Monday, 12 April 2021
           
Home
IT-TIELET HADD TAR-RANDAN (2021) ID-DGHUFIJA TAL-BNIEDEM QUDDIEM IL-LI I TAL-QDUSIJA PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Sunday, 07 March 2021

Din hija il-Liturgija tat-tielet Hadd tar-Randan ( 2021) bi hsibijiet min Joe Rapa.

gesu_u_l_bejjiegha_tat_tempju.jpeg

 

Fil-Ħdud tar-Randan li għaddew, aħna rajna kif Alla daħal f’Patt mal-bniedem, Patt ta’ Salvazzjoni mill-waqgħa katastrofika li fiha sab ruħu minħabba d-dnub li nsibu f’Kap. 3 tal-Ġenesi.  Dan il-Patt hu ta’ Alla, u mhux tal-bniedem, għax il-bniedem hu bla saħħa biex jidħol f’xi Patt ma’ Alla.  Din il-ħidma ta’ Alla kellha terġa’ ġġib lura lill-bniedem lejn l-oriġini tiegħu, oriġini ta’ qdusija, ubbidjenza u fedeltà lejn Alla.  Xi jfisser dan fil-konkret?  Xi tfisser  il-Qdusija?  Xi jfisser tkun salvat minn Alla?

 

Żmien ir-Randan hu żmien il-mistoqsijiet, u l-mistoqsijiet jagħmilhom min jieħu dan iż-żmien bis-serjetà u bis-sinċerità.  Il-Kelma tal-Ewkaristija tal-lum se turina xi jfisser tkun qaddis, tkun bniedem ta’ Alla, bniedem li fih il-Patt ikun inħadem sa fil-milja tiegħu.  Dan se jgħidulna b’mod sempliċi l-Ewwel Qari meħud mill-Eżodu.  Lil Iżrael, Alla jagħtih stampa ċara tal-Qdusija, tal-Ħajja vera, meta lil Mosè għaddielu dawk li aħna nsejħulhom “L-Għaxar Kmandamenti” fuq il-Muntanja Sinaj.  Lilna għallmuhomlna meta konna żgħar, u forsi huma l-aktar parti mill-Iskrittura li aħna familjari magħha.

Dawn l-Għaxar Kmandamenti l-Lhud ma jsejħulhomx “Kmandamenti” iżda “L-Għaxar Kelmiet tal-Ħajja”.  Huma r-ritratt tal-bniedem tassew “Ħaj”.  Obdihom l-Għaxra u tkun Qaddis, tkun “Ħaj” tassew, tkun ħabib ta’ Alla.  Imma għandna problema, u kbira wkoll.  Skont San Pawl, l-ebda bniedem mhu kapaċi jobdi dawn l-Għaxar Kmandamenti.  Il-Lhud huma għorrief iktar minnha meta tawhom l-isem tal-“Għaxar Kelmiet tal-Ħajja”.  Huma kmandamenti fis-sens li huma ndispensabbli.  Ma tistax tkun “Ħaj” tassew skont Alla jekk ma tkunx f’ubbidjenza lejhom kollha.  Huma ndispensabbli iktar milli huma ordnijiet fis-sens legalista tagħna, n-nies tal-punent.  San Pawl jażżarda jgħid li l-Liġi Alla tahielna biex jurina li aħna midinbin, bla saħħa li nobduha, biex jikkonvinċina li għandna bżonn lil Xi Ħadd ieħor li jaqbadna minn idejna u jġebbidna ’l barra lejn il-Ħajja vera, lejn il-Ħelsien.  “Nafu li kulma tgħid il-Liġi, tgħidu sabiex kulħadd jagħlaq ħalqu u d-dinja kollha tidher ħatja quddiem Alla.  Għalhekk quddiem Alla ħadd ma hu ġġustifikat bl-opri tal-Liġi; għax il-Liġi sservi biex tgħarrafna d-dnub.  (Rum. 3, 19-20).  Dan ifisser li ħadd, l-ebda maħluq mhu kapaċi jobdi l-Liġi u jsalva permezz ta’ din l-ubbidjenza.  Ħafna huma ngannati għax jaħsbu li huma jobdu l-Liġi.  Dak li mar jiġri quddiem Ġesù u staqsiH x’għandu jagħmel biex ikollu l-Ħajja ta’ Dejjem, Ġesù, biex jittestjah u jara biex se joħroġ, qallu: “Jekk int trid tidħol fil-ħajja, ħares il-kmandamenti.”  (Mt. 19, 17).  Ir-raġel, ċert minnu nnifsu, wieġeb: “Jien dan kollu ħaristu; x’jonqosni iżjed?”  (Mt. 19, 20).  Kien qed imieri l-Liġi bla ma nduna għax il-Liġi tgħid li min jobdiha kollha għandu l-Ħajja ta’ Dejjem fih, waqt li hu kien għadu jfittixha.  Biex iġibu f’sensih li mhux vera li kien kapaċi jobdi l-Liġi, Ġesù, b’ħarsa ta’ mħabba, qallu: “Jekk trid tkun perfett, mur, bigħ il-ġid li għandek, agħtih lill-foqra, u jkollok teżor fis-sema.”  Iż-żagħżugħ kif sama’ dan, telaq b’qalbu sewda, għax kien għani ħafna.  (Mt. 19, 21-22).  Bidel lil Alla mal-flus!  Altru li ma kienx kapaċi jobdi l-Liġi għax weħel fl-Ewwel Kmandament li jgħid li m’għandux ikollna xi Alla ieħor għajrU.

