Din hija il-Liturgija tat-tieni Hadd tar-Randan ( 2021) bi hsibijiet min Joe Rapa.
|
Fl-Antifona tad-Dħul, li diżgrazzjatament hi
maqbuża minn ħafna Presbiteri li
jippresjiedu l-Liturġija tal-Ewkaristija, f’dan it-Tieni Ħadd tar-Randan
hi meħuda minn Salm 26 u tgħid: “Ejja”,
għidt f’qalbi, “fittex ’il wiċċu.” Jiena
wiċċek infittex, Mulej; la taħbix wiċċek minni.” (S. 26, 8-9).
Tfittex wiċċ il-Mulej hu li ssir tafu mill-qrib; issir tafu
fl-esperjenza, meta tassew ikollok bżonnU; u tagħraf ukoll int min int, tagħraf
il-fond tad-dgħufija tiegħek quddiem il-misteri tal-Ħajja u tal-Istorja. Din l-imbuttatura lejn Alla li ħass
is-Salmista hi komuni għal kull bniedem.
Xi darba jew oħra, lkoll inħossu li hemm leħen fil-profond tagħna
jsejħilna biex inħallu l-pjanijiet tagħna li dejjem se jwassluna lejn
in-nonsens, u nintelqu fil-filjolanza
tal-Missier, fejn hu postna, wara kollox.
Nerħu fil-ġenb ir-raġuni, dak li dejjem ħolom moħħna, u nsiru wlied
Alla; nerħu kollox f’idejH għax hu jħobbna u Hu jaf x’inhu l-aħjar f’kull ċirkostanza.
Ħafna din l-istedina ma jagħtux kasha u
jintelqu mal-merħla ġerrejja. Il-bniedem
tal-lum hu l-iktar wieħed li qed jirnexxilu joħnoq il-leħen ta’ Alla ġewwa fih
u dan wassal għall-ħolqien tal-ideja ta’ “Bniedem-Alla”. Din mhix xi teorija ’l bogħod minna,
tafux. Waħda mit-tentazzjonijiet ta’
Kristu kienet kontra l-Istorja li fassallu l-Missier. It-tentazzjoni tar-raġuni li tgħidlek biex
taħseb għal rasek u ma tafdax f’Alla għax ma tafx biex se joħroġlok. Il-bniedem pagan, u anke l-bniedem tal-Knisja
għandhom it-tnejn problema simili. Ma
jafux x’inhi l-Iskrittura. Hi kurjuża
kif Kristu jwieġeb għal kull tentazzjoni bl-Iskirttura u mhux bir-raġuni jew
Kliem ivvintat dak il-ħin. Tliet
tentazzjonijiet – tliet tweġibiet mill-Bibbja.
Imma hemm ħaġa enormi taħdem favur Alla
fit-taqbida ma’ satana għal ruħ il-bniedem.
Alla hu l-Verità, u kull darba li l-bniedem ifittex is-sens, il-Verità
band’oħra, dejjem, dejjem jibqa’ vojt, dipress, għax id-dnub joqtol
tassew. Ħafna jinkwetaw għax jgħidu li l-Knisja
tinsab fi kriżi, billi hekk jgħidu l-istatistiċi tal-bnedmin. Kif tista’ l-Knisja qatt tkun fi kriżi, meta
hi l-Ġisem mistiku ta’ Dak li rebaħ il-Mewt.
Fil-Knisja biss hemm ir-rebħa fuq l-ikbar għadu li għandu
l-bniedem. Mhux il-Knisja li hi fi kriżi
imma l-bniedem tal-lum. Dawk li “huma”
fil-Knisja tassew; li jafu li fihom jgħammar Kristu u huma parti minn Ġismu
bil-Magħmudija ħajja li għandhom, dawn jafu li huma maħbubin għax huma wlied u
mhux qaddejja. Huma wlied is-Sultan u
dan jgħarfuh tajjeb waqt it-Talb. Dawn
jinagħtaw għajnejn “ċirkonċiżi” li jaraw dak li ħaddieħor ma jarax. Għajnejn trasfigurati! (Ara l-Vanġelu tal-lum). Jaraw is-sbuħija
fejn ħaddieħor ma jara xejn u jibqa’ għaddej, moħħu jħammem fuq il-ġandar
tal-art.
