill-biża’ tal-Mewt.  Hu ġie biex jerfa’ fuqu l-madmad tal-Mewt li kien ikidd lill-bniedem.  Hu kien jitħassar lill-kotra li kienet tiġri warajh għax fiH kienet tara ħjiel ta’ xi ħadd li kellu setgħa fuq il-Mewt.  Ma kinux jafu li Ħajtu fuq din l-art kienet Mixja iffokata lejn il-Golgotha fejn il-Mewt iltaqgħet mal-Ħajja u belegħtha, iżda l-Ħajja saret il-velenu tal-Mewt għax kienet aqwa minnha, u l-ġebla tal-qabar inqalbet u Kristu ħareġ rebbieħ fuqha, l-ewwel bniedem li ġie lura miċ-ċimiterju.

 

Din it-taqtigħa hija wkoll tagħna, ta’ kull bniedem li jitwieled f’din id-dinja.  Anke aħna lkoll twelidna bil-biża’ tal-Mewt, u dan għadu jsaltan fuqna.  Iżda ġewwa fina hemm miżrugħa żerriegħa ta’ qawwa enormi, iktar minn splużjoni atomika!  Din iż-żerriegħa hija l-Magħmudija li rċivejna ilu, imma li għalkemm hi tant qawwija, għadha ckejkna u midfuna taħt ħafna terrapien.  Din iż-żerriegħa tal-Magħmudija hija r-Rebħa ta’ Kristu fuq il-Mewt, Rebħa midfuna fil-profond ta’ kull wieħed minna.  Allura anke aħna nġorru rebħa fuq l-għadu tagħna.  Ġo fina hemm l-ilma ġieri tal-Magħmudija li jxandrilna: “Int mhux se tmut!  Int għandek b’wirt il-Ħajja ta’ Dejjem!  Mhux int se tiksibha imma kisibha għalik Kristu bil-Misteru tal-Għid tiegħu!”

 

Hemm bżonn inħammlu biex insibu din iż-żerriegħa, biex niskopru l-qawwa tal-Magħmudija tagħna.  Hemm Mixja ’il ġewwa fina, għax il-Ferħ, il-Ħelsien, is-sens tal-Ħajja mhux ’il barra minna jinsabu iżda ġo fina.  Kristu qed jgħammar fina permezz tal-Magħmudija għax biha l-Għid tiegħU, ir-Rebħa tiegħU ġie ingastata fina.  Hu jinsab fina, u bl-istess mod, aħna fiH, aħna l-Ġisem tiegħU, aħna nagħmlu parti mill-Ġisem ta’ Dak li rebaħ il-Mewt.  Mela anke aħna għandna l-Mewt tagħna megħluba.

 

Kull sena r-Randan jiġi biex jgħinna f’dan il-vjaġġ ta’ Ħajja jew Mewt.  Fih innifsu hu xbieha ta’ din iil-Mixja ’il ġewwa fina biex niskopru l-valur bla qjies tal-Magħmudija.  Hemm irridu naslu: li nitwieldu mill-ġdid, kif qal Kristu lil Nikodemu.  Meta l-Magħmudija tikber, għax wara kollox hi proċess, aħna nibdew ninżgħu lill-bniedem il-qadim li twelidna bih, biex nitwieldu għal bniedem ġdid, “Il-Bniedem il-Ġdid”, li jixbah lil Kristu, li hu rebbieħ, bħal Kristu, fuq il-Mewt u dak kollu li jinkwetana, ibeżżagħna, jisirqilna l-fiduċja f’Alla Missierna.  Iseħħ l-Għid fina!  Mid-dlam għad-dawl, mill-Mewt għall-Ħajja, mill-biża’ għall-eżultanza.  Possibbli din il-bidla kollha?  Iva!  Mhux bil-ħila tagħna imma bil-Grazzja ta’ Kristu. 