 

Il-Kmandamenti jagħmlulna servizz tajjeb immens għax juruna aħna min aħna... midinbin bis-serjetà li f’ġuf ommna ntisġet fina natura marida ġejja minn Adam, natura li tibda tmut malli titwieled.  Biex aħna ngħixu dak li tgħid il-Liġi u nidħlu fil-Ħajja ġa minn hawn stess, hemm bżonn li n-natura li twelidna biha tinbidel, kif fil-fatt jiġri jekk inħallu l-Magħmudija, dak is-Sagrament tal-għaġeb, tikber ġewwa fina.  Ilkoll għandna bżonn nitneżżgħu min-natura ta’ Adam u nitlibbsu qajla qajl b’dik ta’ Kristu, u dak in-nhar inkunu nistgħu ngħixu, mhux biss dak li jgħidu l-Għaxar Kelmiet tal-Ħajja imma wkoll id-Diskors tal-Muntanja li hu ferm iktar profond u mpossibbli għall-bniedem bla konverżjoni. 

 

Il-Fariżej kienu nies “tal-Liġi”, imma bla konverżjoni f’ħajjithom.  Kienu jemmnu li sta għalihom infushom li jsalvaw ruħhom mill-qerda ta’ dejjem,  għax kienu jemmnu fis-saħħa tagħhom li jobdu l-Liġi.  Imma kienu jiġġudikaw kemm jifilħu, u ma kellhomx imħabba f’qalbhom, tant li huma u l-kttieba flimkien mal-qassisin sallbu lil Kristu l-Mulej.  L-imħabba hi l-milja tal-Liġi.  (Rum. 13, 10).

 

Il-Knisja xxandar lil Kristu msallab, skandlu għal-Lhud u bluha għall-pagani.  (1 Kor. 1, 22).  Fit-Tieni Qari, Pawlu ma jħeġġiġniex biex nippruvaw u nisfurzaw sabiex bis-saħħa tagħna nobdu l-Liġi, għax jaf li hu għalxejn,  imma jgħidilna biex inħarsu lejn Kristu msallab għalina midinbin. Inħarsu bl-għajnejn tal-Fidi lejn il-Misteru tal-Għid tal-Mulej Ġesù.  Hemm jinstab id-destin hieni tagħna.

 

Kristu tela’ fuq is-Salib biex min jinduna li hu dgħajjef quddiem il-Liġi u jiksirha b’mod naturali għax ġismu u n-natura li għandu huma miġbudin lejn it-taħsir u l-Mewt... min jinduna b’dan u jħares lejH bħalma ħares il-ħalliel “it-tajjeb”, isalva.  Jekk  inħarsu lejn Kristu bħalma l-Lhud fid-deżert ħarsu lejn is-serp fuq il-lasta li waqqaf Mosè, bħalhom infiqu, u nsiru nies ġodda skont il-qalb ta’ Alla.  Fi Kristu biss tinsab is-salvazzjoni tagħna.  Inkunu umli u bħall-pubblikan fit-Tempju, bla ma jistħoqqilna, nittalbu mingħand Kristu s-salvazzjoni.  Din hi t-Triq waħdanija.  Din hi l-konverżjoni vera.  L-ewwel trid tagħraf dnubek bis-serjetà, u hawn il-Kmandamenti jgħinuna ħafna, wieħed wara l-ieħor.  Imma huma ma jagħtunix salvazzjoni.  Kristu biss isalvana, għax hu obda għalina u minflokna l-Liġi kollha.