Għajnejn trasfigurati, mibdula, “jaraw”
il-Wegħda li Alla jagħmel u li ħafna ma jintebħux biha. Noe inagħta l-Wegħda tal-Ħajja li ma tiġix
meqruda; Abraham tbellah quddiem
l-għaġeb li wegħdu Alla li hu, bniedem sterili daqs id-deżert, li dejjem għex
milwi tnejn b’għajnejh iħarsu lejn it-trab tal-art, kien se jnissel ulied iktar
mill-kwiekeb tas-sema! Iżrael, ilsir
taħt l-ikbar setgħa dak iż-żmien, hu
mġiegħel minn Alla joħlom b’Art fejn isib lesti għalih “bliet kbar u sbieħ li int ma bnejtx int; u
djar mimlija b’kull ġid li ma ħżintx int; bjar imħaffrin, li ma ħaffirthomx
int; dwieli u żebbuġ li ma ħawwilthomx int; u tiekol u tixba’.” (Dewt. 6, 10-11). Kull min sab lil Alla, sab Wegħda
“impossibbli”, “għax għal Alla m’hemm
xejn li ma jistax isir” (Lq. 1, 37),
semgħet Marija minn fomm l-Anġlu.
Imma dan x’għandu x’jaqsam man-Nisrani,
miegħi u miegħek li qed ngħixu llum f’nofs din il-pandemija, f’kultura fejn
l-Insara qed isiru dejjem aktar minoranza mġenba? X’għandhom x’jaqsmu l-Wegħdi mogħtija lil
Abraham jew lil Iżrael mal-problemi tagħna... min għadu kif tilef ix-xogħol,
min hu mwerwer mill-virus magħluq ġewwa, inkwiet fil-familji, djun
x’jitħallsu... ?
Kull ma hemm miktub fil-Bibbja jkellimna fuq
il-Ħajja ta’ Dejjem. Din hi l-Wegħda ta’
Alla fi Kristu. Nafu x’inhi? Mhix il-Ġenna biss! Mhix xi rigal wara l-Mewt għax tkun batejt
hawn, kellek xorti ħażina hawn, il-Ħajja għaffġitek hawn u allura l-bniedem
jittama għal “wara”. Il-Ħajja ta’ Dejjem
hi aqwa minn hekk. Tibda ġa minn
hawn! Fid-dinja, madwarna, hawn, f’din
il-“Ħajja”, hawn nies “mejtin” u oħrajn “ħajjin”. Min sab lil Kristu hu “Ħaj”! Anke hu jsir rebbieħ fuq il-Mewt. Din il-Grazzja trid tgħixha biex tifhimha
għax hi misteru. “Għax Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-Waħdieni, biex kull min
jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-ħajja ta’ dejjem.” (Ġw. 3, 16).
Din hi l-Wegħda li hi tiegħi u tiegħek bħalma l-Wegħda ta’ Iżakk
kienet ta’ Abraham. Ġwanni jgħid
għall-Insara: “Aħna nafu li għaddejna
mill-mewt għall-ħajja; dan nafuh għax inħobbu lil ħutna.” (1 Ġw. 3, 14). Il-Wegħda ta’ Alla sseħħ minn hawn u
mportanti li sseħħ hawn biex inkunu Sinjal għal tant nies li tilfu l-Fidi u
għandhom bżonn jaraw Tama f’Ħajjithom.
Id-dinja għandha bżonn tara Nsara vera li huma Dawl għax il-problemi u
d-disfatti u l-persekuzzjonijiet ma joqtluhomx għax huma ġa qegħdin fil-Ħajja
għal dejjem. U dan mhux għax huma bravi,
jew aħjar minn ħaddieħor. Il-Grazzja hi
dejjem “gratis”, b’xejn, bla ma tkun mistħoqqa.