 

Mhux ta’ b’xejn li fil-Lejl tal-Għid hu mportanti li jkolllna l-Magħmudijiet.  L-Għid hu l-festa tal-Magħmudija, għax il-Magħmudija hi l-Għid li jseħħ fina.  Meta l-Magħmudija ssir bl-immersjoni, is-sinjal ikun iktar ċar u l-ġemgħa preżenti jaraw katekeżi sseħħ quddiemhom.  Bl-“immersjoni” jfisser li t-tarbija, jew l-adult jitniżżel kollu kemm hu taħt l-ilma.  Dejjem hekk kienet issir il-Magħmudija.  Xi jkun qed jiġri?  Dak li tkun qed tara int!  Il-bniedem jinżel taħt l-ilma, sinjal tal-Mewt għan-natura li wiret mingħand il-ġenituri tiegħu, u jitla’ Ħaj, bniedem ġdid, immarkat għal dejjem bl-Għid ta’ Kristu, bir-rebħa tiegħU fuq il-Mewt.

 

Xi Grazzja!  Kemm hi kbira l-ġenerożità ta’ Alla magħna.  Iżda rridu nżommu f’moħħna li ċ-ċerimonja li rċivejna ta’ trabi, hi biss żerriegħa għall-ewwel, li trid tikber permezz tal-Kelma li tnissel il-Fidi, permezz tas-Sagramenti li jsaħħu l-Fidi, u permezz tal-Knisja li tgħinna, tagħmlilna kuraġġ fil-mumenti tqal, hi Ommna u l-Għalliema tagħna.

 

Il-Knisja tatina r-Randan biex tfakkarna f’dan kollu li qed jaħdem fina l-Mulej.  Imma Alla, li hu Mħabba, ma jisforza lil ħadd.  Kulħadd hu ħieles li jqis dan kollu bħala ġawhar, jew jgħaffeġ fuqhom għax iktar  jinteressah il-ġandar tad-dinja.  Int għandek dan il-ħelsien tal-għażla.  Jekk l-intuwizzjoni tiegħek tgħidlek li fil-Magħmudija tiegħek hemm il-Ħajja ta’ Dejjem, li d-dinja ma tafx x’inhi, allura obdi lill-Knisja meta tgħidlek li f’dan iż-żmien għandek bżonn issum, għandek bżonn tiskopri l-ħlewwa tat-Talb, għandek bżonn tħares madwarek, għal darba, u tara nies li għandhom bżonn l-għajnuna u tgħinhom mill-qalb.

 

Fuq kollox għandna bżonn nimxu ’l quddiem fil-Fidi.  Kristu se jgħidilna f’dan il-Ħadd: “Iż-żmien huwa mitmum, u s-Saltna ta’ Alla waslet; indmu u emmnu fl-Evanġelju.”  (Mk. 1, 15).  “Evanġelju” tfisser “Aħbar Tajba”, “Kerigma”.  Liema “AħbarTajba”?  Li l-Mewt hi mirbuħa.  Li hu possibbli titwieled mill-ġdid.  Li dan mhux xogħol tagħna imma rigal mogħti b’xejn (Grazzja) mill-Missier lil dawk li jemmnu f’Ibnu.  Anzi, din il-Grazzja diġa ġiet mogħtija lilna dak in-nhar li nagħqadna mal-Knisja bil-Magħmudija.  Imma rridu nikbru fil-Magħmudija tagħna.  U tgħinna f’dan l-Indiema.  X’inhi l-Indiema?  Li int tobgħod id-dnub; tobgħod it-taħsir li writt minn Adam; tobgħod il-bniedem il-qadim li int illum, u tixxennaq li Kristu jikber fik u jagħmlek “Ġdid”.  Huwa f’dan li jagħmlu sens is-Sawm, it-Talb u l-Karità.

 

Il-Liturġija tal-Kelma tal-lum:

 

QARI I


Alla jeħles lil Noè mid-dulluvju u jagħmel patt miegħu.

Ġen 9:8-15

 

Qari mill-Ktieb tal-Ġenesi

Alla kellem lil Noè u lil uliedu miegħu u qalilhom:

“Arawni, hawn jien se nagħmel il-patt tiegħi magħkom u ma’ nisilkom warajkom; ma’ kull ħliqa ħajja li hemm magħkom, mat-tjur u mal-bhejjem, ma’ kull bhima selvaġġa li hemm magħkom, u mal-bhejjem kollha li ħarġu magħkom mill-arka. Jien nagħmel il-patt tiegħi magħkom, li qatt iżjed ma jinqered, ebda laħam ħaj, bl-ilmijiet tad-dulluvju; u qatt iżjed ma jkun hemm dulluvju biex iħarbat l-art”.