 

Xi Grazzja!  X’meravilja ta’ Mħabba!  Kemm hi kbira s-Sorpriża ta’ Alla!  Mhux li kien li nifhmu u nemmnu f’dak li akkwista għalina l-Iben ta’ Alla, f’dak li mmerita għalina l-Ħaruf li nagħta biex jinqatel mill-ilpup bil-ġuħ biex huma jieklu u jgħixu!  Ara xi sbuħija l-Kristjaneżmu!  Kristu huwa l-melħ li jmut fil-borma sabiex ħajjitna tieħu togħma ġdida.  Din l-Imħabba hi bluha għad-dinja u skandlu għas-sistema reliġjuża tal-bniedem.  Imma huwa din l-Imħabba biss li tgħix għal dejjem.  Hija din l-Imħabba biss li l-Missier iqajjem mill-Mewt.  Kristu miet għalija imma Hu jgħix għal dejjem.  L-istess in-Nisrani.

 

Dawn huma ġawhar għall-bniedem tal-ispirtu, imma huma knis għall-bniedem tad-dinja.  Id-dinja ma tifhimx dawn il-misteri.  Ġandar trid mhux ġawhar.  Mhux ta’ b’xejn li Kristu rrabbja meta ra lil darU, it-Tempju ta’ Ġerusalemm, mimli nies li l-flus huma l-veru Alla tagħhom.  Hu ma’ dawn biss li l-Iben uża vjolenza fiżika.  “Barra!” 

 

Imma noqogħdu attenti, biex jekk naħsbu li aħna weqfin ma niħdux xi tisbita...  Ħa nkunu nies li Kristu jafda fihom, anke jekk aħna tant dgħajfa quddiem il-Liġi.  Ħa nkunu nies li nafu li għandna bżonn nitwieldu mill-ġdid u nemmnu li fi Kristu dan jista’ jseħħ.  Ħa nkunu nies ta’ konverżjoni kontinwa, għatxana li ngħarfuH dejjem aktar, biex ma nkunux ma’ dawk li dwarhom jingħad: Imma Ġesù, min-naħa tiegħu, ma kienx jafda fihom, għax hu kien jaf ’il kulħadd u ma kellux bżonn min jagħtih xhieda fuq il-bnedmin, għax hu stess kien jaf x’hemm fil-bniedem.  (Ġw. 2, 24, 25).

 

Il-Liturġija tal-Kelma tal-lum:

 

Qari I

 

Il-Liġi ngħatat permezz ta’ Mosè.

Eż 20:1-17

Qari mill-Ktieb tal-Eżodu

 

F’dak iż-żmien, Alla tkellem u qal dan kollu lill-poplu: “Jiena hu l-Mulej, Alla tiegħek, li ħriġtek mill-art tal-Eġittu, minn dar il-jasar. Ma jkollokx allat oħra għajri. La tagħmilx għalik suriet minquxa u ebda xbieha ta’ ebda ħaġa li hemm fl-għoli tas-sema, jew isfel fl-art, jew fil-baħar taħt l-art. La tmilx quddiemhom: la tadurahomx għaliex jiena hu l-Mulej Alla tiegħek, Alla għajjur, li npatti l-ħażen tal-missirijiet fuq l-ulied sat-tielet u r-raba’ ġenerazzjoni lil dawk li jobogħduni; imma nagħder sal-elf nisel lil min iħobbni u jżomm il-kmadamenti tiegħi.

La ssemmix l-isem tal-Mulej, Alla tiegħek, fix-xejn: għaliex lil min isemmi l-isem tiegħu fix-xejn, il-Mulej ma jħallihx bla kastig.

Ftakar f’jum is-Sibt u qaddsu. Sitt ijiem taħdem u tagħmel kulma għandek tagħmel; imma s-seba’ jum hu jum il-mistrieħ f’ġieħ il-Mulej, Alla tiegħek. Dan il-jum ma tagħmel ebda xogħol, int, ibnek, il-qaddej u l-qaddejja tiegħek, il-bhejjem tiegħek, u l-barrani li jkun ġewwa bwiebek. Għax f’sitt ijiem il-Mulej għamel is-smewwiet u l-art; il-baħar u kulma hemm fihom, u strieħ fis-seba’ jum. Għalhekk il-Mulej bierek is-seba’ jum u qaddsu.