Iżda llum għandna rakkont li jidher totalment
negattiv, li jaħsadna, li ma jixhidx għal Alla tal-Grazzja, tal-Wegħda, li
jagħti kollox b’xejn. Lil Abraham Alla
poġġih f’qagħda li ma narawx iżjed bħalha fl-Istorja tas-Salvazzjoni, ħlief fi
Kristu. Nistagħġbu kif dan il-bneidem,
dan il-missier, ma ġġenninx fit-taqbida li kellu bejn ir-raġuni u l-Fidi f’Dak
li mill-ġuf mejjet ta’ martu ħareġ il-Ħajja.
Dan kien tassew “il-lejl tal-Fidi” għal dan ir-raġel li qatt ma ħolom li
kienu se jibqgħu jitkellmu fuqu ħamest elef sena wara.
Il-verità kienet li Abraham kien ġa ġie
“trasfigurat” mill-Fidi mibnija fuq l-esperjenza, fuq l-Istorja tiegħu. Aħna mimlijin dubji, issa “ijwa” u mbagħad
“le”, titubanti, sieq ’l hawn u sieq ’l hemm, ma nifhmux lil Alla li jitlob
tant minn Abraham. Imma iktar kemm
tikber il-Fidi, iktar jaqgħu l-atteġġjamenti ta’ dari, bħall-weraq niexef li
jkun għadda żmienu u li jaqa’ maż-żiffa tar-riħ. Abraham, u anke n-Nisrani li fih
il-Magħmudija laħqet il-milja tagħha, jafu ħaġa waħda: Alla hu Qaddis; Alla hu
Mħabba; Alla jżomm Kelmtu; Hu jista’ kollox;
Hu ma jqarraqx. Abraham fehem li Alla kellu s-setgħa
saħansitra li jqajjem mill-mewt; u, fis-sens tat-tixbiha, ħa lil ibnu tabilħaqq
lura mill-mewt. (Lhud 11, 19).
Il-mixja tal-Magħmudija tagħna hija proċess
ta’ “Trasfigurazzjoni” qajla qajl għax Alla hu mimli mogħdrija u sensittiv
immens għad-dgħufijat tagħna. Fuq
it-Tabor, l-appostli ġarrbu għal ftit mumenti l-Ħajja ta’ Dejjem li tibda minn
hawn. Huma raw dak li umanament ma
setgħux jaraw. Għajnejhom ġew
“trasfigurati”, spiritwalizzati, u raw dak li kien hemm moħbi taħt laħam
Kristu, taħt in-natura umana tiegħU.
Huwa minħabba f’hekk li l-bniedem tal-Fidi jwettaq għemejjel li jbeżżgħu
lil ħaddieħor. Għax, wara kollox: Jekk Alla hu magħna, min jista’ jkun kontra
tagħna? (Rum. 8, 31).
Il-Liturġija tal-Kelma tal-lum:
QARI I
Is-sagrifiċċju ta’ missierna Abraham.
Ġen 22:1-2,9a,10-13,15-18
Qari mill-Ktieb
tal-Ġenesi
F’dak iż-żmien, Alla
ried iġarrab lil Abraham u qallu: “Abraham!”. U hu wieġbu: “Hawn jien!”.
U qallu: “Aqbad lil
ibnek il-waħdieni, li inti tħobb, lil Iżakk; u mur lejn l-art ta’ Morija, u
hemm offrih b’sagrifiċċju tal-ħruq fuq waħda mill-għoljiet li jien se
ngħidlek”. U waslu fil-post li kien semmielu Alla. U Abraham medd idu u qabad
is-sikkina biex joqtol lil ibnu. U sejjaħlu l-anġlu tal-Mulej mis-smewwiet u
qallu: “Abraham, Abraham!”. U dan wieġbu: “Hawn jien”. U qallu: “La tmiddx idek
fuq iż-żagħżugħ u tagħmillu ebda ħsara; għax issa naf li inti tibża’ minn Alla,
u ma ċaħħadtnix minn ibnek il-waħdieni”.