U żied jgħid Alla: “Dan ikun is-sinjal tal-patt li jien qiegħed nagħmel bejni u bejnkom, u bejn kull ħliqa ħajja li hemm magħkom, għall-ġenerazzjonijiet kollha għal dejjem. Inqiegħed il-qaws tiegħi fis-sħab, u jkun sinjal tal-patt bejni u bejn l-art. Meta niġma’ s-sħab fuq l-art u tfeġġ il-qawsalla fis-sħab, jien niftakar fil-patt bejni u bejnkom u bejn kull ruħ ħajja f’kull laħam; u ma jkunx hemm iżjed l-ilma tad-dilluvju biex jeqred kull laħam ħaj”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

SALM RESPONSORJALI


Salm 24(25):4-5ab,6-7bċ,8-9

 

R/. (10): Il-mogħdijiet tal-Mulej kollhom tjieba u fedeltà.

Triqatek, Mulej, għarrafni,
il-mogħdijiet tiegħek għallimni.
Mexxini fis-sewwa tiegħek u għallimni,
għax int Alla tas-salvazzjoni tiegħi. R/.

Ftakar fil-ħniena u t-tjieba tiegħek,
għax huma minn dejjem, Mulej.
Inti tajjeb, Mulej;
ftakar fija skont it-tjieba tiegħek. R/.

Tajjeb u sewwa l-Mulej;
għalhekk juri triqtu lill-ħatja.
Imexxi l-imsejkna fis-sewwa,
jgħallem lill-fqajrin it-triq tiegħu. R/.

QARI II


L-ilma tal-magħmudija jsalva lilkom ukoll.

1 Piet 3:18-22

 

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pietru Appostlu

Għeżież, Kristu wkoll miet darba għal dejjem minħabba d-dnubiet; hu li kien ġust, miet għall-inġusti biex iressaqkom lejn Alla; kien mogħti l-mewt fil-ġisem, imma ħa l-ħajja fl-ispirtu, li bih mar ixandar is-salvazzjoni lill-erwieħ li kienu magħluqa fil-ħabs. Dawn kienu l-erwieħ ta’ dawk li darba ma ridux jisimgħu, meta Alla qagħad jistenna bis-sabar fiż-żmien li Noè kien jibni l-arka. Ftit, jiġifieri tmienja biss, salvaw bis-saħħa tal-ilma. Dan l-ilma huwa tixbiha tal-magħmudija, li issa ssalva lilkom ukoll. Mhux għax tnaddaf il-ħmieġ tal-ġisem, imma għax hi talba lil Alla ħierġa minn kuxjenza safja bis-saħħa tal-qawmien ta’ Ġesù Kristu, li tela’ s-sema u qiegħed fuq il-lemin ta’ Alla u għandu taħtu s-Setgħat u l-Qawwiet tal-anġli.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU

Mt 4:4b

 

Glorja u tifħir lilek, Kristu!
Il-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix,
iżda b’kull kelma li toħroġ minn fomm Alla.
R/. Glorja u tifħir lilek, Kristu!

EVANĠELJU

Kien imġarrab mix-xitan, u l-anġli kienu jaqduh.

Mk 1:12-15

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

F’dak iż-żmien, l-Ispirtu ħareġ lil Ġesù fid-deżert. U baqa’ fid-deżert erbgħin jum, jiġġarrab mix-Xitan. Kien jgħix mal-bhejjem selvaġġi, u kienu jaqduh l-anġli. Wara li arrestaw lil Ġwanni, Ġesù mar il-Galilija jxandar l-Evanġelju ta’ Alla u jgħid: “Iż-żmien huwa mitmum, u s-Saltna ta’ Alla waslet; indmu u emmnu fl-Evanġelju”.


Il-Kelma tal-Mulej
R/.
Tifħir lilek Kristu

Last Updated ( Saturday, 20 February 2021 )
 
< Prev   Next >