Weġġaħ lil missierek u lil ommok, sabiex jitkattru jiemek fuq l-art li l-Mulej, Alla tiegħek, jagħtik.

La toqtolx.

La tagħmilx adulterju.

La tisraqx.

La tagħtix xhieda giddieba kontra għajrek.

La tixtieqx dar għajrek: la tixtieqx il-mara ta’ għajrek, il-qaddej jew il-qaddejja tiegħu, l-għoġol jew il-ħmar tiegħu, u xejn minn kulma għandu għajrek”.

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Irroddu ħajr lil Alla.

Salm Responsorjali

Salm 18(19):8,9,10,11

R/. (Ġw 6:68ċ): Mulej, int għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem.

Il-liġi tal-Mulej perfetta,

u tagħti l-ħajja;

ix-xhieda tal-Mulej hi sewwa,

u tgħallem lil min ma jafx. R/.

 

Il-preċetti tal-Mulej dritti,

u jferrħu l-qalb;

il-kmadament tal-Mulej safi,

u jdawwal l-għajnejn. R/.

 

Il-biża’ tal-Mulej sinċier,

u jibqa’ għal dejjem;

il-ġudizzji tal-Mulej sewwa,

u mseddqa għalkollox. R/.

 

Huma egħżeż mid-deheb,

mid-deheb l-aktar fin,

oħla mill-għasel

u mill-qtar tax-xehda. R/.

 

Qari II

 

Aħna nxandru ’l Kristu msallab.

1 Kor 1:22-25

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin

Ħuti, il-Lhud jitolbu s-sinjali, u l-Griegi jfittxu l-għerf, imma aħna nxandru ’l Kristu msallab, skandlu għal-Lhud u bluha għall-Griegi; iżda għal dawk li huma msejħin, sew Lhud sew Griegi, Kristu huwa l-qawwa ta’ Alla u l-għerf ta’ Alla. Għax il-bluha ta’ Alla hija għarfa iktar mill-bnedmin, u d-dgħufija ta’ Alla hija aqwa mill-bnedmin.

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Irroddu ħajr lil Alla.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Ġw 3:16

Glorja u tifħir lilek, Kristu!

Alla hekk ħabb lid-dinja

li ta lil Ibnu l-waħdieni,

biex kull min jemmen fih ikollu l-ħajja ta’ dejjem.

R/. Glorja u tifħir lilek, Kristu!

 

Evanġelju

 

Ħottu dan it-tempju, u fi tlitt ijiem nerġa’ ntellgħu.

Ġw 2:13-25

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

 

Kien qorob l-Għid tal-Lhud, u Ġesù tela’ Ġerusalemm. Fit-tempju sab min qiegħed ibigħ barrin, nagħaġ u ħamiem, u min kien bilqiegħda jsarraf il-flus. Għamel sawt mill-ħbula, u keċċiehom ilkoll ’il barra mit-tempju, bin-nagħaġ u l-barrin tagħhom; xerred il-flus ta’ dawk li kien jsarrfu, u qalbilhom l-imwejjed. U lill-bejjiegħa tal-ħamiem qalilhom: “Warrbu dawn minn hawn, u dar Missieri tagħmluhiex dar tan-negozju!”. Id-dixxipli ftakru f’dak li kien hemm miktub fl-Iskrittura: “Il-ħeġġa għal darek fnietni”.

Imbagħad il-Lhud qabdu u qalulu: “X’sinjal se turina li inti tista’ tagħmel dan?”. Ġesù weġibhom: “Ħottu dan it-tempju, u fi tlitt ijiem jien nerġa’ntellgħu”. Għalhekk il-Lhud qalulu: “Dan it-tempju ħa sitta u erbgħin sena biex inbena, u int se ttellgħu fi tlitt ijiem?”.

Iżda hu tkellem fuq it-tempju tal-ġisem tiegħu. Meta mbagħad qam mill-imwiet, id-dixxipli tiegħu ftakru f’dak li kien qal, u emmnu fl-Iskrittura u fil-kliem li kien qal Ġesù. Waqt li kien Ġerusalemm għall-festa tal-Għid, kien hemm ħafna li emmnu f’ismu billi raw is-sinjali li kien jagħmel. Imma Ġesù, min-naħa tiegħu, ma kienx jafda fihom, għax hu kien jaf lil kulħadd u ma kellux bżonn min jagħtih xhieda fuq il-bniedem, għax hu stess kien jaf x’hemm fil-bniedem.

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Tifħir lilek, Kristu.

 
< Prev   Next >