U Abraham rafa’
għajnejh, ta ħarsa madwaru, u ra muntun warajh maqbud minn qrunu fil-friegħi. U
Abraham mar u qabad il-muntun, u offrieh b’sagrifiċċju tal-ħruq minflok ibnu. U
għat-tieni darba l-anġlu tal-Mulej sejjaħ lil Abraham mis-smewwiet u qallu:
“Naħlef fuq ruħi – oraklu tal-Mulej – ladarba int għamilt ħaġa bħal din, u ma
ċaħħadtnix minn ibnek il-waħdieni, jien inbierkek żgur u nkattarlek sewwa lil
nislek bħall-kwiekeb tas-sema u bħar-ramel f’xatt il-baħar; u nislek għad jiret
bwieb l-għedewwa tiegħu. U jitbierku b’nislek il-ġnus kollha tal-art talli smajt minn
kelmti”.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
SALM RESPONSORJALI
Salm 115(116):10,15-19
R/. (9): Jien nimxi
quddiem il-Mulej f’art il-ħajjin.
Bqajt nemmen, imqar
meta għedt:
“Jien imdejjaq ħafna!”.
Għażiża f’għajnejn il-Mulej
hi l-mewt tal-ħbieb tiegħu. R/.
Iva, Mulej, jien
qaddej tiegħek,
jien qaddej tiegħek, bin il-qaddejja tiegħek.
Int ħallejtli l-irbit tiegħi.
Lilek noffri sagrifiċċju ta’ radd il-ħajr,
u isem il-Mulej insejjaħ. R/.
Intemm lill-Mulej
il-wegħdiet tiegħi,
quddiem il-poplu tiegħu kollu,
fil-btieħi ta’ dar il-Mulej,
ġo nofsok, Ġerusalemm! R/.
QARI II
Alla lanqas lil ibnu stess ma ħafirha.
Rum 8:31b-34
Qari mill-Ittra ta’
San Pawl Appostlu lir-Rumani
Ħuti, jekk Alla hu
magħna min jista’ jkun kontra tagħna? Hu, li lanqas lil Ibnu stess ma ħafirha,
imma tah għalina lkoll, kif ma jagħtiniex ukoll kollox miegħu? Min se jakkuża
l-magħżulin ta’ Alla? Alla stess hu dak li jiġġustifikahom. Min se
jikkundannahom? Kristu Ġesù li miet, jew aħjar, li qam mill-imwiet, jinsab fuq
il-lemin ta’ Alla, hu li jidħol għalina.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
ara Mk 9:7
Glorja u tifħir lilek, Kristu!
Minn ġos-sħaba kollha dawl instama’ leħen il-Missier jgħid:
“Dan hu Ibni l-għażiż, li fih sibt l-għaxqa tiegħi, isimgħu lilu”.
R/. Glorja u tifħir lilek, Kristu!
EVANĠELJU
Dan hu Ibni l-għażiż.
Mk 9:2-10
Qari mill-Evanġelju skont San Mark
F’dak iż-żmien, Ġesù ħa miegħu lil Pietru u lil Ġakbu u lil
Ġwanni, tellagħhom weħidhom fuq muntanja għolja, u tbiddel quddiemhom. Ilbiesu
sar abjad u jgħammex b’dija tal-għaġeb: ebda ħassiel fid-dinja ma jista’ jġib
il-ħwejjeġ bojod daqshekk. U dehrilhom Elija ma’ Mosè, jitkellmu ma’ Ġesù.
Qabad Pietru u qal lil Ġesù: “Mgħallem, kemm hu sew li aħna
hawn! Ħa ntellgħu tliet tined, waħda għalik, waħda għal Mosè, u waħda għal
Elija”. Dan qalu għax ma kienx jaf x’jaqbad jgħid bil-biża’ kbir li waqa’ fuqhom.
Imbagħad ġiet sħaba u għattiethom, u minn ġos-sħaba nstama’
leħen jgħid: “Dan hu Ibni l-għażiż, isimgħu lilu”. Minnufih taw ħarsa
madwarhom, u ma raw lil ħadd iżjed magħhom ħlief lil Ġesù waħdu.
Huma u neżlin minn fuq il-muntanja, tahom ordni biex ma
jitkellmu ma’ ħadd fuq li kienu raw qabel ma Bin il-bniedem ikun qam
mill-imwiet. Huma żammew kollox moħbi, iżda bdew jistaqsu lil xulxin x’kien
ifisser tqum mill-imwiet.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir
lilek, Kristu.
|